Left arrow Mur Lura

INDIRIZZ MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTTOR EDWARD FENECH ADAMI PRESIDENT TA’ MALTA, FL-OKKAŻJONI TAL-ISKAMBJU TA’ AWGURI GĦAS-SENA L-ĠDIDA MAL-KORP DIPLOMATIKU - IL-PALAZZ, VALLETTA - IL-ĠIMGĦA, 16 TA’ JANNAR 2009

PR0044
Date Icon 16/01/2009
Ministru tal-AffarijietBarranin,
Dekan tal-KorpDiplomatiku,

Eċċellenzi,

Membri tal-KorpDiplomatiku,
Għandi l-pjaċir linilqagħkom biex nawguraw lil xulxin l-isbaħ xewqat għas-Sena l-Ġdida u nġeddu r-rabtiet ta’ ħbiberija bejn il-Gvernijiet u l-Popli tagħna.

Nunzju Appostoliku,

Nirringrazzjak, Monsinjur Tommaso Caputo, Dekan tal-Korp Diplomatiku, għall-kliem ġentili u l-isbaħ xewqat tiegħek.  Ippermettili nagħti lilek u lill-Korp Diplomatiku kollu, l-isbaħ xewqat tiegħi għas-Sena l-Ġdida.  Nitolbok ukoll biex tgħaddi lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI l-isbaħ xewqat tiegħi u l-awguri tal-Poplu Malti. 

Eċċellenzi,

Is-sena li għaddietġabet magħha aspettattivi diversi kif ukoll żviluppi mhux mistennija.
Fl-10 ta’ Diċembru2008 iċċelebrajna s-60 anniversarju minn meta l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. Id-Dikjarazzjoni tirrappreżenta l-ewwel ftehim komprensiv fost in-nazzjonijiet li jiġbor fih id-drittijiet  u l-libertajiet speċifiċi għall-bnedmin kollha.
Id-Dikjarazzjonikienet adottata fi żmien meta d-dinja kienet mifnija b’dak kollu li seħħ fil-kwart ta’ seklu ta’ qabel: il-waqgħa tas-swieq tal-investimenti fl-1929, id-Dipressjoni l-Kbira li seħħet mal-waqgħa tas-swieq, it-Tieni Gwerra Dinjija u l-Olokawstu. Minħabba dawn it-traġedji ekonomiċi u umani, id-dinja fittxet li tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem flimkien ma’ dawk politiċi, ekonomiċi u soċjali.
Iċċelebrajna danl-anniversarju importanti s-sena l-oħra li fi tmiemha ġejna wiċċ imbwiċċ ma’ kriżi finanzjarja globali li tikkostitwixxi sfida għad-drittijiet tal-bniedem. Hekk kif l-ekonomiji jibdew ibattu u l-pajjiżi jnaqqsu l-baġits tagħhom, jikber il-periklu li programmi essenzjali għall-edukazzjoni, kura tas-saħħa jew għajnuna soċjali jisfaw vittmi ta’ tnaqqis mill-baġit tagħhom – fi żmien meta jkun hemm l-aktar bżonnhom.
Id-drittijietstipulati fid-Dikjarazzjoni jittrattaw - flimkien ma’ dawk politiċi u ekonomiċi - uħud mill-aktar kwistjonijiet kruċjali relatati mal-kriżi kurrenti: id-dritt għax-xogħol u għal kundizzjonijiet ta’ xogħol aċċettabbli, id-dritt għal siġurtà soċjali, id-dritt għas-saħħa u edukazzjoni, u d-dritt għal protezzjoni u kura f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi.
Għalkemmid-drittijiet soċjali u ekonomiċi saru parti integrali mill-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, bosta huma l-gvernijiet għadhom jitnikkru biex jimplimentawhom kollha.  Il-konsegwenzi - ċaħda,  esklużjoni u emarġinazzjoni soċjali u ekonomika - kollha huma mogħdijiet perikolużi li jwasslu għal aljenazzjoni soċjali u politika, diskriminazzjoni, estremiżmu jew konflitt.
Il-Gvernijietgħandhom id-dmir li jiżguraw il-benesseri tal-popli tagħhom li jinkludi li jiggarantulhom id-drittijiet umani.  Il-politika tal-gvern għandha topera f’qafas ta’ drittijiet umani fl-isforzi tagħha biex tiżgura effiċjenza ekonomika.
F’dinja globalizzata uinterdipendenti, il-gvernijiet jistgħu biss jilħqu dan l-iskop billi jseddqu l-koperazzjoni u s-solidarjetà multilaterali, flimkien ma’ kuxjenza għal responsabbiltà soċjali korporattiva min-negozji.
Fil-famuż diskorstiegħu “L-Erba’ Libertajiet”, Franklin D. Roosevelt enfasizza dak li hu ra bħala l-libertajiet prinċipali li kull bniedem għandu jgawdi: libertà tal-kelma u l-espressjoni, libertà fit-twemmin reliġjuż, ħelsien mill-faqar u ħelsien mill-biża’.  Dawn l-erba’ libertajiet jagħmlu parti mid-Dikjarazzjoni Universali.
Waħda mill-kisbietewlenin fid-drittijiet tal-bniedem f’dawn l-aħħar sittin sena kienet it-twaqqif ta’ mekkaniżmi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali biex jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem.  Hekk aħna mgħammrin aħjar biex negħlbu problemi relatati.  Waqt li l-ħajjiet ta’ ħafna tjiebu tul dawn l-aħħar sittin sena, għad hawn popli li m’għandhomx drittijiet tal-bniedem.

Eċċellenzi,

L-1 ta’ Jannar 2009 fakkarl-għaxar anniversarju mid-dħul tal-ewro bħala munita waħda għal ħdax-il Stat Membru.  Fakkar ukoll il-bidu ta’ politika monetarja waħda għaż-żona tal-ewro mill-Bank Ċentrali Ewropew. Nieħu din l-opportunità biex nifraħ lir-Repubblika Slovakka fl-adozzjoni tagħha tal-ewro bħala l-munita uffiċjali tagħha wara li wettqet ix-xogħol diffiċli biex tilħaq il-kriterji meħtieġa ta’ konverġenza ekonomika.
L-1 ta’ Jannar 2009 kien ukolll-ewwel anniversarju meta Malta ssieħbet fiż-żona tal-ewro. Meta nħarsu lura, naraw li aħna aktar minn sodisfatti bil-ħeffa u s-suċċess li bihom il-Poplu tagħna adotta l-ewro. Nittama u nixtieq li dan ikun japplika wkoll għar-Repubblika Slovakka.

Eċċellenzi,

Sena ilu konnaqegħdin nistennew b’ħerqa l-possibbiltà ta’ suċċess  fil-ftehim għall-paċi, li ilna tant nistennew, fil-Lvant Nofsani b’riżultat tal-Ftehim ta’ Annapolis. Kien hemm it-tama li l-partijiet kollha jagħmlu sforz qawwi biex isibu qbil.
Sfortunatament,is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani marret għall-agħar: attakki bil-missili, inkursjonijiet militari, ħerba mill-infrastruttura u mwiet, partikolarment ta’ nies ċivili innoċenti li dejjem qed jiżdiedu.  Sejħiet għall-waqfien mill-ġlied mill-Unjoni Ewropea, minn għadd kbir ta’ stati oħra kif ukoll min-Nazzjonijiet Uniti, ġew injorati.
Jien ukoll nixtieqillum insemma leħni għall-waqfien mill-ġlied f’Gaża u l-madwar.  Nies qegħdin imutu, nies feruti jinħtieġu kura medika urġenti u abitanti li jridu jeħilsu minn dawn il-kundizzjonijiet ta’ stmerrija. M’hemm l-ebda triq oħra ħlief l-eżistenza tal-Iżrael u l-Palestina bħala żewġ Stati sovrani u ġirien, bil-Popli tagħhom jgħixu fis-sigurtà u l-paċi.

Eċċellenzi,

Ninsabu għaddejjinminn dik li probabbilment hi l-agħar kriżi finanzjarja u ekonomika u l-akbar riċessjoni mill-1930 ’l hawn. Mhux sorpriża li l-miżuri ta’ self u għotjiet ta’ żmien id-Dipressjoni qed jiġu implimentati fl-Istati Uniti tal-Amerika u l-Ewropa.
Bdiet bħala kriżita’ likwidità fl-Istati Uniti tal-Amerika qabel ma xterrdet fl-Ewropa u l-Asja.  Fl-Ewropa żviluppat fi fjask bankarju waqt li fl-Asja saret problema ta’ qgħad hekk kif fabbriki bdew u komplew jagħlqu minħabba tnaqqis fid-domanda għall-oġġetti.
Ħafna mill-analiżi tal-kollasstal-industrija finanzjarja tal-2008 sar dwar l-ekonomiji, li kkonċentraw fuq x’ikkawża l-kriżi u x’għandu jsir.
Il-proċessiekonomiċi tal-aħħar ħamsa u għoxrin sena kellhom wkoll konsegwenzi politiċi u soċjali profondi.   Il-waqgħa mhijiex biss dwar id-dominanza tal-ekonomija tas-suq ħieles iżda wkoll tal-ideoloġija li żviluppat madwarha.
Sa mill-1929 kienhemm xejriet prinċipali fir-rwol tal-istat fit-tkabbir tal-ekonomija tiegħu.  Id-Dipressjoni l-Kbira tal-1929 l-ewwel wasslet għal żmien qasir ta’ protezzjoniżmu u wara żviluppaw policies min-naħa tad-domanda proposti minn Keynes.
L-ewwel għexieren ta’ snin waral-gwerra kienu karatterizzati mill-fatt li l-istat kien fdat bil-benesseri tas-soċjetà.  Fil-fatt l-istat beda jipprovdi s-sigurtà soċjali għall-individwu.
Bidla oħra seħħetwara t-theżżiż fil-prezzijiet taż-żejt fis-snin sebgħin li reġgħu ġibdu l-attenzjoni ta’ dawk fit-tmexxija fuq miżuri li jgħinu jkattru s-setturi produttivi u li jsaħħu dawk li jiffavorixxu l-privatizzazzjoni u swieq ħielsa bħala l-aħjar mod biex jistimulaw it-tkabbir ekonomiku.   L-istat kien ikkunsidrat bħala ineffiċjenti biex iseddaq it-tkabbir ekonomiku u kien qed jaġixxi ta’ xkiel fuq il-libertà tal-individwu.
Is-soluzzjoni kienetli jnaqqsu s-sehem tal-istat sew mill-ġestjoni tiegħu tal-ekonomija u kważi wkoll bħala regolatur tagħha.  Fl-assenza ta’ ġestjoni mill-istat, is-suq kellu jkun l-istrument li kellu jalloka r-riżorsi bl-aktar mod effiċjenti.
Il-kollass tas-swieqfinanzjarji fuq skala globali għandu jitqies bħala tmiem ta’ era.  Issa hemm il-bżonn li jerġgħu jiġu kkunsidrati r-rwoli rispettivi tal-istat u tas-suq, biex jinħolqu istituzzjonijiet li jissalvagwardjaw mill-istaġnar li jiġi mill-intervent tal-istat u l-eċċessi tal-inugwaljanza miġjuba mis-suq.
L-ideali ta’ugwalitarjaniżmu, solidarjetà soċjali u ġustizzja soċjali ħadu daqqa qawwija ’l isfel dawn l-aħħar snin. Dan wassal għal dil-kriżi.  L-inugwaljanzi prinċipali fil-qligħ li ġew ikkawżati, fl-istess ħin affettwaw b’mod negattiv sezzjonijiet tas-soċjetà u ħallewhom mingħajr wisq drittijiet fis-sistema.
Li jinħtieġ bħalariżultat ta’ dan huwa ħsieb innovattiv meta nkunu niddibattu l-istat ta’ wara l-2008.  Bidla fil-policies hija inevitabbli. Il-gvernijiet għandhom bżonn jieħdu l-opportunità biex jimplimentaw strateġiji li jwasslu biex jagħtu ħajja ġdida lill-ekonomiji tagħhom. Jinħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet b’attenzjoni speċjali għal sezzjonijiet vulnerabbli tas-soċjetà.

Eċċellenzi,

Matul il-ħames sninli għaddejt bħala President iltqajt magħkom personalment u fil-karriera politika twila tiegħi ltqajt ma’ ħafna dinjitarji, diplomatiċi u politiċi oħrajn.  Inżomm b’għożża dawn il-mumenti.
It-tkabbir ta’relazzjonijiet bilaterali u multilaterali tajbin u djalogu bejn l-Istati u l-Popli tagħhom iwasslu għal dinja aħjar għal kulħadd.
Jien ġentilmentnitlobkom biex twasslu l-awguri tiegħi lill-Kapijiet tal-Istat u l-Gvernijiet tagħkom. Nixtieq lilkom u lill-familji tagħkom saħħa u ġid fis-snin li ġejjin.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

Aktar Stqarrijiet Right arrow