STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI
Malta f’pożizzjoni li tkun minn tal-ewwel biex tibbenefika mill-innovazzjoni fis-saħħa – Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg
Waqt il-ftuħ tal-MedTech World Europe, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg saħaq li Malta għandha l-potenzjal li ssir punt tat-tluq għall-innovazzjoni fil-qasam mediku, permezz ta’ kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Gvern, il-professjonisti tas-saħħa, l-akkademiċi u l-industrija.
“Qed nibagħtu messaġġ ċar li aħna miftuħin għal aktar kollaborazzjoni u ideat ġodda li jtejbu l-kura tas-saħħa f’pajjiżna. Is-sistema tas-saħħa toffri l-esperjenza u l-ħiliet ta’ min jagħti l-kura, iżda rridu naraw li nużawhom biex noħolqu kollaborazzjonijiet mal-industrija, speċjalment fejn jidħlu servizzi innovattivi li nistgħu nagħmlu użu minnhom għall-ġid tal-pazjent,” qal Ian Borg.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg spjega kif iċ-ċokon ta’ Malta jista’ jkun wieħed mill-vantaġġi tagħha. Il-qrubija bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, il-professjonisti li jagħtu l-kura, l-istituzzjonijiet akkademiċi u l-industrija toffri l-opportunità li jiġu identifikati l-isfidi u jinġabru l-persuni rilevanti madwar l-istess mejda biex jiżviluppaw is-soluzzjonijiet. Flimkien mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, din l-aġilità tista’ tgħin lil pajjiżna jsir punt tat-tluq għal innovazzjonijiet li jkunu jistgħu jintużaw ukoll lil hinn minn xtutna.
Din il-konferenza tkompli tenfasizza l-ambizzjoni li Malta tkun ukoll sieħeb attiv fl-iżvilupp tat-teknoloġiji tas-saħħa tal-ġejjieni. Għal dan il-għan, il-Ministeru qed jesplora l-possibbiltà ta’ programm aktar strutturat ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni fis-saħħa diġitali, li jlaqqa’ l-għarfien kliniku mal-kapaċitajiet tal-industrija.
Il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri sostna li permezz tal-Viżjoni Malta 2050, qed jagħtu direzzjoni ċara lill-ekonomija ta’ pajjiżna, b’enfasi fuq setturi innovattivi u ta’ valur miżjud bħall-manifattura avvanzata u t-teknoloġija medika.
“Investimenti ta’ €150 miljun minn Vantive u espansjoni ta’ €60 miljun minn Baxter huma eżempji konkreti ta’ din id-direzzjoni. Fl-istess waqt, startup Maltija, Garland Surgical qed turi kif ir-riċerka fl-Università ta’ Malta tista’ tinbidel f’opportunitajiet kummerċjali konkreti, bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise u l-Malta Venture Capital Fund. L-għan tagħna huwa li nkomplu nattiraw investiment internazzjonali, insaħħu l-intrapriżi Maltin u noħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità f’setturi ekonomiċi tal-futur,” qal il-Ministru Schembri.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa Deo Debattista saħaq ukoll fuq l-importanza li nżommu mal-aħħar aġġornamenti fil-mediċina. “Din hija waħda mill-iktar konferenzi importanti, li sservi bħala pjattaforma għat-teknoloġija fil-mediċina. Teknoloġija li fis-snin li ġejjin se tbiddel kompletament il-mod kif nipprattikaw il-mediċina u kif il-pazjenti tagħna jirċievu l-kura tagħhom. Għalhekk, huwa importanti li mhux biss inkunu preżenti, iżda li nipparteċipaw b’mod attiv f’dawn il-konferenzi, sabiex niksbu kemm jista’ jkun għarfien li jwassal għal kura aħjar għall-pazjenti tagħna,” qal Dr Debattista.
Imnedija fl-2020, MedTech World saret waħda mill-ekosistemi li qed jikbru bl-aktar ritmu mgħaġġel fl-industrija, u llum għandha preżenza fl-Ewropa, fl-Amerka ta’ Fuq, fil-Lvant Nofsani u fl-Asja, fejn qed tixpruna l-kollaborazzjoni globali u taċċellera l-innovazzjoni fit-teknoloġija tal-kura tas-saħħa.
Other Press Releases:
PR261910
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAL...
PR261909