Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Il-Ministru Owen Bonnici f’taħditiet tekniċi fit-Turkija dwar best practices fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli

pr261366
Date Icon 22/08/2026

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, Owen Bonnici kellu taħditiet tekniċi u żjarat f’diversi proġetti u faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli f’Istanbul it-Turkija, bħala parti minn żjara mmirata lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki fil-qasam tal-akkomodazzjoni.

Il-Ministru Bonnici kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, Ramon Deguara, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, id-Direttur fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, Matthew Borg u kif ukoll mill-Ambaxxatriċi ta’ Malta għat-Turkija, Dr Marisa Farrugia.

Matul iż-żjara, il-Ministru Bonnici żar il-kampus ta’ TOKİ f’Halkalı, f’Istanbul, fejn kellu laqgħa maċ-Chairman ta’ TOKİ, Mustafa Levent Sungur, il-Viċi President ta’ TOKİ, Ömer Caniklioğlu, il-Konsulent tal-President ta’ TOKİ, Emre Karaçengel, il-Kap tad-Dipartiment tal-Implimentazzjoni Murat Oskay, u l-Kap tad-Dipartiment tal-Ippjanar u l-Proġetti ta’ Istanbul, Serhat Günkan.

Matul din il-laqgħa ġew diskussi l-esperjenzi ta’ TOKİ fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli kif ukoll il-mudelli adottati biex jiġu żviluppati proġetti ta’ housing soċjali fuq skala kbira u, fl-istess waqt, jinħolqu l-infrastruttura u s-servizzi meħtieġa għall-komunitajiet.

Saret ukoll żjara fiċ-Ċentru Komunitarju ta’ TOKİ, li huwa parti mill-investiment fl-infrastruttura soċjali li takkumpanja l-proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali.

Saret żjara ukoll fis-sit tal-kostruzzjoni ta’ TOKİ f’Kayabaşı, fejn ingħata ħarsa lejn il-progress tal-proġett u l-mod kif l-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli qed tiġi żviluppata flimkien ma’ infrastruttura u spazji maħsuba għall-komunità.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li din iż-żjara hija opportunità importanti biex il-Ministeru jkompli jiskambja esperjenzi ma’ pajjiżi oħra dwar mudelli ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli u favur it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.

“Din iż-żjara qed tagħtina l-opportunità naraw mill-qrib kif proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli fuq skala kbira jistgħu jiġu żviluppati flimkien mal-infrastruttura u s-servizzi li l-familji u l-komunitajiet ikollhom bżonn. L-għan tagħna hu li nkomplu nitgħallmu minn esperjenzi differenti u nsaħħu r-rabtiet bejn pajjiżi oħra li għandhom esperjenzi vasti f’dan is-settur,” qal il-Ministru Bonnici.

Huwa saħaq ukoll fuq l-importanza li l-akkomodazzjoni soċjali ma tkunx limitata għall-bini ta’ djar residenzjali, iżda tkun parti minn viżjoni usa’ li toħloq komunitajiet sostenibbli u reżiljenti, b’infrastruttura, spazji u servizzi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Il-Ministru Owen Bonnici f’taħditiet tekniċi fit-Turkija dwar best practices fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Il-Ministru Owen Bonnici f’taħditiet tekniċi fit-Turkija dwar best practices fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Il-Ministru Owen Bonnici f’taħditiet tekniċi fit-Turkija dwar best practices fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Il-Mazzit rikonoxxut mill-Unjoni Ewropea bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta

PR261920

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Se jitfassal dokument ta’ drittijiet u responsabbiltajiet għal kull min jidħol f’kuntratt ta’ kirja wara l-konsultazzjoni pubblika dwar il-Buyers’ Charter

PR261919

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Se jitfassal do...

More Press Releases Right arrow