Diskors mill-Onor. Tonio Borg, Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Ġustizzja u l-Intern, fl-okkaŻjoni tad-devoluzzjoni ta’ playing field lill-Kunsill lokali ta’ Birkirkara
Hu ta’ pjaċir u sodisfazzjon għalija li nassisti f’dan l-avveniment tal-ftehim li jagħti titolu legali lill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara sabiex jamministra dan il-playing field. Dan hu pass ieħor fis-sensiela ta’ miżuri li l-Gvern qed jimplimenta bħala parti mill-politika ta’ devoluzzjoni lokali.
Kif ġie mtenni diversi drabi, hemm diversi modi kif il-Kunsilli Lokali jistgħu jkabbru s-sehem tagħhom fil-qasam tal-governanza lokali, u dan jinkludi mhux biss it-twettiq tal-funzjonijiet statutorji tagħhom u ċioe’ dawk diġa’ devoluti lilhom permezz ta’ leġislazzjoni bħal ma huma r-responsabbiltajiet ta’ servizzi relatati maż-żamma u manutenzjoni ta’ toroq, bankini, ġonna pubbliċi, eċċ u ġbir ta’ skart domestiku, iżda wkoll responsabbiltajiet oħra li l-Gvern jgħaddi lill-Kunsilli Lokali minn żmien għal żmien, għax jemmen li dawn kapaċi jiġġestuhom. Il-politika ta’ devoluzzjoni lokali tinkludi: id-devoluzzjoni ta’ proprjeta’ pubblika, id-devoluzzjoni ta’ l-amministrazzjoni ta’ libreriji pubbliċi u d-devoluzzjoni ta’ l-infurzar lokali.
Il-Gvern, minn naħa tiegħu, filwaqt li jemmen li l-qasam tal-gvern lokali għandu dejjem jissaħħaħ, fl-istess waqt hu mpenjat sabiex safejn hu possibbli jagħti r-riżorsi meħtieġa biex il-Kunsilli Lokali kollha jkunu jistgħu iwettqu l-funzjonijiet tagħhom bl-aktar mod effettiv, effiċjenti u ekonomiku. Ta’ min isemmi hawn li l-proċess ta’ l-assenjar tal-ħaddiema tas-settur pubbliku mal-Kunsilli Lokali issa hu konkluż; u kull Kunsill Lokali f’Malta u Għawdex għandu numru ta’ ħaddiema (minn 2 sa 4 skond kriterji stabbiliti) li permezz tagħhom dawn jistgħu jonoraw il-ftehim li jkomplu jagħtu aktar servizzi ta’ e-Government fl-interess tal-lokalitajiet rispettivi tagħhom.
Irrid ukoll infaħħar l-impenn tal-Kunsilli Lokali li, b’modi innovattivi u imprenditorjali, jaraw kif dejjem aktar ikabbru u jtejbu s-servizzi tagħhom bir-riżorsi disponibbli. Aktar minn hekk, il-Kunsilli li jippjanaw b’mod serju qegħdin ukoll jisfruttaw l-opportunitajiet li diġa’ jeżistu kemm permezz ta’ leġislazzjoni (bħal għemil ta’ Bye-Laws li permezz tagħhom jistgħu jtejbu u jħarsu l-interessi tal-lokalita’, inaqqsu inkonvenjenzi jew jagħmlu skemi li permezz tagħhom idaħħlu flus għal servizzi mogħtija), kif ukoll jisfruttuaw l-opportunita’ tal-politika ta’ devoluzzjoni lokali billi jippreżentaw proġetti fattibbli dwar kif jistgħu jiġġestixxu proprjeta’ pubbliku, b’mod aħjar milli jkun qed isir.
Hemm diversi inizjattivi li permezz tagħhom, il-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu jtejbu l-kwalita’ tal-ħajja taċ-ċittadini tagħhom, fosthom inizjattivi edukattivi u kulturali. Biex dawn ikunu jistgħu jkabbru dawn is-servizzi hemm bżonn kemm ta’ l-impenn tar-riżorsi umani kif ukoll riżorsi oħra. Il-Gvern hu għalhekk konxju li l-Kunsilli Lokali li jkollhom strateġija serja u li tkun immirata biex ittejjeb is-servizzi u l-kwalita’ tal-ħajja taċ-ċittadini għandhom jingħataw kull għajnuna possibbli biex iwettqu dawn l-għanijiet. Kien għalhekk li l-Gvern ċentrali laqa’ t-talba tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara biex jiġi devolut lilu dan il-Ġnien.
Ta’ min isemmi wkoll żewġ inizjattivi li ħa l-Gvern ċentrali sabiex jagħti aktar saħħa legali lill-prinċipju tal-kontabilita’ fil-Kunsilli Lokali. Qed nirreferi għall-Avviż Legali li ħareġ fl-aħħar tas-sena 2005 (AL 414/2005) li permezz tiegħu ċ-ċittadin illum għandu għodda oħra biex jitlob li ssir ġustizzja miegħu f’każi ta’ żbalji fl-għoti ta’ avviż ta’ kontravvenzjoni, mingħajr il-ħtieġa li jagħmel dan quddiem it-Tribunal Lokali; kif ukoll għall-Avviż Legali maħruġ fil-bidu ta’ din is-sena li permezz tiegħu kull membru jew uffiċjal tal-Kunsill qed ikun meqjus personalment responsabbli jekk bin-nuqqas tiegħu u li ma jkunx ġustifikat, ikun ikkaġuna xi dannu finanzjarju lill-Kunsill Lokali. Dawn iż-żewġ miżuri għandhom iservu kemm sabiex iċ-ċittadin ikollu aktar fiduċja fis-sistema ta’ infurzar lokali, kif ukoll sabiex ikun hemm aktar kontabilita’ fit-tmexxija tal-Kunsilli Lokali, billi kull membru jew uffiċjal tal-Kunsill jara li f’kull deċiżjoni u azzjoni li jkollha x’taqsam ma’ infieq, din issir skond kif mitlub mir-regolamenti finanzjarji.
Irrid fl-aħħarnett nawgura lill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara sabiex bit-tfassil ta’ pjan bil-għaqal jagħmel l-aħjar użu mill-Ġnien li llum qed jiġi devolut lilu mill-gvern ċentrali.
Other Press Releases:
PR261953en
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Performance Audit: Verifying In...
PR261953