BORD ĠDID U FAŻI ĠDIDA GĦALL-MCAST
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Dr Louis Galea dalgħodu ltaqa` mal-Bord il-ġdid tal-Gvernaturi għall-Malta College for Arts, Science and Technology (MCAST).
Il-President tal-Bord huwa s-Sur Paul Attard, edukatur anzjan u espert; u għandu esperjenza diretta fil-qasam ta’ l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ. Il-membri l-oħra tal-Bord huma Dr. Cecilia Borg, Stephen Debono, Helga Ellul, Fredrick Fearne, Michael J Mallia, Tonio Portughese, Joyce Pullicino u Sue Vella. Il-membri tal-Bord ġejjin mill-oqsma differenti ta’ l-edukazzjoni, t-taħriġ u l-industrija. Il-Bord il-ġdid ser jibda l-ħidma tiegħu fit-3 ta’ April li ġej. Għal-laqgha attenda wkoll is-Sur Victor Scicluna, l-ewwel President tal-Bord tal-Gvernaturi sa mit-twaqqif ta’ l-MCAST fl-2000.
Il-Ministru Louis Galea beda billi fisser il-ħajr u l-apprezzament tal-Gvern għall-ħidma eċċellenti li wettaq is-Sur Victor Scicluna fl-aħħar il-ħames snin bħala l-ewwel President flimkien mal-membri ta’ l-ewwel Bord tal-Gvernaturi ta’ l-MCAST. Huwa fisser is-sehem tas-Sur Scicluna bħala strumentali fl-ippjanar, it-twaqqif u twettiq ta’ l-ewwel fażi ta’ dan il-Kulleġġ.
Il-Ministru Galea fisser li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi irid li s-settur ta’ l-edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ jagħmel qabża oħra ta’ kwalità billi jilħaq aktar żgħażagħ u adulti u jkompli jgħolli l-livelli tiegħu. Il-Prim Ministru diġa` qed jagħti indikazzjoni li lest jinvesti aktar f’dan is-settur u li parti sostanzjali mill-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea għas-snin 2007-2013 jiddedikahom għal aktar żviluppi f’dan il-qasam.
Louis Galea qal li hekk kif l-ewwel Bord kellu l-missjoni li jwaqqaf l-MCAST u jmexxih fl-ewwel passi kruċjali tiegħu, l-missjoni tat-tieni Bord hi li jippresjedi żvilupp daqstant ieħor importanti tat-tieni fażi ta’ l-MCAST.
“Il-mira tal-Gvern f’din it-tieni fażi hi li l-MCAST iżid b’mod sostanzjali l-kapaċità tiegħu li jlaħħaq mar-ritmu aċċellerat li l-investiment kbir li qed isir ser iġib miegħu fl-ekonomija u fil-ħolqien ta’ l-impiegi. Din il-kapaċità trid tagħtina aktar ħaddiema imħarrġa, f’firxa aktar wiesa ta’ oqsma, u fil-livelli kollha vokazzjonali. F’din il-ħidma l-MCAST ser ikollu l-għajnuna u d-direzzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla li għadha kif twaqqfet,” qal Louis Galea.
Il-Ministru Galea fisser li f’din il-fażi irid jara jinbnew b’mod b’saħħtu s-servizzi għall-istudenti ta’ l-MCAST. Dawn is-servizzi jinkludu programm ta’ formazzjoni ta’ karattru u etika, gwida għall-karrieri, counselling dwar life styles u problemi soċjali, programmi dwar is-sbuħija tal-ħajja u kontra l-abbuż ta’ l-alkoħol u d-droga, u attività fiżika u sportiva.
“Il-Bord il-ġdid irid isaħħaħ it-tmexxija tal-Kulleġġ u jara li tissaħħaħ is-sħubija ta’ l-Istituti tal-Kulleġġ ma’ l-oqsma differenti ta’ l-industrija u s-servizzi. Jeħtieġ ukoll li nkomplu nsaħħu l-użu ta’ skambji ma’ Universitajiet u Kulleġġi barranin, inkluż bl-użu sħiħ tal-programmi edukattivi ta’ l-Unjoni Ewropea,” qal Louis Galea.
Il-Bord se jkollu jkompli jkabbar l-MCAST u jżid il-faċilitajiet u s-servizzi biex ikun f’pożizzjoni li jagħti edukazzjoni u taħriġ ta’ l-aqwa kwalità li jkunu komparabbli u rikonoxxuti fuq livell internazzjonali. L-MCAST mistenni jagħti kontribut ewlieni fil-bini ta’ soċjetà u ekonomija bbażati fuq l-għerf.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni temm jgħid li s-sistema ta’ edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ u ta’ l-edukazzjoni terzjarja qed jagħmlu ġid kbir lill-pajjiż u bis-saħħa tagħhom qed nattiraw investiment importanti fl-ekonomija. “Il-Gvern hu determinat li jkompli jinvesti fl-edukazzjoni għax din hi l-għodda ewlenija biex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja u biex uliedna jirnexxu lkoll.”
Other Press Releases:
PR261953en
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Performance Audit: Verifying In...
PR261953