IL-MALTA STANDARDS AUTHORITY (MSA) TIPPREŻENTA LILL-MINISTRU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ R-RAPPORT DWAR IL-LIVELL TA’ L-ARJA F’RISTORANTI U BARS
Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, illum ġie ipprezentat bir-rapport li l-MSAġiet mitluba tagħmel dwar il-livelli aċċettabli ta’ kwalità fl-arja f’ristoranti u bars. Dan ir-rapport kien ikkumissjonat mill-Ministeru wara li l-GRTU waqt laqgħa mal-Ministru kienet esprimiet il-konvinzjoni tagħha li kien jeżisti apparat li jippurifika l-arja b’mod li din ma tkunx ta’dannu għal dawk li ma jpejpux u għall-ħaddiema li jaħdmu f’dawn l-istabilimenti.
Wara talba mill-GRTU il-Ministru kien ippospona b’sitt xhur ir-regolamenti dwar it-tipjip biex isir rapport tekniku mil-MSA dwar il-livelli ta’ l-arja u biex is-sidien tal-ħwienet ikollhom iċ-ċans li jikkonformaw ruħhom mar-regolamenti skond il- konklużjonijiet tar-rapport tekniku. Il-GRTU tagħat il-kelma li toqgħod għall-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport tekniku. Hija kienet mistiedna biex tieħu sehem f’dan il-kumitat u ħadet parti attiva.
Il-MSA ingħatat sa l-aħħar ta’ Ġunju biex tlesti dan ir-rapport tekniku. Fil-fatt din id-data inżammet u r-rapport ġie preżentat illum lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità fil-preżenza wkoll tad-Direttur Ġenerali tas-Saħħa Dr. Ray Busuttil. Il-Ministru irringrazzja lill-MSA tax-xogħol siewi u dettaljat li għamlet fi żmien hekk qasir u awgura li issa kulħadd joqgħod għall-kontenut tar-rapport li sar minn kumitat li dwaru kien hemm qbil bejn iż-żewġ naħat.
Iċ-Chairman tal-MSA l-Inġinier Francis Farrugia qal li l-kumitat tekniku ħadem bla heda tant li kien jiltaqa’ darba fil-ġimgħa biex ir-rapport jitlesta sad-data prevista. Hu xtaq ifakkar li fuq il-kumitat tekniku kien hemm rappreżentanza mill-Kamra tal-Kummerċ, Kamra ta’ l-Inġiniera, Kummssjoni għall-Persuni b’Diżabilità, Assoċjazzjoni tal-Konsumatur, Kunsill tal-Konsumatur, Malta Standards Authority, GRTU, Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa, MHRA, MAM, MEPA, Ministeru tas-Saħħa l-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Awtorita' ghas-Sahha u s-Sigurta' fuq il-post tax-Xoghol, Kumitat dwar is-Saħħa u t-Tabakk, Università ta’ Malta u l-Pulizija. Rappreżentanza hekk wiesa u kwalifikata hi assigurazzjoni għas-serjetà li bih sar dan ir-rapport.
Wieħed jista jikseb kopja ta’ dan ir-rapport mingħand l-Awtorità Maltija dwar l-Istandards.
Other Press Releases:
PR261940
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Żjara fuq il-la...
PR261939