Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Ikomplu jiżdiedu l-għajnuniet għall-familji fil-qasam tal-akkomodazzjoni bis-saħħa ta’ tliet bidliet pożittivi għall-iskema tal-First-Time Buyers

pr261365
Date Icon 21/08/2026


Se tkun qed titla' għal €20,000 l-għajnuna għal persuni b'diżabilità

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici ħabbar tliet bidliet pożittivi fl-iskema tal-First-Time Buyers bl-iktar waħda importanti tkun dik li bis-saħħa tagħha se tirdoppja l-għajnuna mogħtija għal €20,000 għal persuni b'diżabilità.

L-Iskema tal-First-Time Buyers tipprovdi għajnuna ta' €1,000 fis-sena għal perjodu ta' għaxar snin u dan sabiex jiġu assistiti żgħażagħ fl-ewwel snin wara li jkunu xtraw l-ewwel dar tagħhom.  Għal persuni b'diżabilità issa din l-għotja se tiżdied għal €20,000.

Din hija waħda mill-miżuri tal-Manifest Elettorali u li qed jiġu implimentati fl-ewwel 100 jum tal-Gvern, u, fi kliem il-Ministru Bonnici, turi l-impenn li l-għajnuna tkun aktar ġusta u mmirata lejn dawk li għandhom bżonnha l-aktar.

Il-Ministru Bonnici qal li “l-għan tagħna hu li nkomplu nagħtu għajnuna konkreta lill-familji biex aktar persuni jkunu jistgħu jsiru sidien ta' darhom. B'dan il-pakkett ta' tliet bidliet li qed inħabbru llum qed insaħħu l-għajnuna għal persuni b'diżabilità, filwaqt li nkomplu naġġornaw l-iskemi tagħna skont ir-realtajiet u l-ħtiġijiet tal-lum."

Il-Ministru Bonnici ħabbar ukoll li l-iskema qed tiġi aġġornata sabiex tkopri każijiet fejn proprjetà tkun ġiet mogħtija b'donazzjoni wara l-2022, iżda sussegwentement ikun ittieħed self għall-bini jew għat-tlestija tal-istess dar, issa dawk il-persuni se jkunu jistgħu jibbenifikaw minn  €1,000 fis-sena għal perjodu ta' għaxar snin huma wkoll.

Barra minn hekk, l-iskema se tkun estiża wkoll għal xerrejja oħra li ma jkunux first-time buyers, iżda li t-tieni residenza li se jixtru se tkun ir-residenza primarja u unika tagħhom u ma jkollhomx proprjetajiet oħra. Din it-tielet bidla għalhekk se tkun qed tindirizza sitwazzjonijiet differenti fosthom persuni separati li jkollhom bżonn jixtru proprjetà ġdida biex din isservi bħala r-residenza primarja tagħhom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa qal, “Wara kull applikazzjoni hemm persuna jew familja li qed taspira li ssir sid ta' darha. Madanakollu mhux kulħadd jibda mill-istess punt u ċ-ċirkostanzi tal-ħajja jinbidlu. Għaldaqstant, l-emendi li qed inħabbru llum huma maħsuba proprju sabiex l-għajnuna tasal b'mod aktar ġust għand min għandu bżonnha, inkluż persuni b'diżabilità, persuni separati u familji li sabu ruħhom f'realtajiet differenti. Kommessi li nkomplu nisimgħu lin-nies, nifhmu r-realtajiet tagħhom u nadattaw l-iskemi tagħna biex aktar persuni jkollhom opportunità reali li jsiru sidien ta' darhom."

F'Malta madwar 85% tal-familji Maltin huma sidien tal-proprjetà tagħhom.  Din tibqa' waħda mill-aspirazzjonijiet ewlenin tal-familji, partikolarment taż-żgħażagħ li jkunu qed jagħmlu dan il-pass importanti f'ħajjithom. L-Awtorità tad-Djar toffri portafoll wiesa' ta' skemi biex jgħin lill-familji jsiru sidien ta' darhom u jsaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jlaħħqu mal-ispejjeż marbuta max-xiri u ż-żamma tal-proprjetà. Bħala medja, kuljum familja waħda tkun qed tibbenefika minn xi waħda mill-iskemi tal-Awtorità tad-Djar biex tkun tista' ssir sid ta' darha.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jżur https://housingauthority.gov.mt/scheme/first-time-buyer-scheme/

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Ikomplu jiżdiedu l-għajnuniet għall-familji fil-qasam tal-akkomodazzjoni bis-saħħa ta’ tliet bidliet pożittivi għall-iskema tal-First-Time Buyers
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Ikomplu jiżdiedu l-għajnuniet għall-familji fil-qasam tal-akkomodazzjoni bis-saħħa ta’ tliet bidliet pożittivi għall-iskema tal-First-Time Buyers
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Il-Mazzit rikonoxxut mill-Unjoni Ewropea bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta

PR261920

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Se jitfassal dokument ta’ drittijiet u responsabbiltajiet għal kull min jidħol f’kuntratt ta’ kirja wara l-konsultazzjoni pubblika dwar il-Buyers’ Charter

PR261919

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Se jitfassal do...

More Press Releases Right arrow