STQARRIJA TAL-KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET SOĊJALI TAL-PARLAMENT
Il-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Soċjali jiddiskuti l-familja u l-anzjani
“...illum id-djar tan-nanniet tbiddlu għal Child Day Care Centre...”
“...il-workforce ta’ pajjiżna ma tistax tkun dik li hi mingħajr is-sostenn tan-nanniet...”
“...il-maġġoranza tal-anzjani jgħixu fid-djar tagħhom... fis-sena 2015 hu mistenni li jkun hawn 77,000 persuna li għandhom ‘il fuq minn 65 sena u fis-sena 2050 dan in-numru se jitla’ għal aktar minn 100,000...”
“....fl-2007, wieħed minn kull ħames persuni kienu anzjani...u 3484-il anzjan kienu f’xi istituzzjoni tal-Istat, Gvern jew privata...”
“...imbierek dak l-anzjan li jsib l-appoġġ meħtieġ fi ħdan il-familja tiegħu stess u dan l-appoġġ ikun mogħti lilu b’sens ta’ mħabba...”
Hekk sema’ l-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Soċjali meta fit-28 ta’ Jannar 2009, iltaqa’ mal-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani. Il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani, is-Sinj Helen Borg Bonnici, spjegat lill-Kumitat kif skont statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, in-numru tal-anzjani f’pajjiżna ser ikompli jiżdied. Hija qalet li llum, l-anzjani għandhom rwol importanti fis-soċjetà. Minn kmieni filgħodu l-ġenituri jafdaw il-kura tat-tfal lin-nanniet sabiex ikunu jistgħu joħorġu jaħdmu biex iħallsu l-loans u jlaħħqu mal-ħajja. Il-President tal-Kunsill Nazzjonali qalet li ħafna nanniet iwasslu t-tfal għall-iskola, imorru għalihom, itugħhom x’jieklu u saħansitra jgħinuhom fil-homework ukoll.
Għalkemm ikunu kbar fl-età u t-trobbija tan-neputijiet hija xi ftit jew wisq impenjattiva, hija qalet li dan l-impenn jagħmluh bl-akbar għożża. Is-sinj Borg Bonnici sostniet li d-djar tan-nanniet tbiddlu għal Child Day Care Centre. Il-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali ddiskuta mal-Kunsill tal-Anzjani fuq ir-rwol akbar tan-nanniet meta l-familja titkisser. Filwaqt li n-nanniet iħossu dispjaċir kbir għas-separazzjoni tat-tfal tagħhom, huma jispiċċaw il-kenn u s-sustenn finanzjarju, kemm għat-tfal tagħhom kif ukoll għat-tfal tat-tfal tagħhom.
Il-laqgħa ffukat ukoll fuq kif il-workforce ta’ pajjiżna ma jistax ikun dak li hu mingħajr il-forza siekta fil-familja – in-nanniet. Li kieku ma jkunx hekk, il-ġenituri, partikolarment l-ommijiet, ma jkunux jistgħu joħorġu jaħdmu. Però l-kontribut tal-anzjani u n-nanniet ma jwassalx biss s’hawn. Is-Sinj Helen Borg Bonnici sostniet ukoll li b’eżempju u bil-kliem, l-anzjani jgħaddu l-valuri li jkunu trabbew fihom huma lin-neputijiet. Fost il-valuri l-aktar importanti, hija semmiet:
- l-għożża u l-ġabra minflok ġiri u sfrattu ta’ ħbiberiji illeċiti;
- il-ġmiel tal-ħajja u sbuħija tal-ulied minflok il-qerda u l-mewt permezz ta’ vizzji jew abort;
- l-għaqal li wieħed ifaddal għal meta jkollu bżonn minflok infiq ta’ flus bla rażan mingħajr m’hemm il-ħtieġa; u
- ir-rikkezza u l-valur tal-edukazzjoni għat-tfal minflok l-injoranza u l-faqar fil-moħħ tal-bniedem.
Il-laqgħa żvolġiet fuq meta l-anzjani jidħlu fil-fażi ta’ dipendenza minħabba mard relatat mal-età. L-anzjan ikollu bżonn min jgħinu fl-attivitajiet tal-ħajja sabiex ikompli jgħix fid-dinjità. Minħabba ċ-ċirkustanzi soċjo-ekonomiċi, il-ħin li t-tfal jieħdu ħsieb l-anzjan jew il-ġenituri tagħhom f’dan l-istadju tal-ħajja huwa limitat. Madankollu, is-Sinj Borg Bonnici qalet li meta l-kura tippermetti, l-anzjani jippreferu jibqgħu jgħixu f’darhom fil-komunità milli jidħlu fi djar tal-anzjani. Filwaqt li rrikonoxxiet is-servizzi tal-Istat fil-komunità u l-inizjattivi ta’ night shelters u sheltered homes, hija sostniet li l-anzjani għandhom jibqgħu jingħataw l-għajnuna mit-tfal jew qraba. Filfatt hija qalet li mbierek dak l-anzjan li jsib l-appoġġ meħtieġ fi ħdan il-familja tiegħu stess u dan l-appoġġ ikun mogħti lilu b’sens ta’ mħabba u mingħajr ebda pretensjonijiet ta’ flus u obbligazzjonijiet.
Il-qalb tal-anzjan tweġġa’ ħafna meta jintebaħ li jkun sar ta’ piż għal uliedu. Minn naħa l-oħra l-Sinj Borg Bonnici qalet lill-Kumitat fuq inizjattivi tajbin li jieħdu ċertu ulied, fejn isiru arranġamenti fost l-aħwa sabiex jassiguraw li l-anzjan ma joqgħodx waħdu matul il-lejl. Il-mard u n-nuqqas ta’ wens u kumpanija ta’ xi ħadd li jafdaw, kemm mill-familja u kemm mis-soċjetà, isarrfu għall-anzjan fi problemi ta’ saħħa mentali u fiżika. Ġie diskuss ukoll il-forom differenti ta’ vjolenza domestika li l-anzjan jista’ jsofri fid-dar minn dawk li jkunu qed jieħdu ħsiebhom. Issemmew anki eżempji ta’ testmenti sfurzati, rikatt u s-serq ta’ pensjoni. Dan ta’ min jikkundannah.
Il-laqgħa tmexxiet mill-Onor Edwin Vassallo Chairperson tal-Kumitat, u kienu preżenti l-Onor Justyne Caruana, l-Onor Michael Gonzi, l-Onor Jean Pierre Farrugia u l-Onor Beppe Fenech Adami. Il-Membri qablu li ssir laqgħa oħra fejn jiġu diskussi inizjattivi ġodda li jistgħu jittieħdu fil-futur sabiex l-anzjan jibqa’ jkollu kwalità ta’ ħajja tajba fid-dar.
Stqarrijiet Oħra:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984