STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI
Jissokta l-impenn favur ir-riċerka dwar l-ugwaljanza u d-drittijiet ċivili permezz tat-tnedija tar-raba’ volum ta’ ‘Mapping the Rainbow: Researching the Diverse Colours of the LGBTIQ+ Community’
Il-Ministeru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili, permezz tad-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem, nieda r-raba’ volum ta’ ‘Mapping the Rainbow: Researching the Diverse Colours of the LGBTIQ+ Community’.
Waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar enfasizzat l-importanza tar-riċerka fit-tfassil tal-politika dwar l-ugwaljanza u d-drittijiet ċivili. Hija saħqet li l-għarfien u r-riċerka għandhom irwol importanti fit-tiswir ta’ soċjetà aktar ġusta u inklużiva.
Il-pubblikazzjoni ‘Mapping the Rainbow’ tkompli tipprovdi pjattaforma importanti biex ir-riċerka akkademika tgħinna nifhmu aħjar ir-realtajiet diversi tal-persuni LGBTIQ+.
Il-Ministru Cutajar qalet li permezz tal-evidenza, id-djalogu u l-kollaborazzjoni, inkunu f’pożizzjoni aħjar biex niżviluppaw politiki mfassla fuq ir-realtajiet li jgħixu n-nies u biex inkomplu nsaħħu l-ugwaljanza fis-soċjetà tagħna.
Il-Ministru issottolinjat li l-kontribuzzjonijiet akkademiċi f’dan ir-raba’ volum jgħinuna napprofondixxu l-fehim tagħna tar-realtajiet soċjali li jġarrbu n-nies fil-komunitajiet tagħna. Saħqet li l-evidenza tgħinna mmorru lil hinn mis-suppożizzjonijiet u li permezz ta’ dan l-impenn kontinwu favur it-tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza, nistgħu niżguraw li l-ħidma favur l-ugwaljanza tibqa’ relevanti għall-esperjenzi tan-nies.
Din il-pubblikazzjoni tinkludi 11-il studju ta’ riċerka li jkopru firxa wiesgħa ta’ temi, fosthom l-identità tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, l-esperjenzi tal-familji, l-ispiritwalità, l-HIV, il-kwistjonijiet intersesswali, it-tixjiħ, is-saħħa mentali, l-edukazzjoni, il-moda u l-perspettivi globali dwar l-ugwaljanza għall-persuni LGBTIQ+. Ir-riċerka ppubblikata f’dan il-volum tibni fuq id-diskussjonijiet u l-preżentazzjonijiet li saru waqt l-LGBTIQ+ Research Symposium.
Waqt it-tnedija ttellgħet ukoll Roundtable Discussion li tat l-opportunità lir-riċerkaturi, lil dawk involuti fit-tfassil tal-politika, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lir-rappreżentanti tal-komunità biex jiddiskutu xejriet emerġenti, sfidi u opportunitajiet marbuta mal-ugwaljanza għall-persuni LGBTIQ+ f’Malta.
Il-kelliema enfasizzaw li progress soċjali sinifikanti ma jinkisibx biss permezz tal-leġiżlazzjoni, iżda jissaħħaħ ukoll permezz tar-riċerka, tal-esperjenzi tal-persuni u tad-djalogu, u saħqu fuq l-importanza ta’ tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza.
Il-pubblikazzjoni hija r-riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan il-Ministeru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili, id-Dipartiment tal-Ġeneru u s-Sesswalitajiet u l-Istitut għall-Istudji Ewropej tal-Università ta’ Malta, u l-Malta LGBTIQ Rights Movement.
Il-Ministeru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili tenna l-impenn tiegħu li jkompli jiżgura li t-tfassil tal-politika jkun msejjes fuq riċerka soda, kif ukoll fuq l-esperjenzi tal-persuni u l-komunitajiet LGBTIQ+.
Other Press Releases:
PR261912
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Enerġija affordabbli ma teżisti...
PR261911