Left arrow Mur Lura

SEMINAR TA’ INFORMAZZJONI GĦALL-KUNSILLI LOKALI  DWAR PROGRAMMI TA’ FONDI TAL-UNJONI EWROPEA FIL-QASAM TAL-EDUKAZZJONI U T-TAĦRIĠ

PR1866
Date Icon 01/12/2008
Il-Malta-EUSteering and Action Committee (MEUSAC) u l-European Union Programmes Agency (EUPA),illum organizzaw laqgħa ta’ informazzjoni għall-kunsilli lokali dwar il-programmi ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ.  Din il-laqgħa hija waħda minn sensiela ta’ inizjattivi informattivi li qed jiġu organizzati speċifikament għall-benefiċċju tal-kunsilli lokali u l-ghaqdiet mhux governattivi.
Fl-introduzzjoni tiegħu, il-Kap tal-EUPA, is-SurMauro Pace Parascandalo qal li l-Aġenzija ser tipprova tilħaq lis-setturi kollha, fosthom ukoll il-kunsilli lokali.  Huwa mistenni li fix-xhur li ġejjin ikun ippubblikat ktieb li se jinkludi fih il-proġetti kollha li saru mis-sena 2000 ’l hawn.
Dr Gabriella Pace, responsabbli mit-taqsimata’ Informazzjoni tal-MEUSAC, saħqet lil-MEUSAC qed ikompli jibni fuq ix-xogħol li kien isir mill-Forum Malta fl-Ewropa fir-rigward tat-tixrid ta’ informazzjoni dwar programmi ta’ fondi. Dr Pace ħeġġet lill-kunsilli lokali biex jaħdmu flimkien biex il-kunsilliera jibbenefikaw aktar mill-programmi ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea. Hija ħabbret li fil-ġimgħat li ġejjin se toħroġ it-tieni pubblikazzjoni mis-sensiela l-Unjoni Ewropea Għalija, li kienet tnediet aktar kmieni din is-sena, u li din kienet se tiffoka fuq proġetti li saru fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ.
Fid-diskors tagħha l-Ministru tal-Edukazzjoni,Kultura, Żgħażagħ u Sport, l-Onor. Dolores Cristina qalet li l-laqgħa tal-lum hija inizjattiva pożittiva u saħqet li l-kunsilli lokali għandhom jingħataw l-għajnuna kollha possibbli biex jieħdu sehem attiv fi proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea, għaliex il-kunsilli huma l-qalba ta’ kull komunità.  Hija qalet li l-Unjoni Ewropea qed tagħti importanza kbira liż-żewġ programmi fil-qasam tal-edukazzjoni, it-Tagħlim Tul il-Ħajja u Żgħażagħ fl-Azzjoni, partikolarment għax dawn jistgħu jkunu ta’ għajnuna għat-titjib tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-ħaddiema.  Hija sostniet, li għandhom isiru proġetti konkreti li jeħduna lil hinn minn xtutna u li jkattru l-ħiliet, kemm tal-ħaddiema, kif ukoll taż-żgħażagħ.  L-Onor Cristina kompliet tgħid li t-tagħlim tul il-ħajja huwa l-mira tal-Gvern u fil-fatt bħalissa l-Ministeru tagħha qed jirrevedi abbozz dwar dan.  Fost affarijiet oħra l-Gvern irid li iktar żgħażagħ ikomplu jistudjaw wara li jtemmu t-tagħlim obbligatorju kif ukoll li iktar nisa jidħlu fis-suq tax-xogħol.  Hija qalet li ż-żgħażagħ huma l-akbar riżorsa li għandu pajjiżna, u li dawn iż-żewġ programmi għandhom jiġu sfruttati għal benefiċċju tagħhom.  Din l-opportunità tista’ tkun waħda li jagħtihom il-kunsill lokali permezz ta’ proġett taħt il-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni. Il-Ministru qalet li Malta minn dejjem kienet minn ta’ quddiem biex tibbenfika minn dawn il-programmi, bi €3 miljun allokati għall-2008 u €4 miljun għall-2009.
Uffiċjali mill-European Union ProgrammesAgency taw preżentazzjonijiet dettaljati dwar il-Programm għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u Żgħażagħ fl-Azzjoni.  Dawn il-programmi kienu allokati madwar €2.7 miljun u  €1.3 miljun rispettivament.  Il-parteċipanti ngħataw tagħrif dwar dawn il-programmi u dwar diversi proġetti li jistgħu jsiru permezz tagħhom.
Il-proġetti taħt il-kappa tal-Programmgħat-Tagħlim tal il-Ħajja huma ffinanzjati 100% mill-EUPA, bi 80% tal-ispiża titħallas mill-Aġenzija lill-parteċipanti meta jibda l-proġett, filwaqt li l-bilanċ jingħata fl-aħħar tal-proġett.  Il-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni jiffinanzja 75% tal-ispiża tal-proġetti.
Fl-indirizz tiegħu, il-Kap tal-MEUSAC, Dr VanniXuereb qal li l-MEUSAC irid ikun xprun biex jgħin lill-kunsilli lokali jisfruttaw bl-aħjar mod l-opportunitajiet ta’ fondi li toffri l-Unjoni Ewropea.  Huwa qal li, minbarra t-taqsima tal-informazzjoni li ser tkompli twassal l-informazzjoni dwar il-prgrammi differenti, l-istuttura tal-MEUSAC se tinkludi fiha taqsima biex tingħata assistenza fil-mili tal-applikazzjonijiet għall-fondi mill-UE. Dr Xuereb qal ukoll li l-MEUSAC se jkun qed jipproponi proġett li permezz tiegħu jiltaqgħu l-kunsilli lokali Maltin u Għawdxin f’konferenza li hija ppjanat li ssir f’ Mejju tal-2009.  Fakkar ukoll li l-kunsilli lokali se jkollhom rwol importanti ħafna fil-MEUSAC fi ħdan il-proċess ta’ konsultazzjoni.
Il-laqgħa ngħalqet mis-Segretarju Parlamentarigħall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, l-Onor. Dr Chris Said.  Huwa saħaq li l-kunsilli lokali u l-finanzjament tagħhom qed jingħataw importanza massima u li s-seminar tal-lum kien biss wieħed mill-ħafna inizjattivi biex il-kunsilli jingħataw informazzjoni siewja biex ikunu jistgħu japplikaw għal proġetti.  Huma semma b’ sodisfazzjon ir-rispons pożittiv mill-kunsilli lokali wara li nħarġitilhom stedina mill-MEUSAC biex jaħtru kunsillier responsabbli mill-proġetti tal-UE.  Dr Said qal li t-taqsima fi ħdan il-MEUSAC għal għajnuna bl-applikazzjonijiet għall- programmi ta’ fondi, diġà bdiet tħalli l-frott.  Dwar il-finanzjment, Dr Said qal li l-proġetti mill-kunsilli lokali se jingħataw fondi bħala għajnuna fil-ko-finanzjament biex b’ hekk ikun żgurat illi l-kunsilli lokali jieħdu l-massimu minn dak li toffri l-UE.  Saħaq li l-qasam edukattiv huwa wieħed importanti u diġà hemm kunsilli li applikaw għal għajnuna taħt il-Programm għat-Tagħlim tal il-Ħajja u ż-Żgħażagħ fl-Azzjoni.
Il-MEUSAC se jkun qed jorganizza laqgħa oħra ta’informazzjoni, din id-darba dwar il-Miżura 121.  Il-laqgħa, li se ssir nhar l-Erbgħa 3 ta’ Diċembru, hija mmirata lejn il-bdiewa u r-raħħala.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

Aktar Stqarrijiet Right arrow