SWITCH: KAMPANJA FAVUR L-UŻU AĦJAR TAL-ENERĠIJA
Il-Gvern jemmen li qegħdin naħlu ħafna enerġija minħabba nuqqas ta’ għarfien dwar metodi ta’ użu effiċjenti tal-enerġija. Huwa għalhekk li l-Gvern jixtieq joffri l-għodda neċessarja biex inkunu nistgħu nrażżnu l-ħela. Jixtieq, bl-aktar metodi sempliċi u diretti, jwassal checklist ta’ affarijiet li nistgħu nagħmlu, u inizjattivi li nistgħu nieħdu, biex nagħmlu użu aħjar mill-enerġija.
Dan qaluh l-Onor. George Pullicino, Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, u l-Onor. Chris Said, Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, waqt it-tnedija ta’ Switch: kampanja favur l-użu aħjar tal-enerġija.
| “Biex il-messaġġ | favur l-użu aħjar tal-enerġija verament jasal, irridu nindirizzaw tliet punti kruċjali, li huma: (a) ix-xiex; (b) l-għaliex; u (c) il-b’hiex,” saħaq l-Onor. Said. |
| Ix-“xiex” huwa | essenzjali għax għad hemm ħafna konfużjoni bejn it-tifsira ta’ tnaqqis fl-użu tal-enerġija u l-użu aħjar tal-enerġija. L-effiċjenza tfisser li nkomplu nagħmlu l-istess attivitajiet, iżda billi naħlu inqas enerġija. Pereżempju, it-televiżjoni jaħli 25% tal-elettriku meta jitħalla fuq stand-by; għalhekk għandu jintefa’ kompletament sabiex tiġi ffrankata l-ħela żejjed tal-elettriku. |
| F’dan il-każ | allura, l-użu effiċjenti tal-enerġija ma jitlobx li nċaħħdu lilna nfusna milli nsegwu l-programmi favoriti tagħna fuq it-televiżjoni, iżda li nbiddlu prattika li tidher insinifikanti, iżda li fil-verità tagħmel differenza kbira. Ifisser li nagħmlu switch. |
| Jekk il-prinċipju | li joħroġ mill-prattika li nitfu t-televiżjoni kompletament napplikawh fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, nindunaw li l-ewwel vantaġġ importanti, u li jagħmel differenza kemm fi żmien qasir u anke fit-tul, huwa li jitnaqqas il-konsum tal-elettriku u li allura jitnaqqas il-kont tad-dawl. Dan nistgħu faċilment nirriproduċuh fin-negozji ż-żgħar u medji tal-familja tagħna jew fuq il-post tax-xogħol. |
| “L-użu effiċjenti | tal-enerġija jtaffi wkoll l-impatt li nħallu fuq l-ambjent tagħna u għalhekk għandha tiġi integrata fi pjan ħolistiku ta’ żvilupp sostenibbli,” saħaq l-Onor. Pullicino. “B’din il-kampanja li qed inniedu llum se nkunu qegħdin nitolbu lill-familji sabiex huma wkoll ikomplu jagħmlu l-parti tagħhom flimkien mal-Gvern favur l-ambjent.” |
| Huwa u jitkellem | fuq il-loġistika, l-Onor. Said qal li l-kampanja jisimha Switch għax kambjament favur l-użu aħjar tal-enerġija jirrikjedi bidla fil-mentalità. Fil-jiem li ġejjin, il-Gvern se jqassam ktejjeb b’għadd ta’ inizjattivi favur l-użu effiċjenti tal-enerġija, u li jismu “Dawn Raw id-Dawl… Int Rajtu?” u li se jitwassal fid-djar kollha ta’ Malta u Għawdex. |
| Il-ktejjeb | ilaqqana ma’ seba’ personalitajiet Maltin, li huma Pablo Micallef, Eileen Montesin, John Bundy, Tony Camilleri, Chrysander Agius, Alfred Zammit u Louise Tedesco. Kull personalità tixhed il-bidla li għamlet f’parti partikolari tad-dar, karozza jew uffiċċju tagħha. |
| L-Onor. Said żied | li “iktar minn qatt qabel, biex din il-kampanja tkun ta’ suċċess jeħtieġ li noffru l-enerġija kollha tagħna lill-Kunsilli Lokali, li huma l-eqreb istituzzjoni għaċ-ċittadin. Huwa permezz tal-esperjenza tal-Kunsilli Lokali u tal-Kunsilliera tagħna li nistgħu naslu fid-djar tan-nies u nwasslu l-messaġġ favur l-aħjar użu tal-enerġija. Huwa għalhekk li se nagħmel l-almu tiegħi biex lill-Kunsilli Lokali nagħtihom ownership ta’ din il-kampanja, billi noffru idejna f’għadd ta’ inizjattivi li permezz tagħhom il-Kunsilli jidħlu fi sħab mal-Gvern tul il-ġimgħat li ġejjin.” |
| Din il-kampanja | tkompli tifforma parti mill-kullana ta’ inizjattivi u miżuri li qed jittieħdu mill-Gvern favur l-iżvilupp sostenibbli u biex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima. Infatti l-kampanja Switch issib ruħha f’nofs perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozzi tal-istrateġija nazzjonali għal miżuri ta’ politika ta’ tnaqqis tal-gassijiet serra u oħra dwar l-iskart solidu f’pajjiżna. |
| “Dawn il-miżuri | kollha qed jingħataw importanza għax dan il-Gvern tassew poġġa bħala pilastru ewlieni tal-ħidma tiegħu l-ambjent kif ukoll għax pajjiżna, flimkien mal-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea, irridu nilħqu l-miri stabbiliti sabiex aħna wkoll nikkontribwixxu sabiex nippruvaw flimkien negħlbu l-isfida tal-bidla fil-klima,” qal l-Onor. Pullicino. |
| Fl-attività ta’ | dalgħodu pparteċipaw grupp ta’ tfal minn żewġ klassijiet tal-Ekoskola u li wasslu messaġġi favur l-użu aħjar tal-enerġija, liema messaġġi kienu tgħallmu fil-klassijiet tagħhom. |
| Huwa u jagħlaq | id-diskors tiegħu, l-Onor. Said saħaq li l-messaġġ favur l-użu aħjar tal-enerġija jkun effettiv jekk ikun ċar u dirett. Hija b’din l-għaqda u b’din il-vuċi b’saħħitha li nistgħu verament inwasslu l-messaġġ favur switch fil-mod kif nittrattaw l-enerġija u allura switch favur l-użu aħjar tal-enerġija. |
…/pr0225.pdf - ktejjeb
…/pr0225.jpg – SWITCH Logo MT
…/pr0225.jpg – SWITCH Logo EN
Stqarrijiet Oħra:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984