Libsa Ġdida gĦal ‘Malta International Choir Competition’
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech nieda l-Malta International Choir Competition – Festival of Sacred and Secular Music waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet fil-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura. Hu qal li l-Malta International Choir Competition, wara 17-il sena mit-twaqqif tagħha issa kienet qed tieħu sura ġdida – kompetizzjoni għall-korijiet kollha, dawk stabbiliti u dawk li m’humiex. Hu qal li l-organizazzjoni ta’ din il-kompetizzjoni ser tkun anke waħda aktar popolari, mhux biss għaliex ser ikun hemm ħafna aktar kategoriji iżda wkoll għaliex il-korijiet ser ikollhom l-opportunita’ li jieħdu sehem f’workshops, kunċerti ta’ ħbiberija f’lokalitajiet differenti u ser ikunu jistgħu anke jkantaw fi knejjes waqt servizzi reliġjużi.
‘Dan kollu seta’ jseħħ minħabba r-relazzjoni li għandna illum mal-Fondazzjoni Interkultur li tispeċjalizza fl-organizazzjoni ta’ kompetizzjonijiet u festivals ta’ korijiet mad-dinja kollha u li għalhekk qed tgħaddilna l-kapaċita’ organizattiva tagħha f’qasam kulturali hekk importanti,’ qal il-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-opportunità li kienu se jingħataw korijiet f’Malta kienet waħda kbira iżda daqshekk ieħor kbira kienet ser tkun l-opportunita’ li naraw f’pajjiżna aktar korijiet. Hu qal li kif illum il-baned kienu mifruxa fil-bliet u l-irħula kollha ta’ Malta u Għawdex, fejn mhux biss kienu jdoqqu iżda kienu anke jservu ta’ skejjel tal-mużika, kien jemmen li jekk jingħataw l-opportunita’ anke l-korijiet jiżdiedu u hekk titkattar l-arti korali f’pajjiżna.
Fl-1989 il-Ministeru tat-Turiżmu kien introduċa l-Malta International Choir Festival, li minn dik id-data baqa' jsir kull sena fit-tieni ġimgħa ta' Novembru, bil-għan li jattira, flimkien mal-korijiet barranin, numru ta' turisti meta normalment is-suq turistiku ma tantx ikun tajjeb.
Fis-sena 2003, ġie mistieden bħala osservatur tal-Festival Christian Ljunggren, wieħed mid-diretturi artistiċi ta’ l-Interkultur Foundation. Din l-Assoċjazzjoni tispeċjalizza fl-organizzazzjoni ta' kompetizzjonijiet u festivals ta' korijiet mad-dinja kollha. Ljunggren interessa ruħhu f'dan il-Festival u anki f'Malta u bdew diskussjonijiet mal-kumitat biex nistħarrġu possibiltajiet ta' kollaborazzjoni bejn l-Interkultur u Malta fl-organizzazzjoni futura ta' dan il-Festival. B'riżultat ta' dawn id-diskussjonijiet tħejja rapport bi proposti konkreti dwar Festival korali fuq il-linji ta’ l-Interkultur, li dehru vantaġġjuzi għal Malta.
Id-diskussjonijiet tkomplew sakemm ġew iffinalizzati d-dettalji tal-kuntratt li jirregola l-kollaborazzjoni bejn l-Interkultur u l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, u l-obbligi tagħhom fl-organizzazzjoni tal-Festival li ser jibda jissejjaħ "The Malta International Choir Competition and Festival". Dan il-kuntratt ġie ffirmat f’Novembru 2005 minn Gunther Titsch, President ta’ l-InterkulturFoundation, u Peter Portelli, Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura.
Il-Malta International Choir Competition and Festival se jittella’ bejn id-9 u t-13 ta' Novembru 2006 u se jkun organizzat mill-Interkultur Foundation flimkien ma' Kumitat Lokali maħtur apposta mill-Onor. Francis ZammitDimech, Ministru tat-Turiżmu u Kultura.
L-għanijiet tal-Festival huma :
o biex koristi minn pajjiżi, kulturi, reliġjonijiet u tradizzjonijiet differenti jiltaqgħu u jsiru jafu ’l xulxin;
o biex bis-saħħa tal-kompetizzjoni titjieb il-kwalità ta’ l-esekuzzjoni ta' mużika korali;
o biex tingħata okkażjoni lill-koristi li jkantaw flimkien "għall-paċi fid-dinja";
o biex korijiet barranin ikollhom l-opportunità li jieħdu sehem u jkantaw waqt servizzi reliġjużi fi knejjes f'Malta;
o biex kull min jieħu sehem, kemm attiv u kemm passiv, ikun jista' jara u japprezza, is-sbuħija u l-varjetà ta' mużika korali minn epoki, tradizzjonijiet u pajjiżi differenti
Il-korijiet parteċipanti fil-kompetizzjoni jkunu mqassma skond dawn il-kategoriji:
1. i. mużika sagra a cappella;
ii. mużika sagra b'akkumpanjament;
iii. mużika sagra għall-korijiet li ma jilħqux l-aspettativi ta' i u ii.
Jistgħu jitkantaw b'akkumpanjament anki għanjiet liturġiċi li jintużaw f'servizzi
reliġjużi.
2. i. mużika sagra għall-korijiet tat-tfal taħt is-16 il sena S (S) A (A)
ii. mużika sagra għall-korijiet ta' żgħażagħ b'vuċijiet egwali
a. kantanti femminili sa 19 il sena (SS AA)
b. kantanti maskili sa 25 sena (TT BB)
iii. mużika sagra għall-korijiet ta' żgħażagħ imħallta SATB, sa 25 sena.
3. i. mużika sekulari a cappella għall-korijiet imħallta;
ii. mużika sekulari a cappella għall-korijiet maskili;
iii. mużika sekulari a cappella għall-korijiet femminili;
4. L-istess kategoriji bħal f’numru 3 għall-korijiet anqas ippreparati,
fejn jiġi permess l-akkumpanjamenti f'żewġ siltiet minn 4.
5. Folklor : Kull grupp irid jippreżenta mużika li tirrifletti t-tradizzjonijiet folkloristici ta' pajjiżu jew tradizzjoni vokali specifika. Jistgħu jintużaw strumenti u anki elementi xeniċi imma l-kant dejjem gandu jibqa' iċ-ċentru tar-rappresentazzjoni.
Barra mill-kompetizzjoni nnifisha, il-korijiet ikollhom l-opportunità, jekk iridu, li jieħdu sehem f'attivitajiet oħra bħal workshops, kunċerti ta' ħbiberija f'lokalitajiet differenti, u wkoll li jkantaw fi knisja waqt servizz reliġjuż, is-Sibt fil-għaxija jew il-Ħadd fil-għodu.
Il-korijiet kollha flimkien jieħdu sehem fiċ-ċerimonja tal-ftuħ, fiċ-ċelebrazzjoni għall-paċi fid-dinja, u fiċ-ċerimonja ta’ l-għeluq. Dawk li jridu għandhom ukoll l-opportunità li jattendu għall-kunċert principali bil-parteċipazzjoni ta’ l-Orkestra Nazzjonali. Ħafna minn dawn l-attivitajiet huma wkoll miftuħa għal korijiet li jagħżlu li jieħdu sehem fil-Festival mingħajr ma jidħlu għall-kompetizzjoni.
L-evalwazzjoni tal-korijiet issir skond il-kriterji stabbiliti matul il-kompetizzjonijiet ‘Musica Mundi’. Skond il-punti li jiksbu, jingħataw Diploma klassifikata Bronz; Fidda; jew Deheb. Jekk xi kor ma jilħaqx il-livell ta' Diploma tal-Bronz jingħata ċertifikat ta' parteċipazzjoni. Il-ġurija tista' tiddeċiedi li tagħti premjijiet speċjali għall-rappresentazzjonijiet eċċezzjonali, kif ukoll ċertifikati lil diretturi ta' korijiet li jispikkaw fid-direzzjoni tagħhom.
Il-membri tal-ġurija internazzjonali, li ser ikunu wkoll responsabbli għall-workshops, huma Sir David Willcocks (U.K.), Prof. Andre' J. Thomas (U.S.A.) u Gary Graden (Sweden), tlett personalitajiet magħrufa ħafna fil-qasam tal-mużika korali.
Il-Interkultur ser tkun responsabbli mir-reklutaġġ u l-moviment tal-korijiet barranin, il-kumitat lokali ser ikun responsabbli għal-loġistika u l-organizzazzjoni tal-Festival waqt il-ħamest ijiem ta’ l-attivitajiet konnessi miegħu. Id-direzzjoni artistika tal-Festival sa tkun taħt ir-responsabiltà konġjunta ta’ l-Interkultur u Malta b'kummissjoni ad hoc komposta minn Christian Ljunggren, (Sweden), Dr. Ralf Eisenbeis (Ġermanja), Gabor Hollerung (Ungerija) u Dun Gwann Galea (Malta).
Korijiet ta' kull għamla u daqs jistgħu jieħdu sehem basta josservaw ir-regolamenti rikjesti skond il-kategorija respettiva li fiha jidħlu. Il-membri tal-korijiet iridu jkunu amateurs, jiġifieri li ma jaqgħilhux l-għejxien tagħhom mill-mużika. Kull kor jista’ jieħu sehem ukoll f'aktar minn kategorija waħda.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li jemmen li l-organizazzjoni ta’ festivals ta’ dan it-tip kienu wkoll attrazzjoni turistiku u anke ta’ importanza biex pajjiżna jinbidel f’esperjenza sabiħa għat-turisti li jżuruna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura rringrazzja lil kull min ħadem biex stajna naslu għal dan il-kuntratt ma’ l-Interkultur Foundation u b’mod speċjali lil Dun Gwann Galea li kien il-mutur wara din l-inizjattiva.
Stqarrijiet Oħra:
PR261953en
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Performance Audit: Verifying In...
PR261953