STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Ġnien ekoloġiku li jgħaqqad l-ambjent naturali mal-edukazzjoni fil-Kulleġġ De La Salle
Fil-kampus tal-Kulleġġ De La Salle, Project Green għaddejja bi proġett li jġib flimkien l-ambjent naturali mat-tagħlim edukattiv. Medda ta’ 5,000 metru kwadru qed tiġi trasformata fi ġnien ekoloġiku li se joffri lill-istudenti opportunità biex jitgħallmu u jqattgħu l-ħin f’ambjent naturali.
Bħalissa, għaddejjin ix-xogħlijiet għall-bini ta’ klassijiet li se jkunu integrati fl-ambjent naturali tal-ġnien. Il-proġett se jinkludi wkoll bankijiet u mwejjed apposta għall-pikniks, fejn l-istudenti jkunu jistgħu jieħdu l-brejk tagħhom jew jagħmlu xogħol fi gruppi.
Barra minn hekk, se jitħawlu siġar u arbuxelli indiġeni u endemiċi, li permezz tagħhom l-istudenti se jkollhom l-opportunità josservaw u japprezzaw l-iżvilupp tal-pjanti, filwaqt li jitgħallmu aktar dwar il-flora u l-fawna Maltija u l-importanza tagħhom għall-bijodiversità. Bħalissa għaddejjin ukoll ix-xogħlijiet għall-installazzjoni tas-servizzi tad-dawl u l-ilma, biex sussegwentement jinbnew il-passaġġi tal-ġnien.
Il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli rrimarkat li dan il-proġett juri kif l-edukazzjoni moderna m’għandhiex tibqa’ limitata bejn erba’ ħitan, imma għandha testendi wkoll għall-ambjent naturali ta’ barra. In-natura nnifisha ssir għodda edukattiva, fejn it-tfal jitgħallmu mill-ambjent ta’ madwarhom.
“Dan il-proġett għandu l-potenzjal li jservi ta’ mudell għal skejjel oħra. L-ispazji miftuħa għandhom jintużaw għal aktar minn sempliċiment rikreazzjoni. Permezz ta’ proġetti bħal dawn, inrawmu kultura fost l-istudenti biex jagħrfu l-valur tan-natura u jużaw dawn l-ispazji anke bħala parti mill-esperjenza edukattiva tagħhom,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Project Manager David Ellul spjega kif il-proġett qed jintegra t-tagħlim f’ambjent ekoloġiku li jpoġġi s-sostenibbiltà fiċ-ċentru tiegħu. F’dan is-sit kien hemm strutturi abbandunati u kkundannati li kienu ta’ periklu għas-sigurtà. Dawn twaqqgħu biex jinbnew mill-ġdid bħala klassijiet siguri għall-istudenti. Huwa spjega wkoll li parti mill-ġebel oriġinali se jerġa’ jintuża fil-bini tal-klassijiet il-ġodda.
Minkejja li l-ġnien jinsab fil-kampus tal-iskola, bi qbil mal-Kulleġġ De La Salle, se jkun aċċessibbli għall-pubbliku fi tmiem il-ġimgħa u wara l-ħinijiet tal-iskola.
Dan il-proġett qed jiġi kkofinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD).
Other Press Releases:
PR261909
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261908en