STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-pajjiżi tal-Mediterran iridu jaħdmu flimkien biex ifasslu l-futur tagħhom – Il-Ministru Chris Fearne
Il-pajjiżi tal-Mediterran għandhom jaħdmu flimkien biex ifasslu l-futur tar-reġjun u jsaħħu l-influwenza tagħhom fid-deċiżjonijiet internazzjonali. Dan kien il-messaġġ tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Chris Fearne, waqt il-konferenza MED Dialogues li qed issir f’Napli, l-Italja.
Il-Ministru wassal dan il-messaġġ waqt il-panel tal-ftuħ tal-konferenza, li ffoka fuq il-kooperazzjoni fil-Mediterran, kif ukoll waqt Djalogu Speċjali li sar illum. Huwa saħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi u l-ħtieġa ta’ rieda politika biex jingħelbu d-differenzi u jintlaħaq qbil fuq pożizzjonijiet komuni dwar il-futur tar-reġjun.
“Irridu nsibu kompromessi, naqblu fuq pożizzjonijiet komuni u nfasslu l-futur tagħna aħna stess,” sostna l-Ministru Fearne, filwaqt li enfasizza li dan jeħtieġ deċiżjonijiet kuraġġużi u tmexxija b’saħħitha.
Il-Ministru Fearne saħaq ukoll li l-Ewropa għandha tittratta lill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran bħala sħab indaqs. Huwa spjega li l-Unjoni Ewropea trid issaħħaħ il-kredibbiltà tagħha bħala medjatur imparzjali mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tad-dinja, billi tisma’ l-preokkupazzjonijiet tagħhom u tifhem aħjar il-prijoritajiet tagħhom.
F’dan il-kuntest, il-Ministru sostna li l-kooperazzjoni m’għandhiex tkun ibbażata fuq l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet, iżda fuq ir-rispett reċiproku, il-fiduċja u interessi komuni li jwasslu għal riżultati konkreti.
Dwar il-Libja, il-Ministru Fearne appella għal rwol Ewropew aktar attiv u koordinat. Huwa saħaq li m’hemmx alternattiva aċċettabbli għal Libja magħquda u stabbli, u li l-Unjoni Ewropea għandha tagħti aktar attenzjoni politika lill-isforzi biex jintlaħaq dan il-għan. Il-futur tal-Libja għandu jkun prijorità komuni għall-pajjiżi tar-reġjun.
Matul id-diskussjonijiet ġew indirizzati wkoll is-sigurtà tal-enerġija, kwistjonijiet marbuta mad-delimitazzjoni tal-fruntieri, il-migrazzjoni, l-iżvilupp ekonomiku u l-istabbiltà fir-reġjun. Il-Ministru enfasizza l-ħtieġa li l-politiki jiġu adattati għar-realtajiet tal-lum, filwaqt li jitqies kif l-isfidi u l-kunflitti fil-Mediterran huma marbuta ma’ xulxin.
Fil-marġini tal-konferenza, il-Ministru Fearne kellu wkoll diversi laqgħat bilaterali, fosthom mas-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, Nabil Fahmy; il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Libja, Taher Al-Baour; il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Jemen, Afrah Al-Zouba; delegazzjoni mill-Armenja; kif ukoll ma’ Hanna Tetteh, ir-Rappreżentanta Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda għal-Libja.
Dawn il-laqgħat servew biex Malta tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet diplomatiċi tagħha mal-pajjiżi tar-reġjun u tħeġġeġ aktar involviment Ewropew fil-Mediterran. Permezz tad-djalogu dirett mal-pajjiżi sħab, il-Lega tal-Istati Għarab u n-Nazzjonijiet Magħquda, Malta qed tkompli taħdem favur aktar kooperazzjoni, sigurtà u prosperità fir-reġjun.
Ritratt: MFEA
Other Press Releases:
PR261976en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Mediterranea...
PR261975