WIRJA DWAR STRUMENTI TAT-TORTURA
Siltiet minn diskors li l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech għamel meta inawgura wirja dwar strumenti tat-tortura li qed tittella’ fil-Palazz ta’ l-Inkwiżitur il-Birgu
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li l-wirja li kien se jinawgura kienet waħda li ġġiegħlek tieqaf u taħseb dwar l-istint kiefer tal-bniedem. Filwaqt li l-annimal joqtol biex jiekol u jgħix, il-bniedem jittortura u joqtol lil min ma jaqbilx miegħu taħt skuża ta’ reliġjon, politika jew anki għal “tindif etniku”.
Francis Zammit Dimech kompla jghid li din il-wirja, li qed iddur mad-dinja, qed tikseb interess qawwi mhux għaliex l-istrumenti li qed naraw huma xi ħaġa pjaċevoli li tara, iżda għaliex dawn qed juruna l-bniedem fiex jasal fil-kapaċita’ inventiva tiegħu u kif hu kapaċi juża l-intelett u moħħu biex jagħmel il-ħażen u l-ħsara.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li fil-Palazz ta’ l-Inkwiżitur hawn migbura aktar minn mitt strument tat-tortura li ntużaw fil-pajjiżi Ewropej miż-Żminijiet tan-Nofs sas-Seklu 19. Dawn l-istrumenti juru l-kapacita’ tal-bniedem bħala strument tal-qerda ta’ bnedim oħra. Huma strumenti li jmorru kontra d-dinjita’ tal-bniedem u d-drittijiet tal-bnedmin li jiddefendu ruhhom mingħajr ma jiġu sfurzati minn mezzi li huma ta’ għajb għal min ivvintahom u aktar għal min ħaddimhom.
Francis Zammit Dimech qal li l-poplu Malti jistmerr it-tortura u l-piena tal-mewt u għalhekk meta jara strumenti ta’ dan it-tip jipprotesta kontra dawk il-pajjiżi u reġimi li biex jilħqu l-iskopijiet tagħhom għadhom jipprattikaw it-tortura u għad għandhom fuq il-kotba tal-liġi tagħhom il-piena tal-mewt.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech kompla jghid li din il-wirja kienet qed issir taħt il-patroċinju ta’Amnesty International li hu l-watchdog fid-dinja kontra t-tortura u kontra min jikser id-drittijiet tal-bniedem. Hu qal li minkejja li f’Malta u fl-Ewropa t-tortura spiċċat, u l-piena tal-mewt tneħħiet, għad hawn diversi pajjiżi ma’ l-erbat irjieħ tad-dinja li għadhom jippratikkawha biex iżommu popli maħkuma għall-ideat politiċi u reliġjużi tagħhom. Hu qal li lil dawn il-pajjiżi nikkundannawhom mingħajr riservi.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li din il-wirja qed tittella’ b’inizjattiva ta’ Heritage Malta li twieldet biex tħares il-patrimonju artistiku, kulturali u storiku ta’ pajjiżna. Hu qal li dak li qed naraw f’din il-wirja hu arti tal-ħażen, kultura tal-qirda tal-bniedem u storja li seħħet tul żminijiet oħra f’Ewropa li wkoll għaddiet min żminijiet koroħ fejn min kien imexxi kien jemmen li biex iżomm il-popli siekta milli jesprimu fehmethom kien hemm bżonn il-biża’ u t-tortura.
Francis Zammit Dimech qal li min se jżur din il-wirja se jara wkoll ġojjel storiku li l-ġenerazzjoni tal-lum wirtet minn ġenerazzjonijiet oħra. Il-Palazz ta’ l-Inkwiżitur hu wieħed mill-ftit palazzi ta’ l-Inkwiżituri li għad baqa’ fl-Ewropa. Hu qal li grazzi għal interventi ta’ restawr u riabiltazzjoni li saru fuqu dan il-palazz reġa’ inġieb għall-istat tiegħu ta’ l-imgħoddi. Hu fakkar li kien ftit tal-ġimgħat ilu li inawgura r-restawr tal-faċċata ta’ dan il-palazz li seta’ jsir bl-appoġġ finanzjarju li tat l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li kien jemmen li l-bini storiku ta’ pajjiżna seta’ jkun utilizzat aħjar biex mhux biss il-poplu Malti u t-turisti jammiraw l-istorja ta’ pajjiżna iżda biex anke jinġabru l-fondi neċessarji ħalli jkompli jsir xogħol ta’ restawr u riabilitazzjoni.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura irringrazzja lil kull min ta sehmu biex din il-wirja setgħet tinġieb Malta u tibqa’ fostna għal sena sħiħa filwaqt li ħeġġeġ lill-poplu Malti biex iżurha bi ħġaru ħalli jkompli jifhem il-kruha tat-tkasbir tad-drittijiet tal-bniedem l-aktar meta dan ikun il-frott tat-tortura.
Stqarrijiet Oħra:
PR261940
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Żjara fuq il-la...
PR261939