Left arrow Mur Lura

Diskors mill-Onor. Tonio Fenech, Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, waqt Konferenza Nazzjonali dwar in-Negozju, organizzata mill-General Retailers and Traders’ Union (GRTU) bit-tema: Nilqgħu għall-isfidi tad-Tibdil Ekonomiku ta’ Madwarna

PR2011
Date Icon 16/12/2008

Mistiednin distinti, sinjuri 

Naħseb li lkoll naqblu lil-unika ċertezza fid-dinja ta’ madwarna hija li t-tibdil ma jieqaf qatt. Fi żmien ta’ ftit xhur, l-andament ekonomiku dinji ħa bixra għal kollox differenti. Sa ftit iktar minn sena ilu, konna għaddejjin minn medda ta’ tkabbir globali sostnut. L-isfidi li Malta, bħal pajjiżi l-oħrajn tal-Unjoni  Ewropea, kienet qed tiffaċċja kienu kwistjonijiet ta’ kompetittivita’ meta mqabbla ma’ pajjiżi tal-Lvant u ż-żidiet li kienu bħal donnhom ma ridux jieqfu fil-prezzijiet taż-żejt, materji primi, u ikel.
Illum qed nħarsu lejn realta’ekonomika dinjija għal kollox differenti, fejn qed taħkem biża’ kbira dwar is-saħħa tad-domanda għall-prodotti u servizzi internazzjonalment. Biża’ li, hemm min qed jgħid, forsi hija waħda eżaġerata, jew irrazzjonali, iżda li madankollu ħakmet bis-sħiħ in-negozju fis-swieq prinċipali ta’ l-ishma u li b’hekk qed ikollha impatti reali fuq id-domanda għall-prodotti u servizzi li qegħdin, u se jkunu qed jagħmlu il-konsumaturi fl-ekonomiji l-iktar avvanzati tad-dinja. Tabilħaqq li l-kriżi ekonomika fid-dinja ta’ madwarna illum kellha l-bidu tagħha f’kollass fis-sistema finanzjarja fl-Amerika.  U dan kollu ma jistax ma jkunx ta’ tħassib għal ekonomija zgħira u ferm dipendenti fuq l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-investiment barrani bħalma hija dik tagħna.
Nistgħu b’sodisfazzjon ngħidu lil-kriżi finanzjarja li laqtet lid-dinja ftit xhur ilu, lilna ħallietna qawwijin u sħaħ. Il-Gvern, flimkien mal-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, kien qiegħed ferm attent  għas-sitwazzjoni kif kienet qed tiżviluppa, sabiex jiżgura l-ħin kollu illi l-banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra f’pajjiżna ma jkunu fl-ebda periklu. Grazzi għall-għaqal illi dejjem urjena fl-iżvilupp tas-settur finanzjarju f’Malta, mhux l-inqas bl-introduzzjoni tal-munita ewro f’pajjiżna, din il-burraxka fis-swieq finanzjarji internazzjonali illi saħansitra heddet li tkisser ekonomiji sħaħ, lilna bilkemm missitna. U din għandha tkun opportunita’ kbira għalina, illi nuru madwar id-dinja li l-qafas finanzjarju tagħna kien, f’dawn iċ-ċirkostanzi, sod biżżejjed li jgħaddi minn prova bħal din, ħaġa li tkompli turi kemm Malta toffri attrazzjoni għal investiment finanzjarju internazzjonali ta’ serjeta’.  Dan huwa ta’ awgurju kbir li l-mira li l-Gvern qed iħaddan li s-settur finanzjarju internazzjonali f’Malta ikompli jitkattar, biex isir wieħed ewlieni fir-reġjun tagħna u kontributur dejjem iktar sostanzjali tal-ġid li qed jiġġenera l-pajjiż, tabilħaqq tintlaħaq f’qasir żmien.
Dan madankollu ma jfissirx lil-inkwiet ekonomiku dinji għadda diġa’, għax issa rridu naraw kemm u kif il-kriżi finanzjarja se tissarraf f’waħda ekonomika, li taffetwa l-impjiegi u d-dħul ta’ firxa wiesgħa tal-komunita’ fid-dinja. Issa nafu li l-ekonomija Amerikana ilha f’riċessjoni  mill-bidu ta’ din is-sena, waqt li dik taż-żona ewro daħlet f’riċessjoni ftit tax-xhur wara.
F’Malta kellna tkabbir ekonomikusostnut fl-aħħar ftit snin li kważi laħħaq mal-4% is-sena l-oħra. L-indikaturi ekonomiċi l-aktar riċenti juru li dan it-tkabbir kompla matul l-2008, partikolarment fl-ewwel sitt xhur ta’ din s-sena. Iktar importanti minn hekk kien il-fatt li dan it-tkabbir issarraf f’iktar impjiegi  u dħul għall-familji Maltin.  Biżżejjed ngħidu li n-numru ta’ impjiegi sa Lulju ta’ din is-sena żdied b’aktar minn 3,500 meta mqabbel ma’ l-istess xahar tas-sena l-oħra. U nenfasizza hawn li dan il-ġid ma kienx xi ħaġa artifiċjali: ma ġiex permezz ta’ infieq żejjed tal-Gvern li xi darba jew oħra jkollna nħallsu lura. Ġie minn attivita’ produttiva ġenwina imsejsa fuq l-intrapriża li qed topera f’Malta, u li l-Gvern kontinwament qiegħed jistinka biex isaħħaħ, hekk kif urejna wkoll f’dawn l-aħħar jiem meta varajna skemi ta’ inċentivi ġodda għall-intrapriża f’Malta b’valur ta’ Euro 20 miljun.
Skemi intiżi li jgħinustart-ups, definiti bħala intrapriżi, li ma ilhomx aktar min tliet snin stabiliti, skemi oħra għall-intrapriżi li ilhom magħna iżda li rridu jirrinovaw, jinvestu fi swieq ġodda, fl-effiċjenza fis-sistemi ta’ produzzjoni, u f’inizjattivi oħra. Hawn irrid nenfassizza li tajna attenzjoni speċjali biex nassiguraw ruħna li dawn ikunu jistgħu jintlaħqu minn ħafna, anke f’ċertu skemi mis-settur tar-retail.
Irid niġbed l-attenzjonigħall-fatt li l-ekonomija Maltija f’dawn l-aħħar snin għamlet progress sostanzjali. Xhieda tal-progress ġenwin li għamlet l-ekonomija tagħna huwa l-fatt li fl-2007 irnexxielna nrażżnu l-iżbilanċ fiskali għal-livelli meħtieġa skond il-Patt ta’ Tkabbir u Stabilita’ tal-Unjoni Ewropea, u li l-istess Kummissjoni Ewropea ġġudikat il-progresss li sar f’Malta fil-qasam fiskali bħala wieħed kredibbli u sostenibbli.  Bil-progress li sar fl-aħħar tliet snin, Malta wkoll qabdet it-triq sabiex tlaħħaq mal-livelli ta’ żvilupp fl-Unjoni Ewropea fl-inqas żmien possibli.
Madankollu nirrikonoxxu lid-diffikultajiet li l-ekonomija internazzjonali għaddejja minnhom u li se jkomplu għal ċertu żmien, se jkollhom effett fuq l-ekonomija tagħna, u allura l-Gvern qiegħed jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jilqa’ għal dan. Dawn il-miżuri huma mexjin fuq żewġ binarji.
L-ewwelnett hemm il-politikaekonomika li l-Gvern qiegħed iħaddem, li hija immirata għal medda twila ta’ żmien. Din hija msejsa fuq il-Viżjoni 2015, fejn il-pajjiż qiegħed jimmira li jilħaq livelli ta’ eċċellenza fis-swieq internazzjonali f’setturi ta’ l-ekonomija fejn Malta għandha potenzjal qawwi ta’ żvilupp. Dawn is-setturi jinkludu t-turiżmu, is-servizzi finanzjarji, l-informatika, il-manifattura b’valur miżjud għoli, l-edukazzjoni u s-saħħa. Naħseb li lkoll naqblu li, fil-medda taż-żmien, dawn għandhom jixprunaw l-ekonomija tagħna ‘l quddiem u b’hekk jiżviluppaw ukoll oqsma oħra li huma tant neċessarji biex jipprovdu sostenn lil dawn is-setturi ewlenin.
Il-Gvern qed jaħdem bis-sħiħgħal dan il-għan, mgħejjun mhux l-inqas mis-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea, li iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed nindunaw kemm din qiegħda effettivament tissarraf f’ġid kbir għal pajjizna. Dan qed iseħħ kemm permezz tal-fondi li qed nieħdu, kemm bl-aċċess li akkwistajna għas-swieq Ewropej, kif ukoll permezz tal-parteċipazzjoni tagħna fi programmi edukattivi, soċjali, ta’ riċerka u oħrajn. U nixtieq hawnhekk nappella lil intrapriża Maltija u lil korpi li jirrappreżentawha, sabiex ikunu dejjem iktar pro-attivi biex isibu u jieħdu l-aħjar benefiċċji mill-potenzjal li s-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea tista’ toffri.
Fuq it-tieni binarjutal-politika ekonomika tal-Gvern hemm miżuri li jipprovdu għal bżonnijiet immedjati ta’ l-ekonomija tagħna, ukoll fil-kuntest tad-diffikultajiet li diġa’ bdejnu nħossu minħabba s-sitwazzjoni internazzjonali. Tajjeb li ngħidu mill-ewwel, madankollu, illi dawn il-miżuri jridu jittieħdu mingħajr bla ebda mod, jikkompromettu l-għanijiet ekonomiċi tagħna għall-medda twila taż-żmien. Anzi, iridu jkunu f’qafas konsistenti fejn jilħqu l-bżonnijiet tagħna għalissa u fl-istess ħin jgħinu wkoll biex jintlaħqu l-għanijiet tagħna fit-tul.
Il-miżuri li ttieħdu fl-aħħarbudget  kienu tabilħaqq imsejsa fuq dawn il-prinċipji fundamentali. F’dan il-kuntest, tajjeb nibda billi ninnota li l-Unjoni Ewropea f’dawn il-jiem varat pakket ta’ stimoli fiskali sabiex jgħinu lill-ekonomija Ewropea tirkupra mid-diffikultajiet li għaddejja minnhom bħalissa. Diversi gvernijiet fil-pajjiżi membri se jkunu qegħdin jitfgħu fl-ekonomiji tagħhom madwar 1.5% tal-Prodott Gross Domestiku fi sforz koordinat u li wieħed jittama li jinfirex kemm jista’ jkun fil-pajjiżi membri kollha. Dan il-pakkett se jkun qed jimmira li jsostni l-investiment pubbliku meta dak privat se jkun sejjer lura, sabiex jitkattru l-impjiegi filwaqt li jiġu maħluqa assi produttivi li jirrendu fit-tul. Dawn l-interventi huma mmirati wkoll li jipprovdu rizorsi finanzjarji lill-intrapriżi żgħar u medji u li jwieżnu lill-familji, l-aktar dawk li jistgħu jkunu fil-bżonn.
Din fiha nnifisha hija aħbartajba għal Malta, għax huwa biss jekk tissaħħaħ l-ekonomija Ewropea, li verament il-prospetti ghall-pajjizna jitjiebu,  dan jjgħin l-esportazzjoni tagħna u l-investiment li nistgħu inkomplu niġbdu minn barra. Importanti wkoll li ninnotaw li l-budget li nieda x-xahar l-ieħor il-Gvern Malti għas-sena 2009 huwa msejjes fuq l-istess prinċipji. Il-budget jipproponi numru ta’ miżuri konkreti sabiex isostnu l-attivita’ filwaqt li jipprovdu l-investiment f’numru ta’ setturi li huma kruċjali għall-intrapriża Maltija, bħalma huma t-turiżmu, l-industrija tal-manifattura u l-kostruzzjoni. Il-budget qiegħed iħares ukoll fit-tul billi jinċentiva attivitajiet li huma ta’ għajnuna kbira għall-iżvilupp sostenibbli, bħalma huma l-enerġija alternattiva u proġetti sabiex itejbu l-effiċjenza fl-użu ta’ l-enerġija.
Konkretament, il-budget għal2009 qed jipproponi l-bidu ta’ numru ta’ proġetti kapitali li mistennija jiswew madwar €232 miljun. Dawn se jkopru l-bini ta’ toroq, fabbriki, infrastruttura pubblika, l-ambjent naturali, kulturali u storiku, u skejjel. Madwar €58 miljun se jmorru f’investiment fir-riżorsi umani premezz ta’ programmi ta’ tagħlim u taħriġ. Qed jiġu allokati €47 miljun fi programmi immirati lejn l-iżvilupp ta’ l-intrapriża f’Malta kif ukoll pakkett ta’ €30 miljun sabiex jgħin fl-użu ta’ enerġija iktar effiċjenti u alternattiva. Dawn huma kollha miżuri mmirati li jkomplu jirrendu benefiċċji fit-tul, iżda li bla dubju se jservu wkoll biex jiddefendu u joħolqu mpjiegi u dħul f’pajjiżna fiż-żmien qasir. Id-dħul tal-familji f’dan il-budget qed jiġi wkoll imħares permezz ta’ numru ta’ miżuri li mistennija jiswew madwar €47 miljun oħra.
Biex stajna nagħmlu dan kollu,kien essenzjali li, kif qed jagħmlu wkoll pajjiżi oħra, nipposponu l-għan tagħna li nilħqu bilanċ fil-pożizzjoni finanzjarja tal-Gvern. Dan pero’ issa nistgħu nagħmluh mingħajr ma nikkompromettu l-għan aħħari ta’ stabbilità u sostenibbiltà fil-finanzi tal-Gvern, minħabba l-fatt li fis-snin li għaddew, ħadna miżuri konkreti sabiex intejjbu l-qagħda finanzjarja tagħna u npoġġu l-finanzi tal-pajjiż fuq bażi dejjem iktar soda. Nafu wkoll li dan bla ebda mod ma se jpoġġina f’pożizzjoni inqas favorevoli meta nitqabblu ma’ pajjiżi oħra, proprju għaliex fiċ-ċirkostanzi ta’ dan iż-żmien, żieda fid-defiċit tal-Gvern, tal-inqas ħdejn dak li kien mistenni qabel, hija essenzjali biex jiġu evitati skossi żejda fl-andament ekonomiku.
Sinjuri, hemm min jgħid lif’ċirkostanzi bħal dawn, m’għandna xejn minn x’hiex nibżgħu ħlief mill-biża’ innifisha. Jien ma rrid nilludi lil ħadd b’ottimiżmu żejjed f’sitwazzjoni fejn l-ekonomija internazzjonali ma hi qiegħda tagħti xejn ħlief sinjali ta’ pessimiżmu. Imma rrid ukoll inkun realista, għax naħseb li jeżisti l-periklu li sitwazzjoni diffiċli nistgħu aħna stess indawwruha f’waħda mwegħra b’pessimiżmu żejjed, fejn allura l-investiment u l-konsum jaqgħu b’rata mhux ġustifikata, u mbagħad jikkawżaw il-qgħad fl-ekonomija. Għalhekk jiena nagħraf il-kisbiet importanti li għamlet l-ekonomija tagħna speċjalment fl-aħħar ftit snin. Fost dawn hemm is-sħubija fl-Unjoni Ewropea u l-introduzzjoni tal-munita ewro, is-sostenibbilita’ fiskali u l-iżvilupp ta’ setturi ekonomici għal kollox ġodda bħalma huma dawk ta’ l-informatika, l-farmaċewtika, is-servizzi finanzjarji u servizzi oħra. Dan kien kruċjali biex jgħin l-ekonomija tagħna tirristruttura ruħha u tavvanza lil hinn minn dawk l-attivitajiet li għal pajjiżna m’għadhomx jirrendu biżżejjed. Din hija sfida kontinwa għal intrapriżi f’Malta, li dejjem ifittxu li jidħlu f’dawk in-niċeċ tas-suq li huma ta’ daqs tajjeb għalina u li jistgħu irroddulna qligħ tajjeb.
F’dan il-kuntest il-ħidma linkomplu nagħmlu ambjent aktar faċli għal min irid jinvesti trid tibqa prijorita’ assoluta għal dan il-Gvern.
Dan billi fil-ġranet li ġejjinnikkonkludu l-inizjattivi li bdejna fuq livell ta’ kumpaniji zgħar, b’żewg inizjattivi importanti li jridu jwasslu għat-tħaffif fil-piż amministrativ fir-rappurtaġġ finanzjarju, kif ukoll fir-roħs li ser iġib miegħu l-proċess ta’ reviżjoni fit-tariffi tal-MFSA, marbuta mal-reġistrazzjoni ta’ kumpaniji u t-tiġdid tagħhom u li ser nħabbru fil-ġranet li ġejjien.
Fiċ-ċentru ta’ ħidma tal-Gverngħas-sena 2009 hija is-Small Business Act, att li għandu jwassal biex ikollna struttura li tassew tiffaċilita l-ħajja tal-impriża ż-żgħira f’pajjiżna, kif ukoll il-ħolqien tal-One Stop Shop, għal min irid jagħmel negozju f’pajjiżna.
Ser inkomplu ukoll naħdmu fuqinzjattivi marbuta mal-provista ta’ siti industrjali għas-setturi ta’ produzzjoni li mhux neċessarjament huma marbuta ma’ l-esportazzjoni ta’ prodotti u servizzi,  izda dawk intiżi għas-suq lokali u li għandhom potenzjal ta’ ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol.  Għalkemm hawn irrid nenfassiza li ħadd m’għandu jistenna li l-Gvern jipprovdi art għal kull inizjattiva, il-Gvern qed jiffaċilita l-investiment privat f’dan is-settur, u bi ħsiebu ukoll jofri skemi ta’ għajnuna permezz ta’ Malta Enterprise f’sussidju ta’ kirjiet mill-privat fil-kaz ta’ start-ups għall-ewwel snin ta’ operazzjoni.
Nagħlaq b’hekk billi ngħid illibnejna bażi soda li permezz tagħha se nkunu kapaċi negħlbu l-isfidi ta’ dawn ix-xhur li ġejjin u noħorġu minnhom aktar b’saħħitna sabiex inkunu minn ta’ quddiem biex nilqgħu għall-isfidi u l-opportunitajiet li se jkollna ġaladarba l-ekonomija internazzjonali terġa’ tibda tieħu r-ruħ. Grazzi.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

Aktar Stqarrijiet Right arrow