Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta fost l-ewwel pajjiżi li trasponiet id-Direttiva Ewropea dwar it-Trasparenza fil-Pagi

PR261967
Date Icon 19/11/2026

Paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali tibqa’ prijorità għall-Gvern – Il-Ministru Rosianne Cutajar

 

Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi li trasponiet id-Direttiva Ewropea dwar it-Trasparenza fil-Pagi, permezz tal-Avviż Legali 173 tal-2026 f’Ġunju li għadda. Din id-Direttiva ssaħħaħ il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali permezz ta’ aktar trasparenza dwar il-pagi u mekkaniżmi aktar effettivi biex jiġu identifikati u indirizzati l-inugwaljanzi.

 

Waqt konferenza organizzata mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) fl-okkażjoni tal-European Equal Pay Day, il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili, Rosianne Cutajar qalet li l-paga ugwali għal xogħol ugwali jew ta’ valur ugwali tibqa’ prijorità importanti tal-Gvern.

 

Il-Ministru spjegat li t-trasparenza fil-pagi hija għodda importanti biex jiġu identifikati u indirizzati l-inugwaljanzi. Hija qalet li permezz tad-Direttiva, il-ħaddiema għandhom aċċess għal aktar informazzjoni dwar il-paga kemm waqt il-proċess ta’ reklutaġġ kif ukoll matul l-impjieg tagħhom, filwaqt li min iħaddem għandu jkollu strutturi ta’ paga li jiżguraw paga ugwali għal xogħol ugwali jew ta’ valur ugwali.

 

Il-Ministru rrimarkat ukoll li d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel f’Malta hija ta’ 4.9%, meta mqabbla ma’ medja ta’ 11.1% fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li enfasizzat li għad hemm differenzi f’ċerti setturi li jeħtieġ ikomplu jiġu indirizzati. “Il-paga ugwali mhijiex biss kwistjoni ta’ liġi jew ta’ statistika. Hija kwistjoni ta’ ġustizzja, ta’ dinjità u ta’ opportunitajiet indaqs,” qalet il-Ministru Cutajar.

 

Il-Ministru semmiet ukoll il-progress li sar f’dawn l-aħħar snin biex jiżdiedu l-opportunitajiet għan-nisa li jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol. L-involviment tan-nisa fl-impjieg żdied b’aktar minn 20% matul l-aħħar għaxar snin, b’numru ta’ miżuri li jinkludu l-free childcare, il-Breakfast Club, il-Klabb 3-16, aktar leave għall-ġenituri u miżuri ta’ flessibbiltà u bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol.

 

Hija enfasizzat li l-ugwaljanza fil-pagi għandha tinftiehem ukoll fil-kuntest tal-valur tax-xogħol. Xogħol ta’ valur ugwali għandu jingħata l-istess rikonoxximent u remunerazzjoni, irrispettivament minn jekk ikunx qed isir minn mara jew raġel. Dan huwa partikolarment importanti fejn ix-xogħol f’oqsma tradizzjonalment assoċjati man-nisa jista’ jkun sottovalutat minħabba sterjotipi jew preġudizzji dwar il-valur ta’ ċerti ħiliet u responsabbiltajiet.

 

Il-Kummissarju tal-NCPE, Renee Laiviera, qalet li fost il-fatturi li jikkontribwixxu għad-differenza fil-pagi hemm is-segregazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel fl-edukazzjoni u fl-impjieg, id-distribuzzjoni mhux ugwali tar-responsabbiltajiet tal-kura, in-nuqqas ta’ rappreżentanza tan-nisa f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u d-diskriminazzjoni fil-pagi. Hija enfasizzat ukoll ir-rwol tal-NCPE biex tassisti lill-ħaddiema fl-aċċess għall-informazzjoni dwar il-pagi.

 

Il-Ministru Cutajar saħqet li l-ugwaljanza ekonomika hija importanti mhux biss matul il-ħajja tax-xogħol iżda wkoll għas-sigurtà finanzjarja tal-persuna aktar ’il quddiem fil-ħajja, inkluż meta tasal għall-irtirar.

 

“Paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali mhijiex biss aspirazzjoni iżda dritt fundamentali li rridu nkomplu niddefendu, nippromwovu u nwettqu fil-prattika sabiex kull persuna tkun tista’ tgawdi l-istess opportunitajiet fid-dinja tax-xogħol,” temmet tgħid il-Ministru Rosianne Cutajar.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Malta fost l-ewwel pajjiżi li trasponiet id-Direttiva Ewropea dwar it-Trasparenza fil-Pagi
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Malta fost l-ewwel pajjiżi li trasponiet id-Direttiva Ewropea dwar it-Trasparenza fil-Pagi
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Malta fost l-ewwel pajjiżi li trasponiet id-Direttiva Ewropea dwar it-Trasparenza fil-Pagi
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦALL-PORT IL-KBIR  Malta b’vuċi b’saħħitha fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

PR261966

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦAL...

More Press Releases Right arrow