DISKORS TAL-PRIM MINISTRU L-ONOR. LAWRENCE GONZI, FIL-FTUĦ TAS-SEBGĦA U ERBGĦIN EDIZZJONI TAL-FIERA INTERNAZZJONALI TA’ MALTA – IT-TNEJN 28 TA’ GUNJU 2004
Sur President
Sinjuri
Huwa ta’ pjaċir għalija li niftaħ dan l-akbar avveniment kummerċjali fil-kalendarju Malti. Għal sena wara oħra – fil-fatt għas-seba’ u erbgħin darba – il-Fiera Internazzjonali ta’ Malta serviet bħala vetrina ta’ prodotti u servizzi varji offruti minn esibituri lokali u barranin biex jiġu esposti għal l-għażla tal-konsumaturi u tal-viżitaturi li jżuruha.
Il-Fiera Internazzjonali ta’ Malta dejjem qajjmet interess kemm mal-konsumatur kif wkoll man-negozjanti ta’ pajjiżna. Hija wkoll kejl tal-polz tal-konsumatur u l-kunfidenza li l-konsumatur għandu fis-suq lokali. Ninnota li matul dawn l-aħħar snin, il-Fiera qed tiġġenera wkoll interess favur l-investiment privat f’forma ta’ poloz ta’ assikurazzjoni u skemi ta’ self bankarji.
Naturalment is-sucċess jiddependi mhux biss fuq l-aspettattivi tal-bejjiegħa u n-negozjanti imma fuq il-konsum attwali fil-forma ta’ nfiq. L-infiq mill-konsumatur jagħti indikazzjoni ċara ta’ kemm r-rota ta’ l-ekonomija tagħna qiegħda ddur.
B’sodisfazzjon nghid li l-aħħar indikaturi ekonomiċi li ghandna juru certu ottimiżmu fl-andament ta’ l-ekonomija. Id-dhul tal-Gvern s’issa huwa fil-linja li konna ippjanajna, in-numru ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol baqa nieżel b’mod konsistenti u l-infiq fil-konsum żamm il-livelli mistennija. Jidher li bil-mod il-mod qed naqbdu r-rotta li tfisser li, jekk noqgħodu attenti u nkomplu noħolqu ambjent ekonomiku favorevoli, nistgħu ma ndumux ma’ nesperjenzaw aktar titjib fil-kwalita’ tal-ħajja ta’ kulħadd.
Hemm hafna raġunijiet ghaliex qed nirreġistraw dan il-progress. Il-Gvern ma qagħdx lura milli jieħu dawk id-deċiżjonijiet li kien hemm bżonn biex nindirizzaw u nikkontrollaw in-nefqa pubblika. Naturalment hemm ħafna iżjed x’isir imma dak li sar s’issa jidher li qiegħed iħalli riżultati pożittivi.
Żgur ukoll li l-inċertezza li għexna matul is-sena li għaddiet sakemm tlesta l-proċess demokratiku, illum spiċċat għal kollox.
L-istess wieħed jista jgħid dwar ċertu beżgħat li setgħu eżistew minħabba l-impatt tas-sħubija b’effett mill-1 ta’ Mejju ta’ din is-sena. Jidher ċar li mhux biss qiegħdin naddattaw rwieħna sew għal din ir-realta l-ġdida, imma nista ngħid li diġa bdejna inħossu d-differenza pożittiva li ġabet magħha s-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea. Fissret ftuħ ġdid għan-negozji tagħna, fissret għażliet akbar u orħos għall-konsumaturi, fissret aċċess mingħajr xkiel għax-xogħol u għas-swieq ta’ pajjiżi oħra membri.
Irrid ngħid ukoll li f’dawn l-ewwel ftit ġimgħat, il-konsumatur Malti esperimenta b’ghażliet ta’ prodotti ġodda li sabu ruħhom fis-suq tagħna, imma fil-bicca l-kbira, irrealizza li l-prodott Malti hu prodott li jikkompeti tajjeb kemm fil-kwalita’ kif ukoll fil-prezz. Dan hu ta’ sodisfazzjon u inħeġġeġ lill-produtturi lokali biex ikomplu jinvestu fit-titjib tal-prodott tagħhom għaliex hekk ikunu jistgħu jkomplu jikkompetu b’suċċess.
Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea gabet magħha wkoll bidla fil-mod ta’ kif investituri jħarsu lejn pajjiżna. Il-fatt li llum Malta tifforma parti ntegrali minn blokk ekonomiku b’saħħtu tkabbar il-kredibilita’ ta pajjizna filwaqt li toffri bażi soda għal kull min irid jinvesti f’termini ta’ kwalita’ ta’ produzzjoni, standards u liġijiet. Dan jidher li qed iħalli effett pożittiv anki jekk wieħed biss biss jara l-ammont sostanzjali ta’ kuntatti li qed isiru minn investituri barranin mal-Malta Enterprise .
Ma’ rridux ninsew wkoll lill-investitur Malti. Matul dawn l-aħħar ġimgħat kelli l-opportunita’ li niltaqa’ ma numru ta’ negozjanti u għaqdiet ta’ min iħaddem li kollha esprimew l-interess tagħhom favur investiment kontinwu f’Malta. Kulħadd seta jsegwi fil-media numru ta’ proġetti ta’ tkabbir u nvestiment minn kumpaniji Maltin, investimenti li jlaħħqu Miljuni ta’ liri u joholqu postijiet tax-xogħol ġodda.
Ippermettuli nigbed l-attenzjoni madankollu, li l-aqwa u l-akbar investiment li jista’ jsir, huwa dak fir-riżorsi umani. Il-fatt li l-ekonomija tagħna qiegħda dejjem aktar tibbaża ruħha fuq l-industrija tas-servizzi, kif jidher biċ-ċar mit-tkabbir li kellu jsir f’din il-fiera f’dan il-qasam, tfisser li hemm bżonn ta’ aktar ħaddiema mħarrġa fuq livell professjonali sabiex joffru servizzi ta’ l-ogħla kwalita’ u għas-sodisfazzjon tal-klijient, kemm jekk dan huwa konsumatur kif ukoll jekk huwa investitur lokali jew barrani.
Sinjuri,
Is-sebgħa u erbgħin edizzjoni tal-Fiera Internazzjonali ta’ Malta għandha sinifikat importanti f’dan is-sens. Hija Fiera li ser tkun il-vetrina tal-kompetittivita’ fis-suq.
Il-kompetittivita’ mhix sempliċiment prezzijiet irħas, imma hija strateġija li twassalna sabiex nipproduċu aktar b’anqas, filwaqt li nkomplu ngħollu l-kwalita’ tal-prodotti u s-servizzi tagħna. Il-konsumatur Malti jaf jiżen sew l-għażliet tiegħu u ninsab ċert li bħalma sar fis-snin l-imgħoddija, din is-sena ser tkun karatterizzata minn attivita’ kummerċjali sinifikanti li fl-aħħar mill-aħħar tiġġenera l-ġid lil kulħadd.
Nixtieq nieħu l-opportunita’ sabiex nirringrazzja lill-Kunsill u l-President, s-Sur Ian Mizzi, li kull sena jassiguraw li jitjiebu s-servizzi u jkabbru l-ammont ta’ esebituri sabiex l-esperjenza tal-konsumatur tkun waħda pjaċevoli, filwaqt li l-esebituri jkollhom faċilitajiet aħjar għan-negozju tagħhom. Nifhem li l-Korporazzjoni ser ikollha tintensifika l-impenn tagħha matul is-snin li ġejjin, madakollu ninsab ċert li ser tegħleb kull diffikulta’ b’suċċess bħalma għamlet fis-snin l-imgħoddija.
Għaldaqstant, niddikjara s-sebgħa u erbgħin edizzjoni tal-Fiera Internazzjonali ta’ Malta miftuħa.
Lawrence Gonzi
Prim Ministru
Other Press Releases:
PR261940
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Żjara fuq il-la...
PR261939