IMNIEDI PROGETT TA' STUDJU DWAR IL-MELANOMA F'GHAWDEX
F’konferenza ta’ l-aħbarijiet, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, ħabbret il-bidu ta’ studju dwar il-melanoma li ser jibda f’Għawdex iktar tard din is-sena. Dan huwa l-ewwel studju tat-tip tiegħu fid-dinja, fejn ser tiġi studjata l-popolazzjoni kollha, minn 16-il sena ’l fuq, li tgħix fuq gżira waħda.
L-Assocjazzjoni Maltija tad-Dermatoloġija u Veneoroloġija flimkien ma’ l-Universita’ ta’ Siena, l-Universita’ ta’ Melbourne u l-Ministeru għal Għawdex ser ikunu qed iwettqu eżercizzju intensiv ħafna minn Settembru 2004. Matul it-tliet snin li ġejjin, il-popolazzjoni kollha ta’ Għawdex li għandha minn 16-il sena ’l fuq ser tiġi msejħa sabiex tiġi evalwata l-ġilda tagħha u b’hekk każijiet ta’ melanoma jiġu mogħtija l-attenzjoni mistħoqqa fl-iqsar ħin possibbli. Eżercizzji simili twettqu fis-snin li għaddew fl-Italja u fl-Awstralja, iżda qatt ma kienu mifruxa fuq il-popolazzjoni kollha kemm hi.
Melanoma huwa tip ta’ kancer tal-ġilda li jista’ jkun fatali f’cirkustanzi differenti fosthom jekk jinfirex mal-ġilda. Għalkemm l-użu ta’ medicina kontra l-kancer jew radjoterapija jistgħu jkunu ta’ beneficcju f’każijiet li jiġu identifikati kmieni, il-probabbilita’ li każijiet avvanzati jiġu trattati b’success hija rari. Huwa għalhekk importanti ferm li jiġi ntużat kull mezz possibbli biex il-każijiet marbuta ma’ melanoma jiġu identifikati kmieni kemm jista’ jkun. Dijanjożi bl-użu tal-computer huwa l-iktar mezz efficjenti fil-preżent sabiex din tkun waħda bikrija u mill-iktar preciża (90%+).
F’Għawdex ser tiġi adottata din is-sistema ta’ dijanjożi bil-computer – sistema teknoloġika li ġiet ipperfezzjonata mill-Universita’ ta’ Siena fejn jintuża apparat li jiġbed immaġni ta’ tbajja fil-ġilda li jiġu komparati ma’ database vasta. Dan ifisser li b’sistema kompletament non-invasive jiġu ttestjati partijiet mill-ġilda u fi żmien qasir jingħata riżultat dwar jekk il-parti koncernata hix perikoluża jew le u jekk hux rakkomandat li jsiru iktar testijiet f’laboratorju, sabiex finalment jiġu evitati iktar kawżi ta’ mwiet. Esperti Taljani f’dan il-qasam ser jerġgħu jiġu Għawdex iktar tard din is-sena sabiex tibda l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, li ser isir b’konsultazzjoni sħiħa ma’ l-esperti lokali u dawk fi ħdan l-Universita’ ta’ Melbourne.
Il-Ministeru għal Għawdex qiegħed jikkollabora bis-sħiħ fit-twettieq ta’ dan il-proġett li huwa wieħed importanti ferm għall-qasam tas-saħħa fil-gżira, iżda wkoll għax-xjenza b’mod ġenerali. Fil-fatt, l-aspetti loġistici kollha ta’ dan l-istudju ser jiġu kordinati mill-Ministeru għal Għawdex, permezz ta’ l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, filwaqt li staff mediku u nurses ser jinvolvu ruħhom b’mod sħiħ sabiex dan il-proġett ikun wieħed success.
Il-Ministru Debono, filwaqt li awgurat lill-partijiet kollha koncernati sabiex dan il-proġett jagħti riżultati, li permezz tagħhom nistgħu nkomplu ntejbu l-qasam mediku f’pajjiżna, irringrazzjathom talli għażlu lil Għawdex bħala l-post fejn dan l-eżercizzju intensiv ser jitwettaq għall-ewwel darba, b’mod daqshekk mifrux. Hija qalet li hekk kif ġie propost dan il-proġett hija rrakkomandat li dan isir u b’hekk il-Ministeru għal Għawdex, permezz ta’ l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, ikun qiegħed joffri servizz ieħor ta’ kwalita’ b’riżq il-klijenti tiegħu.
Il-Ministru għal Għawdex saħqet li l-qasam tas-saħħa fil-gżira huwa wieħed mill-ogħla prijoritajiet tal-Ministeru tagħha. Matul dawn l-aħħar snin kienu diversi s-servizzi ġodda li ġew introdotti mill-Isptar kif ukoll il-facilitajiet li ttejbu jew ġew introdotti sabiex il-pazjenti f’Għawdex jieħdu l-aħjar kura possibbli. Hija qalet li ż-żieda ta’ servizz kompletament ġdid għall-gżejjer Maltin, bħal dan li ġie mniedi, huwa certament pass kbir ’il quddiem li jkompli jgħolli l-kwalita’ ta’ servizzi offruti minn Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex appellat sabiex l-Għawdxin ta’ iktar minn 16-il sena jikkollaboraw bis-sħiħ sabiex dan il-proġett, li hu għall-beneficcju tal-komunita’ sħiħa, ikun success. Il-Ministru Debono qalet li jeħtieġ li nitilqu mill-ħsieb li test mediku jfisser problemi. Għall-kuntrarju, qalet il-Ministru, testijiet bikrija jistgħu joffru soluzzjoni għal problemi ikbar.
Dr Joseph I. Pace, President ta’ l-Assocjazzjoni Maltija tad-Dermatoloġija u Veneoroloġija; il-Professur Lucio Andreassi u l-Professur Marco Burroni mill-Universita’ ta’ Siena ndirizzaw il-konferenza ta’ l-aħbarijiet u spjegaw, mil-lat tekniku, il-beneficcju ta’ dan il-proġett. Dr Anthony Livori, Supretendent Mediku ta’ l-Isptar Ġenerali t’Għawdex kif ukoll preżenti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261940
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Żjara fuq il-la...
PR261939