INDIRIZZ TA’ L-GĦELUQ MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FIL-KONFERENZA GĦALL-CORE MANAGEMENT TEAMS TAL-MINISTERI F’DAR IL-MEDITERRAN GĦALL-KONFERENZI, VALLETTA - IL-ĠIMGĦA, 24 TA’ FRAR 2006
Sinjuri,
Għandna aġenda nazzjonali twila quddiemna. Pajjiżna qed jiffaċċja l-isfida ta’ kompetizzjoni dejjem tiżdied f’dinja globalizzata. Filwaqt li kulħadd irid jagħti sehmu biex bħala pajjiż nagħmlu suċċess minn din l-isfida, il-futur ekonomiku ta’ pajjiżna jiddependi b’mod partikolari mill-azzjoni li nieħdu aħna bħala parti mill-amministrazzjoni tal-pajjiż. Aħna lkoll li qegħdin hawnhekk illum għandna responsabbiltà kbira fuq spallejna.
Ma nistgħux nindirizzaw l-isfidi ta’ quddiem pajjiżna mingħajr ma jkollna viżjoni ċara u programm ta’ azzjoni mmirat biex iwettaq din il-viżjoni. Kien għalhekk li fassalna d-dokumenti li ddiskutejtu llum, id-Dokument ta’ Qabel il-Budget u l-Programm ta’ Riforma Nazzjonali, kif ukoll id-Diskors tal-Budget 2006. Dawn id-dokumenti ġew ippreparati wara konsultazzjoni wiesgħa u fil-fatt ħafna minnkom taw kontribut fit-tfassil tagħhom.
Issa dħalna fil-fażi tat-twettiq ta’ dan il-programm ambizzjuż. Irridu ntejbu s-sistema edukattiva f’pajjiżna. Irridu nkomplu ninkoraġġixxu l-intrapriża privata. Irridu niddiversifikaw is-swieq tagħna u nfittxu li noffru servizzi u prodotti ta’ kwalità u ta’ valur għoli. Fl-istess ħin irridu nibqgħu nimxu mal-pjan ta’ konverġenza li se jwassal biex Malta tadotta l-euro fl-1 ta’ Jannar 2008.
Dan il-programm iddiskutejtuh dalgħodu u ma rridx nirrepeti dak li diġà smajtu. Iżda tajjeb inkomplu naħsbu ftit dwar x’jirrikjedi minna, mhux biss bħala miżuri konkreti fl-oqsma ministerjali rispettivi tagħkom iżda anki bħala bidla fl-operat intern tas-settur pubbliku.
Is-servizz pubbliku għamel diġà qabżiet kbar fil-kwalità. Iżda minkejja dan, għad hemm xi jsir biex jilħaq l-aspirazzjonijiet tac-ċittadini tagħna. Inżid ukoll li s-servizz pubbliku għandu jaqdi r-rwol li jiffaċilita l-intrapriża privata u li jagħtiha appoġġ. Dan jitlob li nkomplu bl-isforzi tagħna sabiex nixprunaw bidla fil-mentalità. Hemm bżonn li nħarsu lejn l-operat tad-dipartimenti tagħna bil-lenti ta’ min qiegħed hemm barra jistenna biex jinqeda. Hemm bżonn inħarsu bil-lenti ta’ min qed jopera fis-settur privat, li għalih dewmien żejjed jew proċeduri kumplikati bla bżonn jistgħu jfissru telf ta’ opportunitajiet u telf ta’ xogħol. Wisq drabi jiġri li proċeduri li jkun għadda żmienhom jibqgħu fis-seħħ mingħajr ma jinbidlu. Kull ġimgħa li tgħaddi mingħajr ma nibdlu l-proċeduri antikwati u mingħajr ma nneħħu l-burokrazija żejda jistgħu jfissru telf ta’ opportunitajiet għall-intrapriżi u għall-ħaddiema Maltin. Hemm bżonn li nħarsu lil hinn mill-erba’ kantunieri ta’ l-iskrivanija u naraw kif ix-xogħol tagħna jorbot mal-bqija tax-xogħol tad-dipartiment, max-xogħol ta’ entitajiet oħra, u mal-prijoritajiet nazzjonali.
Nitlob lil kull wieħed u waħda minnkom li tħarsu bir-reqqa lejn il-proċeduri li tħaddmu fl-uffiċċji tagħkom u ssaqsu jekk dawk il-proċeduri għadhomx ġustifikati. Proċeduri li mhumiex ġustifikati fid-dawl tal-prioritajiet tal-lum għandhom jitneħħew, u l-oħrajn għandhom jiġu simplifikati kemm jista’ jkun, anki bl-għajnuna tat-teknoloġija li llum għandna għad-dispożizzjoni tagħna.
Naħseb li nista’ ngħid li diġà naqset il-mentalità li kull dipartiment, kull entità, qisha gżira għaliha maqtugħa mill-bqija tas-settur pubbliku u tal-pajjiż. Hemm bżonn li din il-mentalità nkomplu nkissruha. F’oqsma li jmissu ma’ iżjed minn entità waħda tal-Gvern, jiġifieri tista’ tgħid fl-oqsma kollha, id-deċiżjonijiet għandhom jinvolvu kull waħda minn dawn l-entitajiet u għandu jkun hemm konsultazzjoni anki ma’ l-interessi mhux governattivi li se jintlaqtu. L’anqas m’hu aċċettabbli li jittieħdu deċiżjonijiet jew jinħarġu regolamenti u dawn jiġu b’sorpriża għal min se jintlaqat minnhom.
Bħala amministrazzjoni għandna nitgħallmu norganizzaw is-servizzi li nipprovdu mhux skond il-linji vertikali tradizzjonali iżda skond il-bżonnijiet tal-klijent, li ħafna drabi jmissu ma’ iżjed minn entità waħda. Illum li dħalna fis-seklu wieħed u għoxrin, m’għandniex nibqgħu nistennew li intraprendent jew membru tal-pubbliku jkollu jħabbat iżjed minn bieb wieħed biex jieħu servizz minngħand il-Gvern.
Aħna lkoll għarafna l-ħtieġa kbira tat-teknoloġija fil-ħajja tagħna - u nixtiequ nkunu nafu aktar. Ilkoll għarafna li t-teknoloġija ta’ l-informatika qiegħda tipprovdi opportunitajiet ġodda li qiegħdin jgħinu mhux ftit biex jagħmlu l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna aktar produttiva. Illum wasalna fi stat fejn it- teknoloġija tinsab kważi kull fejn tħares. Daħlet fl-oqsma kollha tal-ħajja tax-xogħol u tad-divertiment, u qiegħda tħalli effett mhux zġħir fuq ħafna mill- aspetti tal-ħajja tagħna ta' kuljum.
Kif tafu lkoll, id-Dipartimenti tal-Gvern illum huma kollha mgħammra b’ kompjuters u sistemi kompjuterizzati. Bi pjaċir ngħid li dawn is-sistemi qiegħdin dejjem u kull ma jmur jiżdiedu. L-użu ta’ l-Internet u ta’ l-E-mail fid-Dipartimenti wkoll qiegħed kull ma jmur isir aktar komuni, iżda hawnhekk nistqarr li f’ dan l-isfond, għadni miniex kuntent għall-kollox għax naħseb li hemm lok u potenzjal ta’ ħafna aktar użu.
Minkejja dan, nieħu pjaċir ninnota li, grazzi wkoll għall-isforzi ta’ ħafna minnkom, il-kunċett ta’ gvern elettroniku qabad sew u llum, il-pubbliku għandu l-opportunità li jagħmel użu minn diġà madwar erbgħin servizz elettroniku minn fuq l-internet. Għandna nkomplu mexjin f’din id-direzzjoni b’ritmu mgħaġġel, u għandna wkoll nagħmlu sforz biex insarrfu l-potenzjal kollu ta’ l-investiment li qed nagħmlu fl-informatika, mhux biss bħala titjib fil-kwalità u fil-konvenjenza ta’ l-għoti tas-servizz, iżda anki bħala tnaqqis fl-ispejjeż u titjib fl-effiċjenza ta’ l-operat.
Is-Segretarji Permanenti huma primarjament responsabbli biex iwettqu dawn il-prijoritajiet, iżda d-Diretturi tas-Servizzi Korporattivi, tal-Policy Development, tal-Programme Implementation u ta’ l-Affarijiet ta’ l-UE, kif ukoll l-Information Management Officers, għandhom sehem importanti wkoll. L-oqsma li tkellimt dwarhom – l-effiċjenza, it-tfassil tal-policy fuq linji ġodda, l-għoti tas-servizzi, il-gvern elettroniku, il-fondi strutturali – jikkonċernawkom direttament. Apparti dan, intom il-qalba tal-management team tas-Segretarju Permanenti u bħalu għandkom tieħdu viżjoni wiesgħa tal-bżonnijiet tal-ministeru.
Biex nagħlaq irrid ngħid li minkejja l-isfidi li għandna quddiemna, jien fiduċjuż ħafna fil-ġejjieni ta’ pajjiżna. Jien fiduċjuż fost affarijiet oħra għax naf li fis-Servizz Pubbliku hemm ħafna nies li jaħdmu bla heda għal pajjiżhom. Naf kemm hemm nies li jqattgħu sigħat twal wara l-ħin fl-uffiċċju. Għad fadal ħafna x’isir iżda naf li s-Servizz Pubbliku għandu biex ikun kburi, u l-pajjiż għandu għalfejn ikun grat lejh. Jiena fiduċjuż li, bħal ma għamel fil-passat, is-Servizz Pubbliku kapaċi jqum għall-okkażjoni u jwieġeb għall-isfidi tal-lum. Qed nistenna ħafna mingħandkom, u l-pubbliku jistenna ħafna mingħandkom għax hekk għandu d-dritt. Iżda rrid nirrikonoxxi x-xogħol li diġà għamiltu, u ta’ dan ngħidilkom grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261953en
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Performance Audit: Verifying In...
PR261953