KONFERENZA STAMPA dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ligi dwar il-Vjolenza Domestika, mogħtija mill-Viċi PM l-Onor. Tonio Borg, l-Onor Carmelo Mifsud Bonnici, Segretarju Parlamentari , u l-Onor. Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali
Waqt li kienu qed jindirizzaw konferenza stampa dwar id-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-Vjolenza Domestika, il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern Tonio Borg u s-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru, Carmelo Mifsud Bonnici, qalu illi l-liġi dwar il-vjolenza domestika, jew aħjar l-Att XX ta’ l-2005, huwa pass importanti fl-istorja tal-liġi u s-soċjetà Maltija.
Is-soċjetà tagħna żviluppat bħal diversi oħrajn u qegħda titlob li l-Qrati tagħna jkunu aktar armati sabiex każijiet li jneħħu l-ġieħ u d-dinjità tal-bniedem bħal dawn, jiġu kontrollati ferm aħjar milli qatt kienu. Ovvjament, kulħadd jifhem li altru wieħed jirreġistra problema fit-tessut soċjali tagħna, u altru wieħed jidentifika u jimplimenta mezzi effiċjenti u effikaċi sabiex dawn jiġu konfrontati.
Ingħad, qabel xejn, li fit-tħejjija għal din il-liġi, minn Ottubru tas-sena 2004 ġiet imwaqqfa sezzjoni speċjalizzata fil-Qorti tal-Familja sabiex tieħu ħsieb il-kawżi ta’ natura kriminali li għandhom x’jaqsmu mal-familja. Din il-Qorti ħadmet tajjeb u tul is-sena li għaddiet, rajna numru kbir ta’ kawżi jidħlu u jiġu determinati. Il-maġġoranza tal-każijiet kienu marbuta ma’ erba’ kwalitajiet ta’ reati, jiġifieri :
i. nuqqas ta’ ħlas ta’ manteniment,
ii. nuqqas ta’ osservanza ta’ l-ordinijiet dwar l-aċċess ta’ l-ulied,
iii. feriti ta’ natura ħafifa; u
iv. theddid.
Fiż-żmien li ilha topera din is-sezzjoni, kien hemm 1,081 każ li ġie maqtugħ. Minnhom:
· 40% kienu każijiet ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ manteniment,
· 34% kienu kawżi ta’ nuqqas ta’ aċċess,
· 8% kawżi ta’ feriti ħfief u
· 18% kienu kawżi ta’ theddid.
Permezz ta’ din il-liġi ser jiġu ntrodotti numru ta’ prinċipji penali li għandhom jaffettwaw il-mod sħiħ ta’ kif dan is-settur, u b’mod partikolari kif l-Istat, ser iżid fil-protezzjoni tal-valur tal-familja. Għalkemm dan huwa settur ta’ natura kriminali, xorta waħda nemmnu li permezz tiegħu, ġaladarba ser jiġu protetti aħjar il-komponenti tal-membri tal-familja, ser tiġi protetta aħjar il-familja nnifisha. Il-liġi hija parti vitali mill-ordni fil-pajjiż u l-prinċipju għandu jkun dejjem li jekk wieħed iżomm l-ordni, l-ordni żżommok fit-triq it-tajba.
Għalhekk, għall-ewwel darba ser insibu dawn il-punti fil-liġi tagħna:
1. Definizzjoni ikbar u iktar komprensiva ta’ min huma l-persuni li l-Istat irid iħares u jagħti protezzjoni ikbar. Għalhekk hawn qed jingħad li delitti fuq il-konjuġi, ulied u l-komponenti l-oħra tal-familja, inkluż l-ulied konċepiti u kull min seta’ ingħata xi forma ta’ familjarità, jfisser li ser ikun hemm żieda fil-piena tad-delitt.
2. Il-bżonn li kien hemm qabel, li tiġi ppreżentata l-ittra mingħand il-parti li sfat il-vittma, msejħa bħala “l-kwerela”, issa spiċċat kompletament u passi penali jistgħu jittieħdu anki fuq rapporti tal-ġirien.
3. Qed jiġu ntrodotti żewġ reati ġodda u mportanti ħafna. Dawn huma:
i. dak tal-fastidju, li jinkorpora fiħ protezzjoni kontra kull min isib lilu nnifsu imdejjaq u vvessat fil-libertà u fi dmirijietu; u
ii. dak tal-protezzjoni għall-persuni li jħossuhom minaċċjati bi vjolenza minn ħaddieħor, jiġifieri li għalkemm ma jkunux saru atti ta’ vjolenza, xorta waħda l-imġieba ta’ ħaddieħor tbeżża’ u ġġiegħel lil ħaddieħor iħoss li l-vjolenza fuqu hija mminenti.
4. Qed jidħlu tliet tipi ta’ ordnijiet li jistgħu jinħarġu mill-Qorti Kriminali:
i. dak tal-protezzjoni waqt li tkun għaddejja l-kawża kriminali;
ii. dak ta’ trażżin fis-sentenza tal-Qorti; u
iii. dak ta’ trattament.
Permezz ta’ dan kollu, l-Qorti issa ser tkun f’pożizzjoni li tordna aħjar li min safa’ vittma ta’ reat jiġi protett aħjar, sija waqt il-każ kif ukoll wara. Il-Qorti tista’ tordna ‘l hekk imsejħa “garanzija” għal tliet snin u iktar, għax jekk l-imġieba ta’ dak li jkun ma tinbidilx, il-Qorti tista’ testendi ż-żmien. Mhux biss, iżda issa hemm il-possibilità li l-Qorti tista’ tordna li persuna ma tmurx f’post tax-xogħol, ambjent fejn jgħix terza persuna. Dan huwa rimedju ferm u ferm iktar effettiv milli għandna llum u għandu jwassal sabiex persuni jħossuhom protetti aħjar.
5. Li f’kawżi ċivili quddiem il-Qorti tal-Familja fis-Sezzjoni Ċivili tagħha, l-Imħallef għandu d-dritt li joħroġ, sija fl-istadju tal-bidu tal-każ kif ukoll matul il-każ, ordnijiet ta’ protezzjoni u ta’ trattament, anke jekk m’hijiex il-Qorti Kriminali. Dan huwa avvanz ieħor li qiegħed isir f’din id-direzzjoni, speċjalment għal persuni li ma jkunux għamlu rapport quddiem il-Pulizija.
Din il-liġi għalhekk għandha tagħti lis-soċjetà mekkaniżmi aħjar sabiex nipproteġu dawk li ħaqqhom protezzjoni u nrażżnu dawk li jipperpetrawhom.
Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Dolores Cristina, spjegat li għalkemm ħafna nies jaħsbu li l-liġi dwar il-vjolenza domestika ser tagħti protezzjoni lin-nisa biss, dan mhux il-każ. Hija qalet, “Din il-liġi maħsuba biex tipproteġi lil kull vittma tal-vjolenza domestika: nisa, irġiel u tfal. Jekk nieħdu t-tfal bħala eżempju, naraw li din il-liġi fiha wkoll ħafna kunsiderazzjonijiet apposta għalihom. It-tfal mhux bilfors ikunu l-vittmi diretti tal-vjolenza domestika, imma faċilment jista’ jiġri li jkollhom jassistu għaliha, kemm jekk ikunu preżenti fiżikament waqt li l-vjolenza tkun qed isseħħ, kif ukoll jekk dawn ikunu f’pożizzjoni li jistgħu jisimgħu x’inhu jiġri. F’każi bħal dawn, l-offiza titqies bħala waħda aktar serja. Permezz ta’ dan il-provvediment, il-liġi tagħraf il-vulnerabilità tat-tfal u għalhekk tagħtihom protezzjoni akbar.”
Il-Ministru Cristina spjegat ukoll dwar il-Kummissjoni li ser titwaqqaf apposta, ‘l hekk imsejħa “Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika”. Din ser ikollha rwol importanti ħafna partikolarment fit-tkabbir ta’ l-għarfien ta’ dan is-suġġett, ir-riċerka li hemm bżonn f’dan il-qasam, u it-tfassil ta’ strateġiji sabiex tiġi esposta aktar il-vjolenza domestika biex b’hekk tingħata aktar protezzjoni lil vittmi ta’ din il-problema.
Other Press Releases:
PR261953en
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Performance Audit: Verifying In...
PR261953