STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker Carmelo Abela jiltaqa’ mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin
L-Ispeaker jisħaq fuq djalogu u relazzjoni aktar b’saħħitha bejn il-Parlament u l-midja
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, saħaq fuq l-impenn tiegħu li jkompli jsaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-Parlament u l-midja permezz ta’ djalogu aktar regolari, koordinazzjoni aħjar u inizjattivi li jiffaċilitaw il-ħidma tal-ġurnalisti.
Dan ħareġ waqt laqgħa mal-membri ġodda tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM), immexxi mill-President Nicole Meilak.
“Ġurnaliżmu ħieles, professjonali u responsabbli huwa essenzjali għal demokrazija b’saħħitha. Bħala Speaker, irrid nagħti importanza partikolari lir-relazzjoni bejn il-Parlament u l-midja, għax il-midja hija mezz essenzjali biex dak li jsir fil-Parlament jasal għand iċ-ċittadin,” qal l-Ispeaker Abela.
L-Ispeaker qal li din il-laqgħa hija l-ewwel pass f’dan l-impenn u esprima l-intenzjoni li jiġu organizzati laqgħat mal-edituri u l-ġurnalisti mill-kmamar tal-aħbarijiet, kif ukoll sessjonijiet informattivi li permezz tagħhom il-Parlament ikun jista’ jagħti aktar tagħrif dwar il-funzjoni u l-proċeduri parlamentari. Dan għandu jkompli jsaħħaħ l-għarfien dwar il-ħidma tal-Parlament u jgħin biex ir-rappurtaġġ dwar il-ħidma parlamentari jkun dejjem aktar ċar, preċiż u infurmat.
Il-President tal-IĠM, Nicole Meilak, laqgħet din il-laqgħa u rringrazzjat lill-Ispeaker għall-impenn tiegħu favur djalogu miftuħ mal-Istitut. L-IĠM laqa’ b’sodisfazzjon l-impenn għal aktar kooperazzjoni u djalogu bejn il-Parlament u l-midja, u għal relazzjoni ta’ ħidma aktar diretta u b’saħħitha.
Matul il-laqgħa, l-IĠM qajjem ukoll punti dwar il-press point, fejn il-ġurnalisti jkollhom l-opportunità jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom lill-Membri Parlamentari, kif ukoll dwar il-barrikati madwar il-binja tal-Parlament.
Dwar il-press point, l-Ispeaker qal li se jkun qed jesplora modi kif tista’ tiġi ffaċilitata aktar il-ħidma tal-ġurnalisti fil-Parlament, sabiex ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom f’kundizzjonijiet adegwati u b’mod professjonali.
“Il-ħsieb huwa li tinstab soluzzjoni aktar xierqa mill-barrikati preżenti, filwaqt li tinżamm forma adegwata ta’ kontroll tal-aċċess għall-ispazju taħt il-Parlament. Irridu soluzzjoni li tirrispetta l-estetika u d-dinjità tal-binja bħala l-ogħla istituzzjoni rappreżentattiva tal-pajjiż, mingħajr ma xxekkel l-aċċess tal-ġurnalisti jew tal-pubbliku għall-Parlament,” saħaq l-Ispeaker.
L-Ispeaker tenna li l-Parlament se jibqa’ aċċessibbli għall-pubbliku. Il-pubbliku jibqa’ jista’ jidħol fil-Parlament u jsegwi s-seduti mill-Istrangers’ Gallery, skont il-proċeduri ta’ aċċess stabbiliti, filwaqt li l-ġurnalisti jibqa’ jkollhom l-aċċess meħtieġ biex iwettqu xogħolhom.
L-Ispeaker u l-IĠM qablu fuq l-importanza li jinżamm djalogu regolari u kostruttiv, bil-għan li tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-Parlament u l-midja u, fuq kollox, li l-pubbliku jkun jista’ jibqa’ infurmat tajjeb dwar il-ħidma parlamentari.
Preżenti għal-laqgħa min-naħa tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin kienu l-President Nicole Meilak u l-membri tal-Kunsill Daniel Ellul, Juliana Zammit u Emma Brownrigg Fenech.
Other Press Releases:
PR261920
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261919