“CLASSIC ROCK CONCERT” F’MANOEL ISLAND
Waqt li kien qed iniedi l-ewwel edizzjoni tal-Malta Classic Rock Concert li ser isir f’Monoel Island fil-31 ta’ Lulju u l-1` t’Awissu, 2004, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li s-sajf f’Malta hu karatterizzat minn diversi attivitajiet kulturali li qed isibu posthom fil-kalendarju ta’ attivitajiet, li qed jiġbdu lejhom sew lill-Maltin kif ukoll lit-turisti li jkunu qed iżuruna.
Hu qal li attivita’ oħra li mistennija tidħol fil-kalendarju mużikali hi l-“Classic Rock Concert” li se jkun mifrux fuq jumejn u se jittella’ f’Manoel Island fil-31 ta’ Lulju u l-1 ta’ Awissu li ġej. Dan se jkun kunċert ta’ mużika rock, l-aktar dik tas-snin sebghin u tmenin.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li d-dilettanti tal-mużika rock se jkollhom xalata billi f’dan il-kunċert se jipparteċipaw personaggi leġġendarji tal-mużika rock bħal Jethro Tull, Roger Hudgson ta’ Supertramp, Marillon Fish, Steve Hackett u l-band tiegħu. Ma’ dawn se jieħdu sehem ukoll żewġ bands lokali: Winter Moods u Beangrowers.
Il-Ministru għatr-Turiżmu u Kultura qal li l-għażla ta’ Manoel Island biex jittella’ dan il-kunċert tagħti lil dan l-avveniment sinifikat speċjali. Hu qal li l-post fejn se jsir hu parti mill-proġett ta’ Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne’, parti mill-Forti Manoel li qed tiġi restawrata bħala parti mill-proġett u parti mill-kuntratt bejn il-konsorzju MIDI u l-Gvern li indika liema bini storiku u fortifikazzjonijiet jridu jigu restawrati u riabilitati. Hu qal li l-pjazza f’Forti Manoel hi waħda li għandha tiġbed lejha diversi attivitajiet kulturali. Hu qal li hekk postijiet bħal dawn jiġu utilizzati u fl-istess waqt jkunu apprezzati sew mill-Maltin u l-barranin.
Francis Zammit Dimech qal li kien jemmen li kunċerti bħal dan, kif kienu l-kunċerti ta’ Eros Ramazzotti u Elton John, jagħtu lill- prodott turistiku li qed noffru dik il-qabża fil-kwalita’ li qed naħdmu biex ikollna. Hu qal li dawn il-kunċerti kienu jirrikjedu preparazzjoni u spirtu imprenditorjali. Francis Zammit Dimech qal li kien għalhekk li xtaq jirringrazzja lill-NnG Promotions, Where’s Everybody u l-Konsorzju MIDI li ngħaqdu flimkien biex l-Malta Classic Rock Concert seta’ jsir realta’.
Il-Ministru għat-Turżimu u Kultura qal li attivitajiet kulturali bħal dawn kienu uniċi għal pajjiżna għaliex setgħu jkunu organizzati f’bini storiku li diversi pajjiżi oħra ma kellhomx. Hu qal li dan kien jagħti valur miżjud lill-prodott Malti li nagħmlu tajjeb jekk nużawh b’mod għaqli.
Stqarrijiet Oħra:
PR261940
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Żjara fuq il-la...
PR261939