STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “Is-suċċess tas-saħħa pubblika jitkejjel ukoll minn dak li jirnexxilna nevitaw” – Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg
Waqt il-Public Health Forum 2026, imtella’ mill-Malta Association of Public Health Medicine (MAPHM), id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg irringrazzja lill-ispeċjalisti fis-saħħa pubblika u lill-professjonisti li jaħdmu magħhom għall-ħidma li jwettqu kuljum biex iħarsu s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.
“Matul dan il-forum ridt inwassal il-messaġġ li l-ħidma ta’ dawn il-professjonisti napprezzawha s-sena kollha. Fi żmien il-pandemija kulħadd seta’ jara kemm hi essenzjali din il-ħidma. Fil-ħajja ta’ kuljum, is-suċċess tas-saħħa pubblika jitkejjel ukoll minn dak li jirnexxilna nevitaw permezz tal-informazzjoni u l-prevenzjoni. Dan narawh meta żagħżugħ jagħżel li ma jibdiex drawwiet ħżiena għal saħħtu jew meta t-timijiet tagħna jidentifikaw marda u jwaqqfuha milli tinfirex. Irringrazzjajthom tal-ħafna xogħol li jagħmlu, ħafna drabi bla ma jidher,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Il-forum, bit-tema The New Mosaic: Health and Wellbeing in a Changing Malta, laqqa’ flimkien professjonisti tas-saħħa, riċerkaturi u rappreżentanti tal-komunità biex jiddiskutu kif qed jinbidlu l-ħtiġijiet tas-saħħa f’Malta hekk kif in-nies qed jgħixu aktar fit-tul u l-komunitajiet tagħna qed isiru aktar diversi.
Dr Borg spjega li l-informazzjoni dwar is-saħħa trid tasal għand in-nies b’lingwa li tinftiehem u b’mod li jgħinhom jieħdu deċiżjonijiet fil-ħajja ta’ kuljum. Dan jgħodd ukoll għall-programmi ta’ skrinjar u tilqim. Biex dawn jilħqu lil dawk li għandhom bżonnhom, jeħtieġ li n-nies ikunu jafu meta u fejn jistgħu jużaw dawn is-servizzi bl-aqwa mod.
Huwa rrikonoxxa wkoll is-sehem tal-ispeċjalisti fit-tfassil tal-istrateġiji nazzjonali dwar diversi temi u setturi differenti filwaqt li saħaq li għal kull strateġija għandu jkun ċar min hu responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha u x’riżorsi hemm bżonn. B’hekk ikun jista’ jitkejjel il-progress u ssir evalwazzjoni ta’ kemm il-miżuri li jittieħdu jkunu qed itejbu saħħet in-nies.
Id-Deputat Prim Ministru saħaq ukoll fuq l-importanza tal-koordinazzjoni bejn ministeri differenti dwar deċiżjonijiet li jħallu impatt dirett fuq saħħitna. Huwa tenna l-impenn tiegħu li jkompli jaħdem mal-professjonisti tas-saħħa pubblika sabiex il-prevenzjoni tkompli tingħata importanza fid-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-ministeri kollha.
Other Press Releases:
PR261976en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Mediterranea...
PR261976