Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT RIĊEVIMENT FL-OKKAŻJONI TAL-ĦMISTAX-IL SENA MIT-TWAQQIF TAL-KUNSILLI LOKALI, FIL-BERĠA TA’ KASTILJA, VALLETTA – IL-ĦADD 7 TA’ DIĊEMBRU 2008

PR1932
Date Icon 07/12/2008

Sindki,
Viċi-Sindki,
Kunsilliera,
Segretarji,

Huwa l-pjaċir u l-unur tiegħi li nilqagħkom għal dan ir-riċeviment fl-okkażjoni tal-ħmistax-il sena mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali. 

Nibda biex ngħid grazzi mill-qalb lilkom li qed tagħmlu suċċess mill-Kunsilli Lokali.  Suċċess mhux għalikom infuskom imma suċċess fil-lokalitajiet tagħkom għar-residenti li tirrappreżentaw.  F’isem il-Gvern nixtieq li nesprimi dan is-sens ta’ apprezzament lejn il-ħidma li twettqu biex tagħtu ħajja u ssaħħu l-identità tal-lokalità, toħorġu s-sbuħija tal-lokalità u toħolqu attivitajiet fil-komunitajiet tagħna. 

Dak li ħmistax-il sena ilu ġie introdott bħala esperiment, illum kulħadd jista’ jikkonferma li ssarrfet f’esperjenza pożittiva li għamlet differenza sostanzjali f’Malta u Għawdex.  Dan jixduh in-numru ta’ proġetti li saru mill-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex u li gawda minnhom il-poplu kollu.

Il-Gvern immexxi minni ma riedx li dan l-anniversarju jħares biss lejn il-passat u s-suċċessi li ksibna.  Aħna ridna li nużaw din il-milja ta’ suċċess bħala l-bidu ta’ kapitlu ġdid fl-istorja tal-Kunsilli.  Mhux se nibdew ktieb ġdid.  M’għandnix għaliex.  Se nibdew kapitlu ġdid fi ktieb li beda jinkiteb 15-il sena ilu.   

Bil-mira li l-ħmistax-il sena suċċess jiġu mġedda u mtejba, f’Mejju ta’ din is-sena, ġie mniedi proċess konsultattiv wiesa’ ta’ riforma bit-tema ‘Kunsilli Lokali 2015’.  It-tema stess tindika l-importanza tal-Kunsilli Lokali fil-qafas nazzjonali.  Il-Viżjoni 2015 hi l-mira li l-Gvern immexxi minni għandu biex pajjiżna jsir ċentru ta’ eċċellenza msejjes fuq l-iżvilupp sostenibbli u nħossu li l-Kunsilli Lokali għandhom ikunu strumentali fit-twettieq ta’ din il-viżjoni. 

F’dan id-dawl, l-iskop ta’ dan il-proċess hu biex jiġi esplorat x’inhuma l-passi li jmiss jittieħdu biex nibnu fuq l-esperjenzi pożittivi u jissaħħaħ l-operat tal-Kunsilli Lokali.  Il-Gvern jemmen li flimkien irridu naraw kif is-sistema tista’ titjieb, sabiex il-Kunsill jista’ jirrispondi aħjar għall-aspirazzjonijiet nazzjonali u tar-residenti. 

Wara konsultazzjoni wiesa’ fejn iltqajna mal-istakeholders kollha ħareġ li l-miri tal-Gvern fir-rigward tal-Kunsilli Lokali għandhom ikunu li: 

  • insostnu u nsaħħu dak li jaħdem tajjeb;
  • nindirizzaw in-nuqqasijiet tas-sistema, kif ukoll; 
  • li naraw fejn irridu nwasslu l-Kunsilli fil-futur biex ikunu aktar effettivi.

Il-kisbiet li għamilna matul is-snin, għamilnihom bil-ħila tal-uniku riżors li għandna f’pajjiżna – il-bniedem.  Mhux l-anqas fil-Kunsilli Lokali.  Biex il-Kunsilliera jkunu mħejjija tajjeb għar-responsabbiltajiet il-ġodda li se ġġib magħha r-riforma, il-Gvern huwa impenjat li jimbarka fuq programm intensiv ta’ taħriġ għall-Kunsilliera.  Permezz ta’ dan it-taħriġ, kull Kunsillier għandu jingħata l-għarfien meħtieġ sabiex jaqdi d-doveri tiegħu jew tagħha sew, bl-aħjar mod possibbli.  Minbarra t-taħriġ ġenerali ħa tingħata importanza lit-taħriġ speċjalizzat iffukat kif il-Kunsill jista’ jibbenefika mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. 

Biex l-investiment fir-riżorsa umana jirnexxi dan irid jiġi akkumpanjat mit-tisħiħ fl-istruttura tal-Kunsilli Lokali.  Il-ħidma tas-segretarju f’dan ir-rigward hi indispensabbli.  Għalhekk ir-riforma fil-Kunsilli Lokali hija mmirata li ssaħħaħ d-definizzjoni u r-rwol tas-segretarji u li tħejjihom ukoll permezz ta’ taħriġ speċjalizzat.  It-tiġdid fil-liġi tal-Kunsilli Lokali tiffoka wkoll fuq id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali ħalli dan ikun attrezzat biex joffri appoġġ lill-Kunsilli fl-operat tagħhom.  Il-Gvern huwa kommess li jagħti lid-Dipartiment il-mezzi kollha disponibbli biex jirregola l-operat tal-Kunsilli Lokali bl-aktar mod effettiv. 

Wasal iż-żmien ukoll li dan kollu nsaħħuħ permezz ta’ policies speċifiċi dwar gvernar lokali.  Il-Gvern permezz ta’ din ir-riforma se jkun qiegħed jimplimenta policy olistika u li tkun tinkludi tiġdid fil-kodiċi eżistenti fosthom tal-etika kif ukoll se jkun implimentat kodiċi ġdid dwar il-protokoll sabiex intom is-sindki u l-kunsilliera tingħataw ir-rikonoxximent li jixraqilkom.   

Fid-dawl tal-viżjoni għal Malta u għall-programm ta’ ħidma, il-Gvern immexxi minni jrid jara lill-Kunsilli Lokali bħala protagonisti u mhux biss parteċipanti fit-twettieq tal-viżjoni.  Għalhekk nedejna l-kunċett tal-lokalitajiet sostenibbli biex il-Kunsilli jkunu sieħba importanti biex nilħqu l-miri u l-viżjoni nazzjonali.  Biex dan iseħħ, se tingħata għajnuna biex il-Kunsilli Lokali jaħdmu biex kull lokalità jkollha pjan strateġiku f’dan ir-rigward u jkunu jistgħu jittieħdu inizjattivi f’numru ta’ oqsma.  Nixtieq infaħħar l-inizjattiva tal-Kunsilli Lokali Għawdxin li fil-kuntest tal-viżjoni tal-Gvern ta’ Eko-Għawdex iffirmaw l-Aalborg Charter  li tgħin fil-mixja tagħna lkoll lejn is-sostenibbiltà. 

Nifmhu wkoll li dawn l-inizjattivi jirrikjedu l-finanzi biex iseħħu. Għalhekk fil-budget li ħabbarna din is-sena mhux biss żidna l-appoġġ finanzjarju tagħna imma ħabbarna numru ta’ skemi li huma mmirati biex il-Kunsilli Lokali jkunu katalisti tal-iżvilupp sostenibbli.  Dawn l-iskemi jinkludu l-Local Council Green Challenge Award u l-Local Council Enterprise Award Scheme. 

L-Unjoni Ewropea toffri opportunitajiet kbar għall-Kunsilli tagħna u wisq nibża’ li dawn ma kienux qed jiġu sfruttati biżżejjed u għalhekk waqqafna Funding Unit fi ħdan il-MEUSEC biex tiffaċilità l-proċess.  Għall-ewwel darba ukoll nedejna co-financing fund biex ikompli jgħin lill-Kunsilli.  B’dawn il-passi li ħadna wittejna t-triq biex il-Kunsilli jkunu jistgħu jaħtfu kull opportunità possibbli.  L-għodda tajniha.  Issa jiddependi fuq il-Kunsilli li jużawha għall-benefiċċju tar-residenti tagħhom. 

Il-Gvern huwa ambizzjuż fil-miri u l-viżjoni tiegħu għax jemmen fil-kwalitajiet tal-Kunsilliera u fil-ħidma tal-Kunsilli.  Biex dawn il-miri jkunu jistgħu jintlaħqu nemmnu li t-terminu tal-Kunsilli għandu jitwal.  Il-perijodu kurrenti ta’ tliet snin huwa qasir wisq biex Kunsill ikun jista’ jippjana u jattwa programm ta’ ħidma.  Għalhekk kommessi li ntawlu t-terminu tal-Kunsilli Lokali biex hekk ir-residenti jistgħu jgawdu minn programm ta’ ħidma aktar wiesa’. 

Fil-kuntest ta’ din il-ħidma, il-Gvern jemmen li l-Kunsilli jistgħu jkunu ferm aktar effettivi jekk f’diversi oqsma jaħdmu aktar flimkien fuq bażi reġjonali.  Għalhekk, ir-riforma se tevalwa kif nistgħu nsaħħu dan il-kunċett.  Hemm numru ta’ oqsma li diġà qed jaħdmu fuq bażi reġjonali imma ċerti li dan il-kunċett jista’ jitħaddem f’oqsma oħra bil-benefiċċju ta’ servizz aħjar u b’anqas spejjeż.

Il-ħmistax-il anniversarju tal-Kunsilli Lokali, li qegħdin niċċelebraw din il-ġimgħa, iġġib fi tmiemu sitt xhur ta’ konsultazzjoni dwar ir-riforma li beħsiebna nwettqu fil-qasam tal-Kunsilli Lokali.

Ir-riforma li qegħdin nipproponu hija waħda wiesa’ u vasta.  Hija wkoll parti mill-katina ta’ riformi li l-Gvern immexxi minni qiegħed jipproponi.  L-għan aħħari ta’ dawn ir-riformi huma li l-iżvilupp ta’ pajjiżna jkun msejjes fuq il-prinċipji ta’ sostenibbiltà. 

Issa li ntemm il-proċess ta’ konsultazzjoni, is-sena d-dieħla tibda titwettaq ir-riforma tal-Kunsilli Lokali biex dawn jiġġeddu.  Mat-twettieq tar-riforma tal-Kunsilli Lokali se jkunu qed jiġu implimentati riformi oħra f’oqsma oħra li għandhom dimensjoni lokali daqskemm għandhom dimensjoni nazzjonali.  Quddiemna għax-xhur li ġejjin għandna diversi riformi li jinteressaw lilkom mill-qrib: 

  • Ir-riforma fil-MEPA:  b’din ir-riforma se naraw x’tip ta’ lokalitajiet irridu, xi żvilupp għandu jsir u kif dan għandu jkun sostenibbli;
  • Ir-reviżjoni tal-Liġi tal-kera: wara li ntemm il-proċess intensiv ta’ konsultazzjoni issa jmiss li dan ix-xahar tibda d-diskussjoni fil-Parlament.  B’dawn l-emendi rridu li nsaħħu s-suq tal-kera.  B’suq tal-kera aktar ħaj, għandna naraw ukoll djar li jitpoġġew aktar fis-suq, ma jitħallewx vojta u b’hekk jitranġaw;
  • Ir-riforma tat-trasport pubbliku. Irridu li jiżdiedu r-rotot tat-trasport pubbliku u li dawn jilħqu f’inħawi residenzjali ġodda fil-lokalitajiet tagħna li sal-lum għadhom mhux milħuqa;
  • Beda proċess ieħor ta’ konsultazzjoni dwar Eko-Għawdex.  Irridu li Għawdex ikun mudell ta’ żvilupp sostenibbli.

Kull riforma li se ssir għandha l-iskop li tagħmel differenza għall-aħjar fil-ħajja tan-nies, fil-lokalitajiet tagħna u fuq bażi nazzjonali.   

Ir-riforma tal-Kunsilli Lokali hija ntiża biex tkompli ssaħħaħ l-istruttura, tibni fuq is-suċċessi u biex flimkien nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti u jitjieb l-ambjent tal-lokalitajiet tagħna. 

Filwaqt li nirringrazzjakom tal-ħidma tagħkom, nawguralkom li flimkien mal-Gvern tkomplu tagħtu aktar ħajja lil-lokalitajiet tagħna u tkunu ta’ servizz għar-residenti.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

Aktar Stqarrijiet Right arrow