Left arrow Mur Lura

Inawgurata l-Estensjoni ta’ l-Iskola Primarja ta’ Wied il-Għajn

pr0318
Date Icon 02/03/2006

Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi dalgħodu inawgura l-estensjoni ta’ l-iskola  primarja ta’ Wied il-Għajn fil-preżenza tal-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea, l-għola awtoritajiet edukattivi, is-Sindku tal-lokal, u l-Kap, l-għalliema u l-istudenti ta’ l-iskola. Il-proġett sewa` s’issa madwar Lm150,000 u fil-prattika irdoppja l-ispazju tat-tagħlim f’din l-iskola.  

Wieħed mill-ewwel proġetti li ħadet f’idejha l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) meta twaqqfet fl-2001 kien dak ta’ l-iskola primarja ta’ Sant’ Anna f’Wied il-Għajn.  Il-proġett kien jinvolvi żewġ fażijiet. Fit-tieni fażi nbena sular ġdid fuq l-iskola eżistenti biex b’hekk illum l-iskola primarja ta’ Wied il-Għajn għandha il-faċilitajiet meħtieġa biex taqdi l-bżonnijiet ta’ din il-lokalità li f’dawn l-aħħar snin kibret sostanzjalment.   

Bix-xogħol li twettaq ir-residenti ta’ Wied il-Għajn u t-tfal tagħhom diga` għandhom skola mill-isbaħ, skola li tħeġġeġ it-tagħlim. Madankollu l-Gvern beda jaħdem biex fil-futur tinbena wkoll kindergarten ġdida u biex il-faċilitajiet rikreattivi li hemm fl-iskola jiġu mtejjba.  

Il-Prim Ministru qal: “Il-Gvern poġġa l-edukazzjoni bħala prijorità ewlenija flimkien ma’ l-ambjent u l-ekonomija għax nemmnu li l-kwalità ta’ l-edukazzjoni li noffru se tkun element importanti biex fis-snin li ġejjin inkunu nistgħu insostnu żvilupp ekonomiku tajjeb.  B’Maltin edukati u mħarrġa tajjeb kapaċi nattiraw investiment mill-aqwa kif qed jigri fil-każ tas-SmartCity@Malta, l-industrija tal-farmaċewtika u l-qasam tat-tiswija ta’ l-ajruplani.  Mingħajr nies imħarrġa dawn l-investimenti ma jseħħux.”  

Il-Prim Ministru tenna li filwaqt li l-ħidma tal-Gvern f’dawn l-aħħar snin, partikolarment fil-qasam ta’ l-IT, wasslet biex tattira l-akbar investiment barrani li qatt ser ikun sar f’pajjiżna, “issa għandna sfida importanti li nipprovdu biżżejjed nies imħarrġa f’dan is-settur biex il-postijiet tax-xogħol li se jinħolqu b’dan il-proġett jittieħdu mill-Maltin.   L-Investiment fl-edukazzjoni hu investiment mill-aqwa fil-futur tagħna lkoll.  Dan mhux biss nemmnuh imma qed inwettquh bil fatti,”  temm jgħid Dr. Gonzi. 

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea qal li l-proġett ta’ l-iskola ta’ Wied il-Għajn hu biss wieħed minn ħafna xogħol li s’issa wettqet il-Fondazzzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada.  Hu qal li l-Gvern irid jagħti lit-tfal u studenti li jmorru fl-iskejjel tiegħu l-isbaħ u l-aqwa skejjel. Kien għalhekk li ħames snin ilu beda proġett li fih qed jinvesti aktar minn Lm 60 miljun lira u waqqaf l-FTS biex fi żmien ftit snin l-iskejjel kollha tal-Gvern isiru skejjel moderni.   

“Fl-edukazzjoni l-Gvern qed jaħdem biex jassigura edukazzjoni ta’ kwalita`. Irridu li t-tfal kollha tagħna mill-bidunett fil-kinder, fil-primarja u fis-sekondarja jiksbu l-ħiliet meħtieġa fuq bażi b’saħħitha biex ikomplu bl-istudji u t-taħriġ jew fl-Universita` jew fl-MCAST. B’hekk inkunu qed nagħtuhom l-aqwa għodda, li ma jeħodilhom ħadd, għad-dinja tax-xogħol.”   

Il-Ministru sostna li l-Gvern qed jaħdem fuq diversi oqsma “Qed naħdmu wkoll biex l-iskejjel kollha ta’ l-istat jingħaqdu f’Kulleġġi awtonomi biex jaħdmu u jimxu l-quddiem flimkien.  Qiegħdin ukoll nagħtu ħarsa kritika lejn kull qasam ta’ l-edukazzjoni, inkluż l-edukazzjoni bikrija, l-edukazzjoni inklużiva u speċjali, il-problema ta’ l-assentejiżmu, l-eżamijiet tal-MATSEC, is-settur post-sekondarju u terzjarju, il-gwida tal-karrieri u l-edukazzjoni tul il-ħajja, biex inkomplu intejbu s-sistema edukattiva f’pajjiżna.” 

Ix-xogħlijiet fil-Primarja ta’ Wied il-Għajn saru f’żewġ fażijiet biex ikun hemm l-inqas inkonvenjent possibbli għall-istudenti, għall-għalliema u għal kull min jaħdem jew jiffrekwenta l-iskola, inkluż il-ġenituri.  L-ewwel fażi kienet tinkludi bini ta’ sitt klassijiet ġodda (tlieta minnhom fuq xulxin fuq tlett sulari ġewwa bitħa nterna), u faċilitajiet sanitarji li kienu jinkludu faċilitajiet għall-persuni b’diżabilità.  

Apparti x-xogħlijiet strutturali, ix-xogħlijiet kienu jinkludu wkoll stallazzjoni ta’ sistemi tad-dawl u ta’ l-ilma, networks tal-kompjuter, sistemi tad-drenaġġ,  tqegħid ta’ madum ta’ l-art u tal-ħajt, xogħol ta’ irħam, twaħħil ta’ aperturi ġodda ta’ l-aluminju fuq barra, u bibien fuq ġewwa, u  għamara gdida fil-klassijiet – imwejjed, siġġijiet, ‘storage cupboards’, ‘notice boards’ u għamara oħra.   

Sar ukoll tisbiħ ġenerali, mhux biss fejn inbnew il-klassjijiet il-ġodda iżda fil-klassijiet, kurituri u l-ufficini kollha ta’ l-iskola.  Ġiet irranġata wkoll l-entratura prinċipali u nbniet rampa apposta, ġie stallat ‘passenger lift’ li jservi s-sulari kollha,  twaħħal ukoll ‘platform stair lift’ fit-tieni sular, u nbnew rampi oħrajn biex  l-iskola saret aċċessibli.   

It-tieni fażi kienet tikkonsisti fl-iżvilupp tat-tielet sular ta’ l-iskola. Il-permessi mill-MEPA inħarġu f’Novembru 2004, u x-xogħol fuq it-tieni fażi tlesta sa Settembru tas-sena 2005.  B’hekk l-istudenti u l-għalliema setgħu igawdu minn dawn il-faciltajiet ġodda mill-ewwel ġurnata ta’ din is-sena skolastika.   

Ix-xogħlijiet kienu jinkludu bini ta’ sular ġdid, li jikkonsisti f’seba’ klassijiet, żewġ uffiċini, kuridur u faċiltajiet sanitarji, stallazzjoni ta’ sistemi tad-dawl u ta’ l-ilma, tad-drenaġġ, u networks tal-kompjuter, tqegħid ta’ madum ta’ l-art u tal-ħajt, xogħol ta’ irħam, twaħħil ta’ aperturi ġodda ta’ l-aluminju fuq barra, u bibien fuq ġewwa, xogħol ta’ kontrabejt, ‘insulation’ u ‘waterproofing’, u l-għamara kollha meħtieġa.   

Il-faċilitajiet li żviluppa l-Gvern għandhom iservu tajjeb il-bżonnijiet ta’ l-istudenti kollha ta’ l-Iskola Primarja Sant’Anna għal numru ta’ snin ohra. Issa diġa beda l-proċess għall-bini ta’ skola tal-Kinder u fil-fatt ġie identifkat sit ma’ ġemb l-iskola  Sant’Anna għal dan il-iskop. 

S’issa il-Gvern wettaq investiment ta’ Lm 150,000 f’ din l-iskola.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Performance Audit: Verifying Income Tax Returns

PR261953en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Performance Audit: Verifying In...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA  Performance Audit: Verifying Income Tax Returns

PR261953

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Performance Audit: Verifyi...

Aktar Stqarrijiet Right arrow