STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦALL-PORT IL-KBIR Malta b’vuċi b’saħħitha fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima
Waqt COP31, il-Ministru Miriam Dalli tenfasizza l-ħtieġa li l-azzjoni klimatika tissarraf f’investiment li jipproteġi l-familji u l-ekonomija
Malta qed ikollha rwol proattiv fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima, hekk kif il-Ministru għall-Enerġija u l-Ambjent Miriam Dalli qed tmexxi, flimkien mal-Ministru Olandiż, in-negozjati tal-Unjoni Ewropea dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima waqt il-COP31 f’Antalya, it-Turkija.
Il-Ministru Dalli saħqet li l-parteċipazzjoni attiva ta’ Malta hija essenzjali hekk kif pajjiżna qed jesperjenza direttament l-effetti taż-żieda fit-temperaturi u ta’ avvenimenti estremi tat-temp. Enfasizzat li l-azzjoni klimatika trid tissarraf f’investimenti li jsaħħu r-reżiljenza tal-pajjiżi, filwaqt li jipproteġu lill-familji u lill-ekonomiji.
“F’dawn l-aħħar snin ħdimna biex Malta jkollha vuċi dejjem aktar b’saħħitha f’dawn il-fora internazzjonali. It-tibdil fil-klima qed jinħass f’pajjiżna u għalhekk irridu nkunu fuq il-mejda fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. Il-politika tagħna hija ċara. Irridu nipproteġu lill-familji u lin-negozji mill-instabbiltà tal-prezzijiet, filwaqt li ninvestu biex pajjiżna jkun aktar b’saħħtu, aktar indipendenti u aktar sostenibbli. Ma rridux tranżizzjoni li titfa’ piż esaġerat fuq il-poplu, iżda waħda li minnha jgawdi kulħadd,” sostniet il-Ministru Dalli.
Waqt attività organizzata minn Malta, bit-tema Powering Climate Resilience: Clean Energy and Water Security in Practice, il-Ministru enfasizzat ir-rabta diretta bejn it-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija u l-ilma. L-attività serviet ukoll biex Malta taqsam l-esperjenzi tagħha ma’ pajjiżi oħra u titgħallem mill-prattiċi tagħhom.
Il-Ministru spjegat kif Malta qed tinvesti fit-tisħiħ tan-network tal-elettriku, fit-tieni interconnector, fl-enerġija rinnovabbli u fil-ħażna tal-enerġija, filwaqt li l-Water Services Corporation qed tavvanza pjan ta’ investiment ta’ aktar minn €400 miljun, biex isaħħaħ ir-reżijenza ta’ pajjiżna fil-qasam tal-ilma.
Hija rrimarkat ukoll li l-Budget 2027 jalloka €438 miljun għall-azzjoni klimatika, żieda ta’ 10% fuq 2026.
Matul il-COP31, il-Ministru Dalli attendiet diversi laqgħat bilaterali ma’ Ministri minn pajjiżi oħra u laqgħat ta’ koordinazzjoni, hekk kif qed ikomplu n-negozjati dwar it-test finali tal-konferenza.
Other Press Releases:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261965en