Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Il-Gvern jibda l-implimentazzjoni tal-miżura tal-Manifest Elettorali dwar it-tnissil tan-naħla Maltija u t-tqassim ta’ rġejjen ta’ kwalità għolja

PR261909
Date Icon 12/11/2026

Kemmuna se tiġi stabbilita bħala żona protetta għall-kultivazzjoni tan-naħla tal-għasel ta’ Malta

 

Il-Gvern qed ikompli jwettaq il-ħidma tiegħu favur is-settur tal-apikultura permezz tal-implimentazzjoni tal-miżura  tal-manifest elettorali Int Malta, dik li jespandi l-programm tat-tnissil tan-naħla Maltija u jqassam rġejjen tan-naħal ta’ kwalità għolja lin-naħħala ta’ pajjiżna.

 

Din il-miżura se titwettaq permezz tal-Maltese Honeybee Conservation and Expansion Programme, li tħabbar bħala parti mir-Rispons Nazzjonali għaż-Żieda fil-Popolazzjoni tal-Bagħal taż-Żunżan Orjentali (Oriental Hornet). Il-Programm huwa inizjattiva fit-tul maħsuba biex iżżid il-popolazzjoni ta’ kolonji ġenetikament verifikati tan-naħla Maltija (Apis mellifera ruttneri), issaħħaħ il-kapaċità lokali għat-tnissil tar-rġejjen, tnaqqas id-dipendenza fuq rġejjen importati u tappoġġja r-riċerka u d-distribuzzjoni tan-naħla Maltija.

 

Bħala parti mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Programm, binja proprjetà tal-Ministeru f’Kemmuna se tintuża għall-finijiet tat-twaqqif u t-tmexxija ta’ programm strutturat għat-tnissil tan-naħla Maltija, bil-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjoni mhux governattiva lokali attiva f’dan il-qasam. Il-Ministeru se jipprovdi wkoll appoġġ finanzjarju għall-programm, bil-għan li tinħoloq kapaċità sostenibbli ta’ tnissil u produzzjoni ta’ rġejjen ta’ kwalità għolja għan-naħħala Maltin.

 

Miżura elettorali oħra li qed titwettaq hija dik li tipprevedi li Kemmuna ssir żona protetta għall-kultivazzjoni tan-naħla tal-għasel endemika. Bħala pass konkret fit-twettiq ta’ dan l-impenn, il-Gvern għada se jkun qed jippubblika r-Regolamenti tal-2026 dwar iż-Żona ta’ Konservazzjoni tan-Naħal tal-Għasel ta’ Malta, li permezz tagħhom Kemmuna se tiġi stabbilita bħala żona protetta għall-kultivazzjoni tan-naħla tal-għasel endemika.

 

Fi ħdan din iż-żona, iż-żamma, it-tnissil, it-tkattir u l-moviment tal-kolonji tan-naħal se jkunu regolati, bil-għan li tiġi mħarsa l-integrità ġenetika tan-naħla tal-għasel ta’ Malta, Apis mellifera ruttneri, u jitnaqqsu r-riskji ta’ ibridizzazzjoni, introgressjoni ġenetika u trażmissjoni ta’ mard. Ir-regolamenti jistabbilixxu wkoll sistema ta’ reġistrazzjoni u awtorizzazzjoni għall-kolonji li jinżammu f’Kemmuna, flimkien ma’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ, spezzjoni u verifika. Kolonja tan-naħal tal-għasel ta’ Malta tkun tista’ tinżamm bħala residenti permanenti fiż-żona biss wara awtorizzazzjoni bil-miktub mid-Direttur responsabbli għall-agrikoltura.

 

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo qal li dan il-qafas regolatorju jirrappreżenta pass ieħor fit-twettiq tal-impenn tal-Gvern favur it-tisħiħ u l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tal-apikultura, filwaqt li joħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa biex Kemmuna jkollha rwol importanti fit-tisħiħ tan-naħla Maltija.

 

“B’dawn ir-regolamenti qed inwettqu wegħda oħra tal-Manifest Elettorali. Kemmuna se ssir żona protetta għall-kultivazzjoni tan-naħla tal-għasel endemika, fejn l-attivitajiet marbuta mat-trobbija u t-tnissil tan-naħal jiġu amministrati b’mod organizzat, xjentifiku u responsabbli. B’hekk qed noħolqu kundizzjonijiet konkreti biex inħarsu l-integrità ġenetika tan-naħla Maltija, filwaqt li nkomplu nsaħħu s-settur tal-apikultura u noħolqu opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp sostenibbli tiegħu,” qal il-Ministru Anton Refalo.

 

Ir-regolamenti jiddefinixxu “kolonja tan-naħal tal-għasel ta’ Malta” bħala kolonja b’purità ġenetika ta’ mhux inqas minn 90% attribwibbli lil Apis mellifera ruttneri. Il-metodoloġija xjentifika, il-kriterji u l-proċeduri amministrattivi għad-determinazzjoni tal-purità ġenetika se jiġu stabbiliti permezz ta’ linji gwida tekniċi.

 

Il-qafas jipprovdi wkoll għal miżuri tranżitorji fir-rigward tal-kolonji mhux indiġeni li jinsabu f’Kemmuna, kif ukoll għal awtorizzazzjonijiet limitati għall-introduzzjoni temporanja u staġjonali tagħhom, soġġetti għal kundizzjonijiet marbuta mal-bijosigurtà, it-traċċabbiltà, il-moviment u l-integrità ġenetika tal-popolazzjoni residenti.

 

B’dan il-mod, iż-żona protetta għall-kultivazzjoni tan-naħla tal-għasel endemika f’Kemmuna u tal-Programm għall-Konservazzjoni u t-Tkattir tan-Naħla Maltija se jaħdmu b’mod kumplimentari. Il-qafas regolatorju se jipproteġi l-integrità ġenetika tal-popolazzjoni tan-naħal fiż-żona, filwaqt li l-programm ta’ tnissil se jwassal għall-implimentazzjoni konkreta tal-impenn elettorali favur it-tkabbir tal-popolazzjoni tan-naħla Maltija u t-tqassim ta’ rġejjen ta’ kwalità lin-naħħala.

 

“Qegħdin ngħaqqdu l-protezzjoni mal-azzjoni. Kemmuna se tipprovdi ambjent protett għall-kultivazzjoni tan-naħla tal-għasel endemika, filwaqt li permezz tal-Programm għall-Konservazzjoni u t-Tkattir tan-Naħla Maltija se nibdew inwettqu impenn elettorali konkret, li nkabbru l-programm tat-tnissil tan-naħla Maltija u nsaħħu l-provvista ta’ rġejjen ta’ kwalità għolja lin-naħħala tagħna,” temm jgħid il-Ministru Refalo.

 

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL   Il-Gvern jibda l-implimentazzjoni tal-miżura tal-Manifest Elettorali dwar it-tnissil tan-naħla Maltija u t-tqassim ta’ rġejjen ta’ kwalità għolja
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL   Il-Gvern jibda l-implimentazzjoni tal-miżura tal-Manifest Elettorali dwar it-tnissil tan-naħla Maltija u t-tqassim ta’ rġejjen ta’ kwalità għolja
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  New ecological garden at De La Salle College brings nature and education together

PR261908en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR    Ġnien ekoloġiku li jgħaqqad l-ambjent naturali mal-edukazzjoni fil-Kulleġġ De La Salle

PR261908

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow