STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Il-Mazzit rikonoxxut mill-Unjoni Ewropea bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta
Il-Mazzit tradizzjonali Malti ġie rikonoxxut uffiċjalment mill-Unjoni Ewropea bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP), wara l-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-rikonoxximent jimmarka pass importanti għall-wirt kulinari ta’ Malta u huwa l-frott ta’ diversi snin ta’ ħidma li involviet lill-Biċċerija Pubblika, l-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel u qabilha l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur kif ukoll numru ta’ produtturi miġbura fil-Mazzit Stakeholders Group.
Il-Mazzit huwa prodott tradizzjonali Malti li jgħaqqad togħmiet ħelwin u melħin; huwa magħmul mid-demm tal-majjal jew tal-baqar irġiel, flimkien ma’ ingredjenti bħal basal abjad Malti, żbib, kawkaw jew ċikkulata u zokkor, u huwa ppakkjat f’imsaren naturali. L-ispeċifikazzjoni Ewropea tal-prodott tirrikonoxxi wkoll il-varjazzjonijiet tradizzjonali u l-għarfien espert marbut mal-produzzjoni tiegħu.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, s-Sajd u s-Sigurtà tal-Ikel Anton Refalo qal li, “Dan ir-rikonoxximent huwa ħafna aktar minn sempliċi marka Ewropea ta’ kwalità. Huwa rikonoxximent li l-wirt agrikolu u kulinari tagħna għandu valur li jistħoqqlu jiġi protett u, aktar importanti minn hekk, futur li jistħoqqlu investiment. Fl-istess ħin huwa turija ta’ kif il-Gvern qed jaħdem biex prodotti lokali jħallu valur miżjud lill-bdiewa u raħħala lokali.”
Id-Direttur Ġenerali tal-Biċċerija Pubblika, Stefan Cachia fisser li dan ir-rikonoxximent huwa r-riżultat ta’ inizjattiva fit-tul meħuda mill-Biċċerija Pubblika, li permezz tagħha prodott tradizzjonali li kien qed jirriskja li jintilef jiġi skopert mill-ġdid u jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex il-produzzjoni tiegħu tkompli u tiżviluppa kummerċjalment. Fl-istess ħin, dan ir-rikonoxximent se jwassal għall-fażi li jmiss fejn din il-protezzjoni tinbidel f’opportunità ekonomika u valur miżjud.
Il-proċess imur lura diversi snin. Ix-xogħol kien jinkludi riċerka storika dwar il-prodott, l-iżvilupp tal-ispeċifikazzjoni tiegħu, id-dokumentazzjoni tar-riċetti u t-tradizzjonijiet tal-produzzjoni, l-involviment tal-produtturi u l-proċessuri, kif ukoll it-twaqqif tal-Mazzit Stakeholders Group. Sar ukoll investiment f’makkinarju ddisinjat biex jiġbor u jipproċessa d-demm b’mod iġjeniku kif ukoll f’impjant ta’ produzzjoni speċjalizzata, biex mhux kull operatur ikollu jagħmel l-investiment neċessarju waħdu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel, Clive Tonna, spjega li l-Awtorità kellha rwol importanti biex tiffaċilita l-proċess ta’ reġistrazzjoni tal-Mazzit, sabiex serviet bħala pont bejn l-applikanti u l-Kummissjoni Ewropea matul id-diversi stadji tal-proċess. “L-Awtorità tilqa’ b’sodisfazzjon dan ir-rikonoxximent, li jkompli jsaħħaħ il-valur tal-prodotti tradizzjonali Maltin u Għawdxin u joħloq opportunitajiet ġodda għall-produtturi lokali, fosthom aktar viżibbiltà, kompetittività u potenzjal ekonomiku. Permezz tal-ħidma tagħha, l-Awtorità se tkompli tappoġġja l-iżvilupp ta’ prodotti ta’ kwalità rikonoxxuti fil-livell Ewropew, filwaqt li tassigura li tinżamm is-sigurtà u l-istandards tal-ikel u l-karatteristiċi li jagħmlu dawn il-prodotti uniċi.”
Other Press Releases:
PR261919
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Se jitfassal do...
PR261918