REGOLAMENTI LI JIRRIFLETTU L-ĦTIĠIET TAL-LUM
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, l-Onor. Francis Zammit Dimech illum nieda regolamenti godda - ‘Malta Travel and Tourism Services Act (Cap. 409) – Catering Establishments Regulations, 2004’.
Dr. Zammit Dimech qal li kienet ilha tinħass il-ħtieġa li r-regolamenti dwar l-istabbilimenti ta’ l-ikel jiġu emendati minħabba li dawk li għandna attwalment, l-aħħar darba li kienu emendati kien aktar minn 12-il sena ilu, fl-1991. Hu qal li r-regolamenti l-ġodda issa jirriflettu l-ħtiġiet ta’ l-industrja turistika llum u kienu se jieħdu post dawk li kien hemm taħt il-Hotels and Catering Establishments Act.
Francis Zammit Dimech qal li llum kien hemm liċenzjati f’Malta 2,964 stabbiliment tal-catering li minnhom
o 623 huma ristoranti,
o 373 snack bars jew take aways,
o 1,906 bars,
o 19 kiosks fissi,
o 43 mobile kiosks fuq sit fiss.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dawn ir-regolamenti kienu jkopru l-isferi kollha ta’ l-operazzjoni ta’ l-istabbilimenti ta’ l-ikel u kienu jinkludu diversi ħtiġiet speċifiċi ta’ standards għal liċenzjar u klassifikazzjoni ta’ l-istabbilimenti tal-catering. Hu qal li dawn ir-regolamenti se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2005 biex hekk, l-operaturi ikollhom l-opportunita’ biex huma stess iħarsu lejn l-operazzjonijiet tagħhom u jwettqu t-titjib meħtieġ biex jikkwalifikaw għall-għażla tagħhom ta’ klassifika. Fl-istess waqt ukoll, tnejn minn dawk li jagħtu servizz lit-turisti (tourism service providers),bl-għajnuna tad-Direttorat ta’ l-Infurzar, se jagħmlu żjarat fi stabbilimenti ta’ l-ikel bl-iskop li jingħataw il-kategoriji u l-klassifikazzjonijiet xierqa.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li kien hemm differenza kbira bejn ir-regolamenti l-qodma u r-regolamenti l-ġodda. Hu qal li r-regolamenti l-ġodda huma ppreżentati fi stil li tista’ issegwi faċilment biex ikun jista’ jintuża għal skopijiet ta’ “self assessment” mill-operaturi. Dawn huma aktar dettaljati u jkopru l-areas kollha ta’ struttura u operazzjoni ta’ l-istabbilimenti ta’ l-ikel. Hu qal li r-regolamenti għall-ewwel darba jkopru areas bħal “range of products”, servizz, toilets għall-parruċċani, staff u “fire safety”. Ser ikun hemm ukoll għall-ewwel darba regolamenti speċifiċi għal bars, kiosks u discos/nightclubs li ma kenux jeżistu qabel.
Francis Zammit Dimech qal li wħud mill-ħtiġiet tar-regolamenti l-ġodda kienu dwar spazju minimu għal kull persuna li tkun bil-qiegħda, introduzzjoni ta’ inħawi fejn ma jistax isir tipjip, dwar il-ġarr tal-merkanzija li jrid isir b’tali mod li ma jiddisturbax il-klijenti, induction service għall-istaff f’ristoranti ta’ l-Ewwel u t-Tieni Klassi, Snack Bars u Bars ta’ l-Ewwel Klassi u taħriġ fuq bażi regolari ta’ staff fl-istess kategoriji ta’ ristoranti, snack bars u bars, regolamenti dwar toilets għall-parruċċani maħsuba biex jgħollu l-livell ta’ dan is-servizz u regolamenti ġodda dwar sigurta’ min-nar.
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura rringrazzja lid-Direttorat għall-Ippjanar u l-Iżvilupp li f’isem l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu ħadmu biex setgħu ġew abbozzati dawn ir-regolamenti wara konsultazzjoni wiesgħa ma’ rappreżentanti tas-settur ta’ l-istabbilimenti ta’ l-ikel li taw ukoll l-opinjonijiet tagħhom dwarhom meta kienu qed jiġu abbozzati. Hu qal li b’servizz aħjar f’kull settur inkunu nistgħu ngħollu l-livell tal-prodott fl-interess tas-settur turistiku kollu, sew fost l-operaturi turistiċi kif ukoll fl-interess tal-poplu Malti u t-turisti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261940
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Żjara fuq il-la...
PR261939