Left arrow Mur Lura

Messaġġ tal-Milied u s-Sena l-ġdida mill-President ta’ Malta l-E.T. Dott. Edward Fenech Adami

PR2062
Date Icon 24/12/2008
Għeżież ħuti Maltinu Għawdxin,
Fi żmien il-Milied hija d-drawwa li l-Presidentta’ Malta jidħol fi djarkom. Huwa ta’ pjaċir tassew kbir għalija li għall-aħħar darba bħala President nerġa’ insellmilkom f’dan iż-żmien li huwa ż-żmien ta’ ferħ. Insellmilkom għall-aħħar darba kif għamilt għal għoxrin sena sħaħ.
Dan il-Milied huwa, nista’ ngħid Milied iktarspeċjali għalija għax wasalt biex nasal fi tmiem tal-karriera, tal-ħajja tiegħi pubblika. Għamilt żmien nipprova mill-aħjar li nista’ inservi lil pajjiżi. Għamilt tmien snin bħala backbencher fil-Parlament, ħdax-il-sena bħala Kap ta’ l-Oppożizzjoni, ħmistax-il-sena bħala Prim Ministru u issa wasalt biex nagħlaq ħames snin bħala President ta’ Malta. Snin illi kienu mimlijin ħidma għall-Poplu tagħna kollu. Meta nħares lura, partikolarment lejn l-aħħar għoxrin sena, nieħu sodisfazzjon kbir nara li pajjiżna bil-ħidma ta’ kulħadd, ħadd eskluż, pajjiżna mexa’l quddiem u llum nistgħu ngħidu li lħaqna livell ta’ għajxien li jixraq lill-poplu tagħna,  bħala Poplu onest, bħala Poplu ħawtiel, bħala Poplu li jħobb il-familja tiegħu. Imxejna ’l quddiem nerġa’ ngħid bil-ħidma ta’ kulħadd.
Kull wieħed minna jiżbalja u ma għandiex dubjuli jiena żbaljajt ukoll u għal kull darba li żbaljajt nitlob illi intom tagħdruni. U naħseb li ħafna minnkom kellhom okkażjoni li jagħdruni meta ma qablux miegħi. Issa li wasalat fi tmiem ta’ din il-karriera twila fil-ħajja pubblika tiegħi, irrid niżżi ħajr u ngħid grazzi lil kulħadd: lil dawk li għenuni fid-diffikultajiet li għaddejt minnhom tul dawn is-snin, lil dawk kollha li ħarsu lejja biex jieħdu kuraġġ għall-futur tagħhom. Inħossni sodisfatt illi f’dawn l-għoxrin sena kif diġa` għedt, pajjiżna mexa ’l quddiem.
Issa qegħdin fi żmien il-Milied, żmien li fihlkoll kemm aħna nħossu l-ferħ ġo fina. Dak il-ferħ li ġej mill-valuri li l-poplu tagħna ħaddan għal elfejn sena sħaħ. Inħares ’l quddiem u ngħid x’se jiġri minn pajjiżna? Ma għandix dubju li pajjiżna huwa mibni fuq pedamenti sodi, pedamenti li jiżguraw li l-istorja ta’ pajjiżna tkun storja glorjuża, ħafna ikbar miċ-ċokon ta’ pajjiżna. Ma għandix dubju li l-Poplu Malti se jkompli jħares ’l quddiem b’fiduċja kbira, b’fiduċja fih innifsu għax jibqa’ jgħożż nerġa’ ngħid, il-valuri li jagħmlu l-karattru Malti: l-imħabba lejn il-familja, l-imħabba lejn il-bżulija, l-imħabba lejn l-onesta’, l-imħabba lejn is-solidarjeta’.
Din is-sena qeda tispiċċa b’daqsxejn ta’pessimiżmu, nista’ ngħid li hawn kważi fil-pajjiżi kollha. Pessimiżmu li ġej mill-fatt illi l-ekonomiji f’daqqa waħda stallaw, donnhom waqfu.  Għal grazzja t’Alla pajjiżna għadu miexi ’l quddiem iżda mhux mingħajr diffikultajiet.  Is-sena li ġejja, bħal snin oħra, tkun sena li ma tkunx faċli. Tkun sena li titlob minn kull wieħed u waħda minnha li jagħti l-kontribut sħiħ tiegħu għal ġid tiegħu stess, għal ġid tal-familja, għal ġid ta’ pajjiżna.  Imma naħseb kif irnexxielna fl-imgħoddi negħlbu tant diffikultajiet, anke s-sena l-ġdida se jirnexxielna nerġgħu nelgħbu d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom u mmexxu lil pajjiżna ’l quddiem.
Għalhekk huwa tabilħaqq pjaċir kbir għalija ligħall-aħħar darba nidħol fi djarkom bħala persuna li jokkupa kariga importanti f’pajjiżna. Nirringrazzjakom ta’ dak kollu li inthom għamiltu miegħi, li għamilna flimkien tul is-snin li għaddew u nixtieqilkom li tgħaddu dawn il-ġranet tal-Milied mimlijin b’hena, dik l-hena li tiġi mill-fatt illi wieħed jirrikonoxxi li qed jagħmel l-aħjar li jista’ għalih innifsu u għal pajjiżu.
Nixtieq li l-ġurnata tal-Milied tkun veramentġurnata ta’ ferħ fil-familji kollha tagħna u nħares ’l quddiem lejn is-sena l-ġdida u nawguralkom li din is-sena tkun sena mimlija risq u barka għal kulħadd.

Insellmilkom.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

Aktar Stqarrijiet Right arrow