STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Fondi Ewropej mill-programm Erasmus+ biex jissaħħaħ l-iżvilupp professjonali tal-edukaturi
Investiment ta’ €60,000 mill-programm Erasmus+ qed jappoġġja proġett immexxi mill-Iskola St Francis ta’ Birkirkara biex isaħħaħ l-iżvilupp professjonali tal-edukaturi u joħloq riżorsi edukattivi li jistgħu jintużaw lil hinn mill-iskejjel parteċipanti.
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti indirizza attività dwar il-proġett Online Professional Development Modules, li jgħaqqad istituzzjonijiet edukattivi minn Malta, is-Slovenja u s-Slovakkja. Din is-sħubija tagħti lill-edukaturi opportunitajiet biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, josservaw metodi differenti ta’ tagħlim u jiżviluppaw prattiċi ġodda għall-benefiċċju tal-istudenti.
Il-proġett jiffoka fuq il-kurrikulu emerġenti, fejn it-tagħlim jiżviluppa skont l-interessi u l-ħtiġijiet tat-tfal. Dan isir permezz ta’ esperjenzi ta’ tagħlim barra minn Malta, osservazzjoni tax-xogħol ta’ edukaturi oħra, skambju ta’ prattiċi tajbin u l-involviment tal-ġenituri fil-proċess edukattiv.
Fost ir-riżorsi previsti hemm mill-inqas 15-il filmat għall-iżvilupp professjonali tal-edukaturi, ħames filmati għall-ġenituri, kors online u komunità ta’ tagħlim professjonali. Dawn għandhom jgħinu biex l-għarfien miksub jinqasam ma’ aktar edukaturi u familji, u jibqa’ jintuża anke wara li jintemm il-proġett.
Il-Ministru Azzopardi Tanti saħaq kif il-fondi Ewropej qed ikollhom valur ukoll fis-settur tal-edukazzjoni. “Meta edukatur iżur skola Ewropea u jirritorna b’ideat ġodda, il-valur ta’ dik l-esperjenza jidher f’dak li jinbidel fil-klassi u fil-benefiċċji għall-istudenti. Irridu li l-għarfien miksub minn dawn l-opportunitajiet jinqasam u jasal għand aktar skejjel,” qal il-Ministru.
Il-ħidma bejn l-istituzzjonijiet tat-tliet pajjiżi toffri wkoll spazju għal tagħlim reċiproku, fejn l-esperjenza Maltija tikkontribwixxi għad-diskussjoni flimkien mal-għarfien tal-imsieħba Ewropej, biex flimkien ikomplu jiżviluppaw l-għodod meħtieġa għat-tagħlim.
Il-Ministru ħeġġeġ aktar skejjel u edukaturi biex jieħdu sehem fi programmi Ewropej u jibnu sħubijiet internazzjonali. Irrikonoxxa wkoll il-ħidma tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programmi fl-appoġġ tagħha għall-programm Erasmus+ f’Malta, filwaqt li rringrazzja lill-iskejjel, lill-imsieħba, lill-edukaturi u lill-ġenituri involuti.
Il-Kap tal-Iskola, Daniela Demicoli, qalet li ħames skejjel, tlieta minn Malta, jiġifieri l-Iskola St Francis ta’ Birkirkara bħala koordinatriċi tal-proġett, il-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl fir-Rabat u l-Iskola Primarja tal-Konservatorju tal-Isqof fir-Rabat, Għawdex, flimkien ma’ skola mis-Slovenja u oħra mis-Slovakkja, ingħaqdu biex jiżviluppaw sett ta’ moduli online bħala parti minn proġett Erasmus+.
“Dawn l-online modules jiffokaw fuq l-edukazzjoni fit-tfulija bikrija. Kull skola msieħba għażlet tliet oqsma rilevanti għall-edukazzjoni f’dawn is-snin u ħejjiet filmat għal kull qasam li jispjega kunċetti prattiċi. Kull modulu jibda b’test preliminari biex wieħed jevalwa l-għarfien tiegħu dwar suġġett partikolari, segwit minn filmat u test finali biex ikun jista’ jkejjel il-progress tiegħu f’dak il-qasam. Dawn il-moduli ttellgħu fuq ambjent virtwali tat-tagħlim u se jkunu disponibbli għall-edukaturi u l-ġenituri kollha, bil-għan li l-ġenituri jitħeġġu jużaw l-istess prattiki tajbin li jużaw l-għalliema fil-klassijiet tagħhom,” temmet tgħid is-Sa Demicoli.
Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, l-esperjenzi individwali tal-edukaturi jistgħu jsiru riżorsa komuni għall-komunità edukattiva. Il-qsim ta’ metodi u materjal ta’ tagħlim joħloq opportunitajiet biex aktar skejjel jibbenefikaw mill-proġett, isaħħu l-appoġġ lill-edukaturi u joffru esperjenzi ta’ tagħlim li jirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet differenti tat-tfal.
Other Press Releases:
PR261925EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR261924