Diskors mill-onorevoli lawrence gonzi, Prim Ministru fl-okkazjoni ta’ l-Iskambju ta’ Awguri gĦas-sena l-Ġdida mAL-KORP DIPLOMATIKU - BERĠA TA’ KASTILJA, VALLETTA - IL-ĠIMGĦA, 16 TA’ JANNAR, 2009
PR0045
16/01/2009
| Merħba għal din | il-laqgħa ta’ kull sena sabiex nawguraw lil xulxin u nirriflettu ftit dwar il-prospetti għas-Sena l-Ġdida. L-isbaħ xewqat tiegħi u tal-kollegi tiegħi, lilkom u l-familji tagħkom. F’isem il-poplu Malti, nixtieq ukoll inwassal l-isbaħ xewqat lill-Gvernijiet u l-popli li tirrapreżentaw. |
| Kienet sena ta’ | ħafna żviluppi u li f’ħafna aspetti ma kienux tas-soltu. |
| F’Marzu l-poplu | Malti mar jivvota fl-għaxar elezzjoni ġenerali mill-Indipendenza ’l hawn. Kienet ukoll l-ewwel elezzjoni ġenerali li saret f’Malta mindu sseħibna fl-Unjoni Ewropea fl-2004 u saret ftit xhur wara li dħalna fiż-żona Ewro u fiż-żona Schengen fl-2008. |
| Id-dħul ta’ pajjiżna | fil-proġett Ewropew ġie fi żmien meta l-komunità internazzjonali qed tiffaċċja ambjent ekonomiku instabbli u inċert b’mod mhux tas-soltu li qed iwassal għal ċaqliq enormi bħal dawk fil-prezzijiet taċ-ċereali u ż-żjut, it-tiġrif tas-sistema finanzjarja internazzjonali u riċessjoni globali kbira. Ftit li xejn pajjiż żgħir u b’ekonomija miftuħa bħal tagħna jista’ jiddefendi ruħu waħdu minn dan it-taqlib. Hija ta’ faraġ li s-sħubija f’waqqitha li għamel pajjiżna fiż-żona Ewro ħarsitna mill-agħar problemi f’dan il-perjodu diffiċli. |
| Waħda | mir-riflessjonijiet ta’ serħan il-moħħ li toħroġ mid-dibattitu attwali internazzjonali huwa l-ħsieb li dejjem jikber, li m’għandhomx jinstabu soluzzjonijiet għal żmien qasir a skapitu ta’ objettivi li jridu jintlaħqu fuq milja itwal ta’ snin. Għalkemm huwa veru li din ir-realizzazzjoni hija sentiment li tista’ tingħeleb b’talbiet urġenti u immedjati. |
| Eżempju ta’ dan huma | l-problemi li qegħdin jiffaċċjaw in-negozjati ta’ Doha tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. F’Novembru f’Washington, il-mexxejja tal-Grupp ta’ 20 qablu dwar il-kundizzjonijiet biex in-negozjati jiġu konklużi sa Diċembru. Dan ma seħħx. |
| Malta tibqa’ | tal-fehma li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ globali hija għodda indispensabbli għall-iżvilupp. Nemmnu li tħassib dwar prodotti speċifiċi b’mod partikulari u s-sigurtà tal-ikel b’mod ġenerali, tħassib li aħna wkoll nifhmu u naqsmu, għandu jiġi milqugħ f’sistema ta’ kummerċ ħieles razzjonali u li tikber. |
| Aħna wkoll konvinti | li l-bżonnijiet ta’ żvilupp fit-tul ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu jintlaħqu aħjar b’sistema ġusta u xierqa ta’ kummerċ ħieles, u mhux permezz ta’ azzjoni unilaterali ta’ protezzjoniżmu. B’dan l-ispirtu, Malta se tibqa’ tappoġġja li n-negozjati ta’ Doha jispiċċaw b’suċċess kemm jista’ jkun malajr. |
| Azzjoni dwar | il-bidla fil-klima hija settur ieħor fejn l-għanijiet fit-tul iridu jikkompetu mal-obbligazzjonijiet iebsa tas-sitwazzjoni ekonomika preżenti. Hemm sinjali inkoraġġanti ta’ kunsens sod globali dwar it-tifsira tal-problema. |
| Il-mistoqsija | ewlenija hija jekk il-kriżi ekonomika preżenti hix se xxekkel flok tgħin l-azzjoni urġenti u kuraġġjuża li hi meħtieġa. |
| Ix-xahar li għadda | kien hemm qbil fost il-mexxejja Ewropej li tittieħed direzzjoni kuraġġjuża. Malta hija determinata li tilħaq il-miri stabbiliti skont din id-deċiżjoni. Dan l-impenn mhux se jkun faċli għalina minħabba l-insularità u l-limitazzjonijiet ta’ spazju u riżorsi tagħna. Madanakollu konvinti li l-isforz se jagħti l-frott fis-snin li ġejjin. L-isforz tagħna huwa wkoll skont ir-rwol tagħna li nistimulaw lill-komunità internazzjonali biex tieħu azzjoni kollettiva dwar il-bdil fil-klima. |
| Il-kooperazzjoni | favur il-paċi u s-sigurtà fil-Mediterran huwa qasam ieħor fejn Malta għandha storja fejn ħeġġet u mexxiet azzjoni kollettiva. Hemm żewġ kunsiderazzjonijiet bażiċi li jservu ta’ prinċipji li jmexxuna f’dan il-qasam. Wieħed huwa dak li l-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa huma marbuta mill-qrib mal-paċi u s-sigurtà fil-Mediterran. L-ieħor huwa li l-proċess ta’ kooperazzjoni fil-Mediterran irid bilfors jinvolvi n-naħa ta’ fuq u n-naħa ta’ isfel tar-reġjun fuq il-bażi ta’ ugwaljanza u sħubija. |
| It-tnedija | tal-Unjoni tal-Mediterran mill-Presidenza Franċiża s-sena l-oħra hija pass importanti fil-proċess ta’ kooperazzjoni Mediterranja. L-Unjoni żiedet fil-proċess ta’ Barcelona dawk l-elementi ta’ ugwaljanza u funzjonalità li qabel kienu neqsin. B’mod konsistenti, Malta appoġġjat il-proċess ta’ Barcelona u hija mimlija ħeġġa dwar l-evoluzzjoni ta’ dan il-proċess fl-Unjoni tal-Mediterran. Aħna determinati li nagħtu sehem attiv fit-twettiq effettiv tal-għanijiet tal-Unjoni; in-nomina ta’ Malti bħala wieħed mill-ħames Deputati Segretarji ġenerali għanda tgħin biex dan il-għan jintlaħaq. |
| Malta ġiet ukoll | fdata biex tilqa’ fi ħdanha uffiċċju ta’ komunikazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Lega Għarbija. Il-laqgħa li Malta ppromwoviet fi Frar tas-sena l-oħra bejn il-ministri tal-affarijiet barranin tal-UE u l-Lega Għarbija, saħqet dwar il-potenzjal li jeżisti għal djalogu utli u kostruttiv bejn iż-żewġ naħat dwar kooperazzjoni akbar fuq kwistjonijiet reġjonali u globali ta’ interess għaż-żewġ naħat. Nittamaw li uffiċċju ta’ komunikazzjoni se jagħti kontribut utli biex jippromwovi djalogu strutturat bejn l-Unjoni Ewropea u l-Lega Għarbija. |
| Il-pajjiżi Ewropej u | Għarab investew kapital politiku u finanzjarju sinifikanti tul il-milja tas-snin dwar il-Palestina. Il-ġrajjiet traġiċi tal-aħħar ġimgħat qanqlu niket u biża’ fid-dinja. Sejħiet għall-moderazzjoni u azzjoni favur għajnuna umanitarja huma reazzjoni naturali u immedjata. |
| Irridu nistaqsu | għaliex fl-2008 il-komunità internazzjonali ma kinitx kapaċi tisfrutta l-possibbiltà ta’ soluzzjoni paċifika fil-Lvant Nofsani. Tul il-biċċa l-kbira tas-sena, din l-opportunità ntweriet b’konverġenza bejn il-proċess Annapolis, il-Pjan ta’ Paċi Għarbi u l-waqfien mill-ġlied fraġli f’Gaża. Hawn fl-Ewropa rridu neżaminaw kif il-preżenza tagħna tinħass aħjar permezz ta’ azzjoni diretta u b’saħħitha kull meta jkun hemm opportunitajiet simili fil-ġejjieni. |
| Wieħed jittama illi | Malta tkun f’pożizzjoni li tagħti sehem aktar dirett permezz tar-rappreżentanza diplomatika li diġà fetħet f’Tel Aviv u dik li daqt se tinfetaħ f’Ramallah. L-għan ewlieni tagħna jibqa’ dak ta’ żewġ stati sovrani, l-Iżrael u l-Palestina, li jgħixu qrib xulxin fis-sigurtà u l-paċi. |
| Matul l-2008 kien | hemm ħafna aktar sitwazzjonijiet fejn il-komunità internazzjonali ssejħet biex tieħu azzjoni f’waqqitha u b’saħħitha biex issib tarf ta’ sitwazzjonijiet imwiegħra. L-Unjoni Ewropea kellha rwol importanti fil-każ tal-Kosovo u tal-Ġeorġja u r-riżultati kienu inkorraġġanti. |
| Naħsbu li l-ħarsien | ewlieni tas-sigurtà nazzjonali tagħna jinsab f’ambjent ta’ kooperazzjoni u stabbilità reġjonali u internazzjonali, imseddaq bir-rispett sħiħ lejn il-liġi u d-dritt. B’hekk nagħrfu li għandna interess u anke responsabbiltà, fil-limiti ta’ kemm nifilħu, li nagħtu sehemna. |
| Malta qed | tipparteċipa fil-missjonijiet ċivili tal-Politika tad-Difiża u s-Sigurtà tal-Unjoni Ewropea (ESDP) fil-Ġorġja u l-Bosnja permezz tal-Forzi Armati ta’ Malta u l-Pulizija. Malta qed tipparteċipa wkoll, permezz tal-Forzi Armati ta’ Malta fil-Counter Piracy Operation, ‘l hemm mis-Somalja. Għandna wkoll żewġ ġudikanti li qed iservu fil-missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo u mħallef ieħor fil-Qorti Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ dik li qabel kienet il-Jugoslavja (ICTY). Membri mill-Forzi Armati ta’ Malta servew ukoll b’mod temporanju fil-United Nations Interim Force fil-Lebanon u fl-OSCE Certification Visits għall-Balkani. |
| Id-dħul mill-ġdid | tagħna fil-programm Partnership for Peace f’April tas-sena l-oħra seħħ fl-isfond ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet. Minbarra li qed tiffaċilta ċertu aspetti tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea, is-sħubija fil-Partnership for Peace tipprovdilna opportunitajiet ġodda biex nifhmu aħjar kwistjonijiet ta’ sigurtà li jolqtuna, tagħtina possibbiltajiet ġodda ta’ taħriġ għan-nies tagħna u ttejjeb is-sehem tagħna f’attivitajiet għaż-żamma tal-paċi. |
| Huwa fil-kontinent | Afrikan li l-komunità internazzjonali qed taffronta l-aktar ħtiġiet iebsa u kumplessi fejn jidħlu it-twettiq u ż-żamma tal-paċi. Il-vjolenza f’Darfur u fil-Kongo tal-Lvant qed tkompli toħloq traġedji umanitarji li huma inaċċettabbli. Ma nistgħux ma nkunux maħsuda bil-ħafna każijiet f’reġjuni sħaħ ta’ dan il-kontinent fejn il-liġi tiġi injorata, bl-aktar drittijiet bażiċi tal-bniedem, speċjalment id-drittijiet tat-tfal, ikomplu jiġu mkasbra, u fejn il-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi għadhom lura ħafna. |
| Kooperazzjoni bejn l-Unjoni | Afrikana u l-Unjoni Ewropea, fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti, toffri potenzjal għall-mixja ’l quddiem. Hawnhekk fl-Ewropa, l-interess li għandna biex ngħinu nsibu tarf tal-problemi tar-reġjun li jinsab fin-nofsinhar tad-deżert tas-Saħħara, jinbet mhux biss mill-impenn qawwi favur id-drittijiet tal-bniedem iżda anke mix-xewqa li nippromwovu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali kif ukoll li naqsmu r-responsabbiltà biex inħarsu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Il-problemi ta’ dawn ir-reġjuni huma, f’ċertu aspetti, il-problemi tagħna wkoll. |
| Din ir-realtà hi | l-iktar evidenti fil-mod kif it-taqlib ekonomiku, soċjali u politiku fl-Afrika jaffettwa il-migrazzjoni ta’ nies lejn l-Ewropa. Kif spjegajna tul dawn l-aħħar snin, Malta qed tintlaqat sew mill-fenomenu. Din il-problema qed tiggrava kull sena. |
| Aħna tlabna lil | sħabna Ewropej biex jirrikonoxxu, jieħdu azzjoni immedjata u jipprovdu soluzzjonijiet fuq medda itwal ta’ żmien għall-problemi li qed niffaċċjaw. Fil-Patt ta’ Migrazzjoni f’Ottubru li għadda, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ftehmu li jagħtu konsiderazzjoni ikbar lid-diffikultajiet ta’ dawk l-Istati Membri li huma milquta mill-influssi sproporzjonati ta’ immigranti. Aħna qed naħdmu u se nkomplu naħdmu mal-Kummissjoni u fil-Kunsill, sabiex il-priniċipju ta’ burden sharing jiġi implimentat b’mod prattiku u effettiv fil-futur qarib. |
| Malta se tkompli | tikkonsulta mal-ġirien tagħha biex b’mod uman iżda wkoll b’mod sod dwar kif għandha tiġi ffaċċjata l-immigrazzjoni illegali. Kif isostni tajjeb il-Patt ta’ Migrazzjoni tal-Unjoni Ewropea, l-ipotesi li ma jkunx hemm immigrazzjoni mhijiex realistika u hija perikoluża. Irridu niżguraw li l-migrazzjoni sseħħ b’mod ordnat u dixxiplinat u li jirrispetta d-drittijiet tal-immigranti kif ukoll iħares l-interessi leġittimi tal-komunitajiet fejn imorru. |
| Bħal kull kwistjoni | oħra, il-migrazzjoni hi fenomenu globali li jimmanifesta ruħha b’modi differenti, iżda li għandhom karatteristiċi komuni, f’reġjuni differenti. Dan il-fatt iġegħilna nistaqsu l-mistoqsija dwar l-istrutturi istituzzjonali li fuqhom hi mibnija l-koperazzjoni internazzjonali. Naqblu li s-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti tinstab fil-qalba ta’ dawn l-istrutturi istituzzjonali. |
| Għal ħafna snin, | in-Nazzjonijiet Uniti kienet qed taħdem fuq proċess ta’ riforma li għandha ħafna għanijiet. Xi għanijiet ta’ din ir-riforma, b’mod partikolari dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ Kunsill tas-Sigurtà aktar rappreżentattiv u li jirrispondi malajr, għadhom s’issa ma ntlaħqux. Għal Malta, dan hu ta’ dispjaċir. F’setturi oħra, ċerta miżura ta’ riforma istituzzjonali ntlaħqet. |
| Din | il-konsiderazzjoni twassalna biex nifhmu li riforma istituzzjonali tista’ tkun ingredjent neċessarju, iżda mhux biżżejjed, għall-koperazzjoni multi laterali. L-ingredjent bażiku jibqa’ l-impenn politiku li jippromwovi l-isforz lejn azzjoni kollettiva. |
| Nemmnu li dan | il-ħsieb jgħodd ukoll fejn għandu x’jaqsam il-proċess ta’ riforma istituzzjonali fl-Unjoni Ewropea. Aħna konvinti wkoll li t-trattat ta’ Riforma ta’ Lisbona hu neċessarju f’dan il-proċess. Malta tilqa’ l-fatt li nstabet it-triq ‘il quddiem li tiżgura li l-problemi li rriżultaw bil-vot negattiv fir-referendum Irlandiż jiġu indirizzati. |
| Fl-istess ħin | għandna nkomplu niffukaw fuq l-ispirazzjoni politika essenzjali tal-Unjoni – l-għan huwa li jiġu stimolati l-enerġiji tal-Ewropej kollha fi proċess koperattiv għall-paċi, prosperità u rispett reċiproku. Dan hu dak li għandu jkompli jiggwidana hekk kif niffaċċjaw l-isfidi ta’ matul iż-żmien tat-tkabbir u t-tisħiħ tal-Unjoni Ewropea. |
| Hekk kif Malta se | tagħlaq ħames snin imsieħba fl-Unjoni Ewropea, qed tkompli għaddejja bil-programm ta’ żvilupp nazzjonali. Ir-relazzjonijiet bilaterali qed ikomplu jissaħħu u jikbru, kemm mal-imsieħba fl-Unjoni Ewropea kif ukoll ma’ dawk li mhumiex fl-Unjoni Ewropea. Fost l-iżviluppi bilaterali l-aktar importanti ta’ matul l-2008, nixtieq insemmi l-ftehim tat-tassazzjoni doppja li ffinalizzajna mal-Amerika f’Marzu, u dak li kkonkludejna mal-Libja dan l-aħħar. Fit-30 ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet, Malta kienet aċċettata wkoll fil- ‘United States Visa Waiver Programme.’ |
| Diġà għamilt | riferenza għall-inċertezzi li hemm fil-qasam ekonomiku internazzjonali. Għandi l-pjaċir nirrimarka li fuq livell nazzjonali qed niffaċċjaw is-sitwazzjoni b’mod tajjeb. |
| Iċ-ċifri juru li | fl-aħħar sitt xhur tas-sena 2008, l-ekonomija Maltija kienet qed tikber bir-rata annwali ta’ 2.2% - tnaqqis mir-rata ta’ tkabbir ta’ 3.3% li kien hemm fl-ewwel xhur tas-sena. Iżda it-tnaqqis jiftiehem fiċ-ċirkustanzi preżenti, u meta mqabbla mal-bqija tal-ekonomiji Ewropej. |
| Matul is-sena li | għaddiet, inħolqu madwar 7000 impjieg ġdid, u l-qgħad baqa’ f’livelli baxxi. Komplejna wkoll nagħmlu avvanzi strutturali fis-settur tax-xogħol – b’żieda fil-persentaġġ ta’ nisa jidħlu fil-qasam tax-xogħol, u b’settur pubbliku iżgħar b’persentaġġ anqas ta’ ħaddiema mit-total ta’ dawk li jaħdmu bi qliegħ. |
| Is-settur | finanzjarju wkoll wera livell tajjeb ta’attività, b’numru kontinwu ta’ liċenzi godda li jinħargu mill-Awtorità Maltija tas-Servizzi Finanzjarji, partikolarment fis-setturi tas-servizzi tal-investiment, assigurazzjoni u trusts. |
| L-indikazzjonijiet | jidhru li l-problemi ekonomiċi internazzjonali se jibqgħu jippersistu fl-2009. Għaldaqstant jeħtieġ li nibqgħu għaddejjin bl-isforzi li għamilna sa issa. Il-gvern immexxi minni għandu strateġija doppja – waħda mmirata għal miżuri ta’ rimedju fuq terminu qasir, u l-oħra mmirata għal żamma tal-programm ta’ żvilupp fuq żmien itwal. |
| Hemm bżonn li l-azzjonijiet | li jittieħdu fuq terminu qasir ikunu konsistenti mal-miri tagħna ta’ żvilupp fit-tul. Eżatt wara l-elezzjonijiet ta’ Marzu tas-sena l-oħra, komplejna bl-inizjattivi fuq ir-riforma tal-kera, ir-riforma tat-trasport u fażi oħra mir-riforma tas-sistema edukattiva. Bdejna wkoll naħdmu fuq il-privatizzazzjoni tat-Tarzna – eżerċizzju sensittiv u kumpless, imma, li għandi l-pjaċir ngħid, qiegħed fi stadju avvanzat. |
| Sabiex nagħġnu u | niżviluppaw aħjar il-miri tagħna nedejna l-Viżjoni 2015, li taħtu identifikajna seba’ setturi li għandhom ikunu l-pilastri prinċipali tal-attività ekonomika futura ta’ Malta. Is-seba’ setturi huma: is-Servizzi Finanzjarji, it-Teknoloġija għall-Informazzjoni u Komunikazzjoni, it-Turiżmu, il-Manifattura, is-Saħħa, l-Edukazzjoni u Għawdex bħala gżira ekoloġika. Għandna mira għal kull settur, u kull gwadann hu mmirrat li jagħti vantaġġ komparattiv lil Malta sas-sena 2015. |
| Ninsab fiduċjuż li | l-poplu Malti se jilħaq l-isfidi li aħna lkoll qed naffrontaw f’dawn iż-żmenijiet diffiċli. Aħna nsibu s-saħħa meħtieġa mis-sens profond ta’ solidarjetà nazzjonali tagħna, mir-rabtiet sodi tagħna mal-valuri umani li tawna l-identità tagħna u mill-impenn tagħna lejn ix-xogħol. |
Other Press Releases:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984