Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-KUMITAT PARLAMENTARI DWAR L-AFFARIJIET SOĊJALI

PR1975
Date Icon 12/12/2008

Il-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Soċjali jiddiskuti l-faqar f’Malta

Il-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Soċjali ddiskuta l-faqar f’Malta fejn għal din il-laqgħa kienu mistiedna Dr Angela Abela u Rev Dr Charles Tabone. Il-Membri tal-Kumitat ltaqgħu ma’ dawn l-esperti sabiex ikollhom l-aħjar għarfien fuq minn liema tbatijiet qed jgħaddu l-familji li jgħixu l-faqar relattiv u l-fatturi ewlenin li jwasslu għal dawn iċ-ċirkostanzi.  Il-faqar relattiv f’Malta huwa mkejjel bl-istess mod bħal ma jsir fl-Unjoni Ewropea u juri nuqqas ta’ flus sabiex familja tlaħħaq mal-ħajja ta’ kuljum. 

Dr Abela u Rev Tabone kkwotaw riċerka fuq il-faqar li għamlu huma stess għall-Kummissjoni Nazzjonali Familja.  L-għan tar-riċerka huwa li jiġi studjat aktar fil-fond il-15% tal-popolazzjoni Maltija (UE medja 16% fl-2005) jew 57,380 persuna li qed jgħixu f’faqar relattiv.  Ir-riċerka kienet possibbli bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (statistika 2003 u 2005).  Tul l-istudju, ir-riċerkaturi taw vuċi lill-persuni fil-faqar u wara saret analiżi aħjar tar-relazzjoni bejn il-faqar u l-esklużjoni soċjali f’Malta.  Saru ukoll rakkomandazzjonijiet sabiex il-politika soċjali tal-Istat tgħin aktar lil dawn il-familji, b’attenzjoni partikolari lejn il-ħtiġijiet tat-tfal, għaliex huwa evidenti li l-faqar jintiret. 

Dr Abela u Rev Dr Tabone qalu li 21% tat-tfal Maltin (UE medja 19% fl-2005) qed jesperjenzaw dan it-tip ta’ faqar.  It-tfal huma aktar vulnerabbli li jesperjenzaw il-faqar u l-istudju juri biċ-ċar li tfal li jitilgħu fil-faqar imorru ħażin fl-iskola, ikollhom kwalità ta’ saħħa mhux tajba, u ma jipparteċipawx fil-ħajja soċjali (bħal ħarġiet tal-iskola u affarijiet oħrajn li jirrikjedu l-flus).  L-esperti qalu li t-tfal li ġejjin minn dan l-isfond familjari ta' faqar ġenerazzjonali u disimpjieg, ikunu iktar vulnerabbli jew suxxettibbli li jkollhom problemi biex jimpjegaw rwieħhom.  Barra minn hekk, anke persuna li taqla’ paga minima u li hemm persuna waħda dipendenti minnha - inkluż it-tfal - ikunu f’riskju ta’ faqar relattiv. Il-faqar huwa diskriminazzjoni, speċjalment meta dan ikun esperjenzat mit-tfal.  L-esperti żiedu li f’Malta ir-riżorsa umana hija indispensabbli għall-iżvilupp tal-pajjiż u ma nistgħux nippermettu li 21% tat-tfal Maltin jikbru u jibqgħu mingħajr il-ħiliet bażiċi sabiex isibu xogħol.

Filwaqt li ġiet rikonoxxuta l-politika soċjali ġeneruża ta’ Malta u d-diffikultà fl-eliminazzjoni tal-faqar, l-esperti spjegaw kif teżisti tendenza li l-politiċi u s-soċjetà ta’ pajjiżi żviluppati qed jinjoraw dan it-tip ta’ faqar.  Il-faqar jibqa’ moħbi għaliex il-persuni li jesperjenzaw il-faqar ma jkunux iridu juru li mhux qed ilaħħqu mal-ħajja.  Studju ta’ Abela (2000) juri li 50% tal-Maltin jaħsbu li dawn il-persuni huma għażżenin u ma għandhomx rieda li jaħdmu.  Dawn huma sterjotipi għaliex min hu sinjur jew iħossu komdu ikun aktar faċli jitfa’ dawn l-aġġettivi u ma jerfax parti mir-responsabbilità għal dawn iċ-ċirkustanzi.

F’waħda mill-intervisti tal-esperti ma’ persuni f’faqar relattiv:

“....imbagħad tispiċċa tgħejja tiġġieled mal-ħajja.  X’ħin tibda taqta’ qalbek tgħid m’hemmx x’tagħmel, dik ħajti u rrid ngħixha hux.  Trid toqgħod nieqsa minn ħafna affarijiet.”

“....Jien għalija kollox duħħan qed nara fil-futur...għax hawn competition kbira tal-iskola, veru ssib opportunitajiet ta’ xogħol, imma diffiċli għax iżjed fuq skola.  Jien hekk qed naraha...għax ma jafux skola biżżejjed.”

Dawn is-siltiet jindikaw ċar xi tkun il-poverty trap.  Il-bniedem minn dejjem iħoss il-bżonn u l-ħtieġa ta’ sigurtà ekonomika.  Persuni li jgħixu f’kultura ta’ faqar relattiv iħossuhom aktar ċerti minn għajnuniet u benefiċċji soċjali milli jfittxu xogħol li jkun imħallas ftit u li jistgħu jitilfuh malajr.  L-esperti qalu lill-Kumitat li 80% tal-persuni mingħajr impjieg f’Malta huma b’ħiliet baxxi. L-impjiegi b’ħiliet baxxi u b’paga minima jintilfu aktar malajr minn impjiegi oħrajn.  Id-differenza bejn il-paga minima nazzjonali u għajnuniet soċjali hija dik ta’ madwar 12 Euros.

Bla dubju żwieġ b’saħħtu jnaqqas aktar iċ-ċans tal-faqar relattiv.  Dr. Abela u Rev Tabone żiedu ma’ dan u spjegaw ukoll li f’dan il-kuntest u fid-dawl tal-politika soċjali, azzjoni pożittiva trid tittieħed sabiex:

  • Ikun hawn aktar għarfien fuq is-suġġett u kulħadd jifhem id-dinamika tal-faqar. Professjonisti bħal għalliema, tobba, infermiera u qwiebel, u ħaddiema fil-qasam soċjali iridu jagħrfu t-tfal f’faqar relattiv u għandhom ikunu sensittivi sabiex jgħinuhom joħorġu minn dan it-tip ta’ faqar.  L-esperti qalu li bi ftit aktar sensittività minn dawn il-professjonisti, ħafna tfal li jiffaċċajaw il-faqar jistgħu jiġu megħjuna jirnexxu fl-iskola u inklużi fis-soċjetà.  B’hekk il-faqar ma jibqax jintiret.  Dan it-tip ta’ faqar m’għandux jiġi ndirizzat biss fl-iskejjel u s-servizzi bħal Aċċess fil-Kottonera huwa mudell tal-aqwa prattika, għaliex is-servizzi qed ikunu individwali u jingħataw fid-djar ta’ min qed isofri minn dawn iċ-ċirkustanzi. Servizzi oħrajn bħal Aċċess qed jiġu ppjanati f’Birkirkara u l-Qawra.
  • Il-persuni f’faqar relattiv huma grupp fis-soċjetà li l-vuċi tagħhom ma tantx tistema’.  Il-politiċi u l-professjonisti iridu jagħtu vuċi lil dawn in-nies u jisimgħuhom sew.  Dawn il-persuni huma ħerqana sabiex xi ħadd li jgħodd fis-soċjetà jismagħhom u eventwallment iwasslu l-messaġġ tagħhom f’konferenzi, l-Università, fil-Parlament, fil-Knisja u l-partiti politiċi.
  • Intervent kmieni u preventiv huwa neċessarju.  F’Malta diġà teżisti l-infrastrttura neċessarja sabiex isir dan, bħal korsijiet ta’ qabel it-tqala, Well Baby Clinics, il-Bereġ u ċ-Ċentri tas-Saħħa, u l-infermiera u qwiebel fil-komunità.  L-esperti rrakomandaw network ta’ professjonisti fil-komunità bil-għan li jagħmlu kuntatt personali ma’ dawn il-ġenituri u t-tfal, u b’hekk jgħarfu joħorġu mill-faqar relattiv.  L-esperti nnutaw li r-rata ta’ illitteriżmu f’Malta hija għolja.  Huma qalu li dan mhux għaliex Gvernijiet differenti ma nvestewx biżżejjed fl-infrastruttura edukattiva iżda għaliex ma sarx sforz fejn ikun hemm aktar kuntatt personali ma dawn il-familji sabiex uliedhom jirnexxu fil-ħajja.
  • L-akkomodazzjoni soċjali trid tkun sensittiva u takkomoda persuni f’faqar relattiv f’postijiet li ma jkollhomx rata għola ta’ faqar u problemi soċjali oħrajn.  B’hekk jintegraw ruħhom aħjar fil-komunità.
  • Persuni f’faqar għandhom bżonn jaħdmu. L-esperti laqgħu b’sodisfazzjon is-servizzi tal-Korporazzjoni għat-Taħriġ u l-Impjieg sabiex jgħallmu l-ħiliet bażiċi ta’ xogħol lil dawn il-persuni.  Ġew innutati b’sodisfazzjon ukoll l-introduzzjoni ta’ skemi ġodda biex b’mod regolari, persuni li ilhom jirreġistraw għal aktar minn ħames snin u li ma jkunux qed jieħdu taħriġ u li jirċievu l-benefiċċji jibdew jaħdmu fil-komunità għal 30 siegħa fil-ġimgħa u l-għajnuna soċjali togħla għal 75% tal-Paga Minima Nazzjonali.  Madanakollu, l-esperti għamlu enfażi li din għandha tiġi estiża anki fuq min ilu 6 xhur jirreġistra.  Għaliex huwa faċli għal dawn il-persuni li jaqgħu fil-benefit trap u jispiċċaw jgħixu minn fuq il-benefiċċji soċjali u ma jmorrux lura għax-xogħol.
  • Dan kollhu irid isir f’kuntest fejn is-sistema edukattiva tal-pajjiżi tkun tagħti aktar każ il-ħtiġijiet ta’ dawn it-tfal u ġenituri li jaqgħu f’faqar relattiv.

Il-laqgħa kienet immexxija minn l-Onor Edwin Vassallo u preżenti għal-laqgħa kien hemm l-Onor Frederick Azzopardi, l-Onor Justyne Caruana, l-Onor Michael Farrugia, u l-Onor Michael Gonzi.  Il-Membri tal-Kumitat qablu li ser ikomplu jiddiskutu dan is-suġġett għaliex li persuna tilħaq il-milja tagħha b’dinjità huwa dritt u mhux att ta’ karità. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

More Press Releases Right arrow