MALTA TIEĦU SEHEM FIR-RABA’ KONFERENZA MINISTERJALI DWAR L-AMBJENT U S-SAĦĦA F’BUDAPEST
Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor. Dr. Louis Deguara mexxa delegazzjoni tal-Gvern Malti fir-Raba’ Konferenza Ministerjali “L-Ambjent u s-Saħħa – il-futur ta’ uliedna” (“Environment and Health – the future of our children”) li qegħda issir bejn it-23 u l-25 ta’ Ġunju fil-belt kapitali Ungeriża Budapest.
Din il-konferenza hija organizzata mill-uffiċċju reġjonali ta’ l-Ewropa fi ħdan l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. Id-delegazzjoni Maltija hija komposta mill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, Dr. Ray Busuttil - Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tas-Saħħa, Dr. Karen Vincenti u s-Sur Godwin Cassar mill-Ministeru ta’ l-Ambjent u Affarijiet Rurali.
Għal din il-konferenza qegħdin jattendu l-ministri tas-saħħa u ta’ l-ambjent, esperti u għaqdiet non-governattivi minn 52 pajjiz fl-Ewropa. L-għan prinċipali hu biex flimkien jistudjaw u jevalwaw l-evidenza ta’ ħsara kkawżata lit-tfal minħabba theddid ambjentali u flimkien jiddibattu u jifthemu fuq pjan ta’ azzjoni bi prijoritajiet speċifiċi. Rapport li ġie pubblikat fil-konferenza jirrivela l-konnessjoni bejn l-arja kontaminata u l-imwiet fit-tfal u l-mard respiratorju fit-tfal u l-adolexxenti.
Il-konferenza se tistudja ukoll is-sitwazzjoni u tirrevedi l-progress li sar mill-ewwel Konferenza Ministerjali Ewropea fuq l-ambjent u s-saħħa li kienet saret fi Frankfurt fl-1989. Se jsir ukoll sforz biex tiġi żviluppata għodda li biha titfassal politika li tipproponi proposta għall-żvilupp ta’ sistema li tkopri l-pajjiżi kollha fl-Ewropa biex tinġabar u titqassam informazzjoni bejn il-pajjiżi kollha Ewropej.
Id-delegazzjoni Maltija ħadet sehem attiv f’din il-konferenza. Il-Ministru Deguara kien wieħed mill-kelliema ewlenin, mexxa waħda mill-għaxar sessjonijiet plenarji u indirizza l-istampa wara s-sessjoni plenarja. Malta ħadet sehem flimkien ma’ l-Awstrija, Franza, l-Olanda, l-Isvezja u l-Isvizzera fuq proġett “Transport related health effects in particular on children – towards an integrated assessment of their cost and benefits”. Il-workshop finali ta’ dan il-proġett konġunt kien inzamm f’Malta fi Frar li għadda bil-parteċipazzjoni tas-sitt pajjiżi. Dan il-proġett se jagħti kontribut siewi fil-pjan ta’ azzjoni CEHAPE (Children’s Environment and Health Action Plan) li se joħroġ mill-konferenza ministerjali.
Dan il-proġett għandu jwassal biex f’Malta jitfassal pjan nazzjonali dwar l-ambjent u s-saħħa li jkun jinkorpora fih in-National Child and Environment Action Plan.
Bi preparazzjoni għal din il-konferenza ministerjali, Malta f’Marzu li għadda kienet organizzat konferenza fejn esperti minn bosta pajjiżi fl-Ewropa kienu ddiskutew u ppreparaw dokument finali u pjan ta’ azzjoni li qegħdin jiġu diskussi u se jkunu addottati mill-pajjiżi kollha li qed jieħdu sehem fil-konferenza f’Budapest.
Għalkemm l-iżgħar fost il-pajjiżi parteċipanti Malta tat kontribut intensiv għal din il-konferenza kemm waqt il-preparazzjoni tagħha kif ukoll fil-konferenza innifisha. Bosta pajjiżi ammiraw lir-rwol ta’ Maltali għal darb’ oħra uriet li kapaċi tagħti kontribut xejn anqas minn dak ta’ pajjiżi oħra ferm akbar minnha.
Other Press Releases:
PR261940
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Żjara fuq il-la...
PR261939