Left arrow Go Back

L-2005 : SENA MILL-AQWA GĦAL-LUKANDI TA’ ĦAMES STILEL

pr0306
Date Icon 01/03/2006

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, waqt ‘soft launch’ tal-lukanda ‘Le Meridien’ f’San Ġiljan, qal li l-ftuħ tal-lukanda Le Meridien jtella’ n-numru ta’ lukandi ta’ Ħames Stilel f’Malta u Għawdex għal 15, b’6,324 sodda. Hu qal li fl-1995 in-numru ta’ lukandi ta’ Ħames Stilel kien ta’ ħamsa, b’1,274 sodda. Dan ifisser li f’10 snin in-numru ta’ lukandi ta’ Ħames Stilel kiber bi tliet darbiet filwaqt li n-numru ta’ sodod kiber b’ħames darbiet li kien. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-fiduċja f’dan is-settur toħroġ mill-fatt li fil-lista ta’ proġetti li għandhom jitwettqu matul din is-sena u s-sena d-dieħla hemm żewġ proġetti għal lukandi ta’ Ħames Stilel, wieħed għal lukanda ġdida u ieħor għal estensjoni li bejniethom se jżiedu qrib 1,200 sodda oħra. Hu qal li dawn il-proġetti ma jinkludux żewġ proġetti oħra għall-estensjoni ta’ żewġ lukandi ta’ Ħames Stilel fl-inħawi ta’ San Ġiljan li fi żmien sentejn għandhom iżidu 400 sodda oħra. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal din iż-żieda qawwija fin-numru ta’ lukandi ta’ Ħames Stilel hi r-riżultat tad-domanda li hemm fis-settur turistiku għal din it-tip ta’ akkomodazzjoni. Is-settur tal-konferenzi u inċentivi hu wieħed li qed jikber minn sena għall-oħra. Hu qal li 76 fil-mija tad-delegati kollha li jiġu għall-konferenzi jagħżlu li joqgħodu f’lukandi ta’ Ħames Stilel. Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li s-sena l-oħra 88,513 viżititatur li żaru pajjiżna kienu Malta bħala turisti relatati man-negozju. Din kienet żieda ta’ 8.7 fil-mija fuq l-2004. Min-naħa l-oħra madwar 63,000 turist żaru pajjiżna għall-konferenzi u inċentivi, żieda ta’ madwar 7 fil-mija fuq l-2004. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li mill-MHRA Hotel Survey għat-Tielet Kwart ta’ l-2005 jirriżulta li l-livell ta’ okkupazzjoni f’dawn it-tliet xhur ta’ l-2005 kien ta’ sitta fil-mija aktar mill-istess perijodu fl-2004 meta minn 82 fil-mija tela’ għal 88 fil-mija, bl-ogħla rata ta’ okkupazzjoni reġistrata f’Awissu b’90.7 fil-mija jew 3.1 fil-mija aktar mill-istess xahar fl-2004. Fl-istess perijodu ukoll ir-rati bħala medja miksuba mill-bejgħ ta’ kmamar f’lukandi ta’ Ħames Stilel żdiedu minn Lm40.32 għal Lm41.29 jew aktar minn tnejn fil-mija iżjed. Il-Ministru Zammit Dimech qal li t-titjib reġistrat fl-okkupazzjoni ta’ lukandi ta’ Ħames Stilel wassal ukoll biex ir-rata ta’ okkupazzjoni tal-lukandi f’Malta wriet l-akbar żieda fost numru ta’ tourist resorts kompetituri tagħna. Iż-żieda f’Malta kienet ta’ sitta fil-mija, filwaqt li dik ta’ Costa del Sol kienet ta’ 4 fil-mija, ta’ Mallorca 3.6 fil-mija, Gżejjer Canary 0.5 fil-mija u Ċipri 1.8 fil-mija.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-ftuħ tal-lukanda Le Meridien se jkompli jagħti lill-viżitaturi tagħna għażla akbar ta’ lukandi ta’ l-ogħla kwalita’.  Hu qal li din il-lukanda, li telgħet fl-art ta’ Villa Cassar Torreggiani, hi żieda mill-aktar importanti għas-settur turistiku mhux biss għall-kwalita’ tax-xogħol li fiha iżda anke għall-isem li ġġib. Hu qal li proġetti bħal dan kienu joħolqu wkoll impjiegi ġodda. Hu qal Le Meridien ser tħaddem 240 persuna li 180 minnhom huma se jkunu full-time. Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li matul is-sena l-oħra n-numru ta’ impjiegi full-time u part-time f’dan is-settur żdiedu b’aktar minn elf. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li f’nofs l-2003 l-Institute of Travel and Tourism tar-Renju Unit żamm il-Konferenza Annwali tiegħu f’Malta. F’messaġġ li għamel għal din il-konferenza Steven Freudmann, Chairman tal-ITT kien qal li l-gżejjer Maltin f’dawn l-aħħar snin  kienu għaddew minn trasformazzjoni  biż-żieda ta’ lukandi mill-aqwa ta’ ħames stilel. Hu qal li kumment bħal dan, ġej minn persuna ta’ kalibru hekk kbir fil-qasam turistiku, juri x’passi ta’ ġgant għamlet Malta f’settur ta’ lukandi li jattira lejn pajjiżna viżitaturi li jieħdu vaganzi fejn il-valur miżjud hu ogħla. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li s-settur turistiku f’pajjiżna hu mibni fuq imprendituri privati li nvestew f’dan il-qasam mijiet ta’ miljuni ta’ liri. Hu qal li l-fatt li dawn l-imprendituri investew bil-qawwi u għadhom jinvestu flushom fil-lukandi hu indikazzjoni ta’ fiduċja, indikazzjoni li dan is-settur sejjer ’il quddiem u żamm sehmu fis-suq turistiku internazzjonali minkejja l-kompetizzjoni kbira li teżisti.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Performance Audit: Verifying Income Tax Returns

PR261953en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Performance Audit: Verifying In...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA  Performance Audit: Verifying Income Tax Returns

PR261953

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Performance Audit: Verifyi...

More Press Releases Right arrow