Ħidma biex jissaħħaħ is-‘segment’ tat-turiżmu sportiv
Il-21 edizzjoni tal-BMW Malta Marathon & Half Marathon din is-sena qed issir fil-5 ta’ Marzu. Il-maratona ssir kull sena u issa ilha tiġi organizzata sa mill-1986.
Iż-żewġ maratoni din is-sena attiraw mas-700 atleta, li 300 minnhom huma barranin. L-akbar kontinġent ta’ atleti barranin hu dak Ġermaniż. Atleti oħra għall-maratoni ta’ din is-sena ġew mir-Renju Unit, l-Awstrja, l-Italja u l-Isvizzera.
Iż-żewġ tiġrijiet bdew barra l-Imdina u spiċċaw f’Tas-Sliema. Filwaqt li l-maratona hi fuq medda ta’ 26.2 mili l-‘half marathon’, jew ‘nofs maratona’, tiġi organizzata fuq nofs id-distanza. Il-maratona tibda fit-8.00 a.m. filwaqt li n-‘nofs maratona’ tibda fl-10.00 a.m.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta qassam il-premjijiet lir-rebbieħa tal-maratona u n-‘nofs maratona’ fix-Xatt tas-Sliema qal li l-attivita’ sportiva kienet issib l-appoġġ tal-Gvern għaliex il-Gvern kien jemmen li l-isports kien iżomm liż-żgħażagħ tagħna f’saħħithom u jagħmel minnhom ċittadini tajbin.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-isport kellu dimensjoni oħra, dik turistika. Hu qal li wieħed mis-segments li fuqhom hu issa mibni s-settur turistiku ta’ pajjiżna hu dak sportiv. “It-turiżmu sportiv jattira lejn pajjiżna madwar 87,000 turist li aktar minn 50,000 minnhom jiġu għad-diving. Issa li l-Awtorita’ ta’ Malta għat-Turiżmu hi mibnija fuq segments, fejn kull segment leader intrabat b’miri minimi u miri ottimi, qed nistennew li t-turiżmu sportiv juri żieda,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li s-settur tat-turiżmu sportiv qed jikber għaliex aktar soċjetajiet sportivi qed ifittxu li jorganizzaw kampijiet tax-xitwa tal-football u l-waterpolo f’pajjiżna, qed jiġu organizzati kampijiet tad-delettanti taż-żwiemel, qed jiġu turisti biex jipprattikaw il-polo, golf, kif ukoll l-atletika u qed jikber l-isport tal-yachting.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan ma kienx ikun possibli li kieku l-Gvern ma ħoloqx il-kundizzjonijiet biex pajjiżna jkollu l-infrastruttura sportiva bil-bini ta’ kumplessi sportivi, impjanti sportivi għall-atletika u dixxiplini oħra sportivi u yacht marinas.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura rringrazzja lill-organizzaturi tal-BMW Malta Marathon u Malta Half Marathon għall-ħidma tagħhom biex dawn it-tiġrijiet setgħu jsiru. Hu irringrazzja lill-Awtorita’ ta’ Malta għat-Turiżmu li tat pubbliċità lil dan l-avveniment f’numru ta’ pajjiżi Ewropej. Irringrazzja wkoll lill-kompetituri kollha li pparteċipaw fil-maratona filwaqt li feraħ lir-rebbieħa.
Stqarrijiet Oħra:
PR261953en
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Performance Audit: Verifying In...
PR261953