APPOĠĠ MILL-GVERN LILL-KERYGM
Il-Ministru Louis Galea iltaqa` ma’ Fr Charles Fenech, Direttur tal-Moviment Kerygma u f’isem il-Gvern ippreżenta ċekk għall-ammont ta’ LM3000 bħala appoġġ għall-Maratona ta’ 242 siegħa ta’ logħob tal-volleyball li tagħmel parti mill-kampanja Solidarjetà bl-Isport. F’din id-19-il edizzjoni ta’ din il-Maratona se jieħdu sehem madwar 1,500 żagħżugħ u żagħżugħa u l-fondi miġbura se jingħataw lid-Dar tal-Providenza u lill-Creche ta’ l-Ursolini f’G’Mangia u Lourdes Home f’Għajnsielem.
Waqt il-preżentazzjoni l-Ministru Galea apprezza l-ġid kbir li qed twettaq il-Kerygma fis-soċjeta` Maltija. “Bħala Ministru responsabbli għall-politika għaz-żgħażagh u l-isport ma nistax ma nieħux sehem b’entużjażmu f’din il-maratona li tinseġ sensiela ta’ valuri mill-isbaħ għaċ-ċittadini tagħna, speċjalment iż-żgħażagħ. Flimkien mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u ma’ l-għaqdiet taż-zgħażagħ inħoss li hu importanti li nagħmlu analiżi dwar il-fenomenu tar-relattiviżmu fis-soċjeta` tagħna. Sa ftit snin ilu s-soċjeta` tagħna kienet aktar ċara f’moħħha u ċerta mill-boxxla tal-valuri li iggwidawna fl-iżvilupp kulturali, soċjali, u ekonomiku tagħna. Ir-rivoluzzjoni tal-komunikazzjoni u l-informatika laqtet lill-poplu tagħna b’għaġġla ħafna akbar milli laqtuh ir-rivoluzzjonijiet ta’ qabel.”
Louis Galea fisser li ħadd mhu iblaħ tant li jaħseb li jista` b’xi mod ireġġa` l-arloġġ lura. Anzi kien il-Gvern inniffsu li fis-snin li ilu jamministra introduċa programmi u liġijiet li immodernizzaw il-pajjiż u ħoloq xibka l-aktar moderna ta’ teknoloġija ta’ komunikazzjoni u ta’ informatika. “Il-Gvern ħaddem politika li irrikonoxxiet u saħħet valuri li qabel ftit li xejn kienu stmati bħalma huma l-valuri ta’ l-ugwaljanza tal-mara mar-raġel u dak tal-pluraliżmu fil-mezzi tal-komunikazzjoni. B’hekk il-poplu tagħna beda jieħu sehem sħiħ fid-dinja globalizzata bil-vantaġġi u l-izvantaġġi li din iġġib magħha.”
Louis Galea qal li l-Moviment Kerygma hu f’qagħda ideali biex b’mod ċar u li jiġbed, iħarreġ liż-żgħażagħ japprezzaw it-tħeddida tar-relattiviżmu għas-saħħa tagħhom fiżika, mentali u morali. “Ir-relattiviżmu jfisser li fit-taqbida kontinwa bejn is-sewwa u l-ħazin, ma nibqgħux niġu iggwidati mill-valuri fondamentali iżda minn dak li wieħed jaħseb li jista` jaqbillu fil-mument.” Louis Galea temm jgħid li l-Gvern hu determinat li jkompli jissieħeb ma’ kull min fil-pajjiż irid jaħdem għall-ġid komuni fis-sens sħiħ tal-kelma. Huwa awgura suċċess lill-maratona u appella biex il-Maltin u l-Għawdxin jieħdu sehem b’ġenerożita` fl-aqwa attività nazzjonali fis-sajf.
Other Press Releases:
PR261940
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Żjara fuq il-la...
PR261939