DISKORS MILL-ONOR. CENSU GALEA, MINISTRU GHALL-KOMPETITTIVITA’ U L-KOMUNIKAZZJONI, WAQT SEMINAR FUQ IC-CHARTER EWROPEW GĦAN-NEGOZJI Ż-ŻGĦAR – SAN GILJAN – 25 TA’ GUNJU 2004
Bħala Ministru għall-Kompettitivita’ u Komunikazzjoni huwa ta’ pjaċir għalija li qiegħed nindirizza dan is-seminar li ser jittratta dwar il-ħolqien ta’ ambjent aħjar għall-benefiċċju ta’ l-intrapriżi ż-żgħar f’Malta, issa li qeghdin jikkompetu fis-suq intern ta’ l- Unjoni Ewropeja.
Hija l-politika ta’ dan il-Gvern kif ukoll ta’ l-Unjoni Ewropeja inġenerali li jippromwovu l-operat tan-negozji ż-żgħar. Kien għalhekk li l-Unjoni Ewropeja ppublikat charter għal intrappriżi ż-żgħar. Nixtieq nenfasizza li dan ic-charter għandu s-support kollu tal-Gvern Malti li qiegħed jaħdem fi ħdan l-Unjoni Ewropeja biex dan is-settur li huwa importanti ħafna għal pajjiżna jkompli jissaħaħ. Il-Gvern huwa mpenjat illi jkompli jinkoraġixxi u jgħin lil l-intrapriżi b’kull mod possibbli għaliex hija l-fehma tagħna illi b’dan il-mod jistgħu jinħolqu impiegi ġodda u tiżdied il-kompetittivita’ li twassal għat-tkabbir ekonomiku. Kif qed jiġi diskuss f’dan ir-rapport imħejji mill-membri ta’ l-Unjoni Ewropeja; l-edukazzjoni u t-taħriġ huma għodda ewlenija biex dan is-settur jkompli jissaħħaħ. Huwa mportanti illi ċ-ċittadini tagħna ikollhom għarfien tajjeb tal-kapaċitajiet meħtieġa biex wieħed jikkompeti u jkollu suċċess fil-ħajja tan-negozju.
Hemm ħafna setturi fejn l-ispirtu imprenditorjali għandu lok fejn jikber. Jiena nemmen li partikolarment f’Malta n-nisa għandhom ikunu involuti iżjed fil-ħajja imprenditorjali. Diġa’ rajna kif dan il-Gvern ta prova konkreta ta’ kemm jemmen fir-rwol tan-nisa f’kull qasam. Ħafna drabi issib li wieħed ikollu idejat tajbin ta’ negozju pero’ ma jkollux biżzejjed fondi biex jibda l-entrapriża tiegħu. Dan il-Ministeru għalhekk ser janalizza l-aħjar modi sabiex wieħed ikollu suċċess meta jibda xi negozju ġdid. Din l-inizjattiva timxi id f’id ma l-hekk imsejħa Aġenda ta’ Lisbona fejn ġie rrakomandat li kull pajjiż jistabilixxi l-aħjar triq skond iċ-ċirkostanzi ta’ dak il-pajjiż sabiex imbagħad ikun jista jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-imprendituri.
Kif diġa’ ntqal it-tnaqqis tal-burokrazija hija waħda mill-prijoritajiet tal-Gvern biex jiffaċilita’ l-istart up. Għalhekk il-Ministeru għaddej b’diskussjonijiet ma’ diversi entitajiet biex jinħoloq one stop shopgħal min jixtieq jiftaħ negozju ġdid u b’hekk inkunu qed naċċertaw li l-proċeduri li jkunu neċessarji u bżonnjużi biex wieħed jiftaħ negozju ġdid jaqdu l-funzjoni tagħhom mingħajr ma jaqtghu qalb l-imprenditur.
L-Unjoni Ewropeja tagħti mportanza kbira lir-riżorsi umani fit-tkabbir ekonomiku. Kif nafu, f’pajjiż bħal Malta , li hija nieqsa mir-riżorsi naturali; li iżda tiftaħar bir-raġun, bir-riżors uman tagħha, dan l-element għandu mportanza akbar għat-tkabbir fl-ekonomija tagħna. Illum qed titpoġġa enfasi kbira fuq soċjeta’ ibbażata fuq l-għarfien u l-informazzjoni. F’dan ir-rigward ġie mniedi pjan ambizzjuż ta’ taħriġ li jisħaq fost l-oħrajn fuq l-opportunitajiet kbar li qed jinħolqu permezz tat-teknoloġja ta’l-informatika. Is-settur ta’ l- e-business u s-servizzi on line għandhom potenzjal kbir ħafna li għad iridu jiġu sfruttati aktar min-negozji ż-żgħar ta’ pajjiżna. In-negozjanti għandhom ikunu familjari mat-teknoloġiji l-ġodda u l-mod ta’ kif dawn qed jgħinu negozji żgħar biex joffru is-servizzi tagħhom mhux biss mill-post fejn fiżikament joperaw imma jilħqu firxa akbar ta’ konsumaturi.
Il-Gvern ilu li għaraf l-importanza li l-pajjiż ikollu qafas tat-telekomunikazzji effiċjenti, modern u liberaliżżat biex iwassal għal aktar tkabbir ekonomiku. Statistiċi ppublikati dan l-aħħar juru illi Maltaqiegħda fuq quddiem fl-użu ta’ l-informatika f’kull qasam tal-ħajja meta mqabbla mal-kumplament tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropeja. Jien ċert li ħafna imprendituri Maltin jagħmlu użu mill-internet biex ifittxu businesspartners u prodotti ġodda. L-enfasi allura għandha tkun illi n-negozjant Malti mhux biss juża l-internet biex ifittex informazzjoni imma li jibda joffri servizzi u nformazzjoni hu stess u n-negozjanti u l-konsumaturi minn madwar id-dinja jkunu jistgħu jagħmlu kuntatt miegħu għal għanijiet ta’ kummerċ.
Element ieħor li għandu jingħata mportanza biex jinkoraġixxi l-innovazzjoni fl-entrapriżi ż-żgħar hija l-protezzjoni tal-propjeta’ industrijali u ntellettwali. Ta’ min igħid li s’issa m’hawnx biżżejjed għarfien mill-impredituri fuq dan is-suġġett. Hu għalhekk li l-Ministeru għall-Kompettitivita’ u Komunikazzjoni organiżża numru ta’ attivitajiet biex iqajjem aktar għarfien dwar din il-materja. Fil-fatt ftit tal-ġimgħat ilu l-Ministeru ippreżenta CD-roms lill-FOI, GRTU, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Gozo Business Chamberb’CD roms informattivi intitolati intellectual property for small and medium size enterprises. Huwa mportantili min jinvesti biex ikun aktar kompettitiv u joħloq jew jivvinta xi ħaġa oriġinali ikun jista’ jgawdi l-frott ta’ l-isforz li jkun għamel.
L-uffiċċju għall-proprjeta’ intellettwali fid-Diviżjoni tal-Kummerċ għamel avvanzi kbar fil-qasam tal-propjeta` intellettwali. Sar xogħol estensiv biex il-liġijiet li jittrattaw dwar il-propjeta` ntellettwali, cioeil-liġi tat-trademarks, dik tal-patents kif ukoll dik tal-copyright jiġu aġġornati b’regolamenti ġodda li jkunu wkoll josservaw l-obligazzjonijiet tagħna taħt it-trattati tal-World Intellectual Property Organisation. Dan l-uffiċċju ħadem biex ikun hemm aktar għarfien tal-propjeta` ntellettwali mhux biss biex l-industrijalisti u l-imprendituri Maltin isiru jafu li jistgħu jipproteġu d-drittijiet intellettwali tagħhom, imma biex ukoll jissaħħaħ il-kuncett tal-bżonn tar-rispett għad-drittijiet intellettawli ta’ ħaddieħor.
Nixtieq nagħlaq dan id-diskors billi nisħaq dwar il-bżonn li l-pajjiż jagħmel sforz kollettiv biex jkun aktar kompetittiv. Jidher li issa kulħadd qed jifhem li biex niffaċċjaw il-kompetizzjoni dejjem tiżdied f’dinja dejjem aktar globalizzata, il-pajjiż ma jistax jingħalaq fiħ innifsu biex jaħseb li jista` jwaqqaf il-kompetizzjoni li tiġi minn prodotti u servizzi li ġejjin minn barra, iżda jeħtieg li nwarrbu dawk il-prattici li jxekklu lin-negozji Maltin milli joffru servizzi u prodotti ta’ kwalita` bi prezz tajjeb.
Other Press Releases:
PR261940
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Żjara fuq il-la...
PR261939