Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Inwettqu Flimkien: Iffirmat l-ewwel Ftehim Kollettiv għall-Istitut għall-Edukazzjoni

PR240615
Date Icon 18/04/2024

Permezz ta' Ftehim Kollettiv li ġie ffirmat illum, qed jissaħħaħ l-Istitut għall-Edukazzjoni (IfE) għaliex mit-twaqqif tiegħu fl-2015, dan huwa l-ewwel ftehim kollettiv għall-professjonisti u ħaddiema ta' din l-istituzzjoni edukattiva. Permezz tiegħu se jgawdu titjib finanzjarju u titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol 39 impjegat full-time u 8 part-time.

Il-ftehim, li jkopri l-perjodu mill-2020 sal-31 ta' Diċembru 2025, kien iffirmat minn Joanne Grima, Kap Eżekuttiv tal-IfE, u minn Marco Bonnici, Elaine Germani u Christopher Vella għan-naħa tal-Malta Union of Teachers.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Matthew Vella u s-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joyce Cassar ippresedew l-iffirmar tal-ftehim.

“Il-ftehim li qed niffirmaw illum juri l-impenn tagħna li nkomplu ninvestu fl-aqwa riżors li għandu pajjiżna, ir-riżors uman u huwa għalhekk li qed inkomplu ninvestu fil-ħaddiema tas-settur edukattiv b'mod dirett. Dan il-ftehim isaħħaħ il-professjonisti u l-ħaddiema ta' din l-Istituzzjoni mhux biss b'kundizzjonijiet aħjar u żidiet ġusti li jirriflettu r-realtajiet tal-lum, imma anki jsaħħaħ il-progress fil-karriera ta' dawn il-ħaddiema," qal il-Ministru Clifton Grima.

Marco Bonnici, il-President tal-Malta Union of Teachers, sostna li, “Dan il-ftehim kien possibbli wara li  l-impjegati fil-gradi maniġerjali, amministrattivi u letturi tal-IfE urew il-fiduċja tagħhom fl-MUT bħala l-union ewlenija li tirrappreżentahom. L-impjegati flimkien mar-rappreżentanti tagħhom kellhom sehem attiv matul il-proċess kollu li wassal biex il-ftehim sab l-approvazzjoni permezz ta' vot ta' 100% tal-membri. Minbarra titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-pakkett finanzjarju fost l-oħrajn, dan il-ftehim qed jagħti s-sigurtà tal-impjiegi lill-istess impjegati billi jirrikonoxxi l-IfE bħala entità ewlenija u distinta b'servizz essenzjali fis-settur edukattiv."

Is-Sur Bonnici rringrazzja lill-Ministru, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Segretarju Permanenti, il-Kap Eżekuttiv u l-Uffiċjali tar-Relazzjonijiet Industrijali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, flimkien mal-uffiċjali, l-istaff, id-delegati u l-membri tal-MUT għall-konklużjoni ta' dan il-ftehim.

Is-Segretarju Permanenti Matthew Vella estenda l-gratitudni lill-partijiet kollha involuti fl-isforz kollaborattiv biex ġie ffinalizzat dan il-ftehim kollettiv. “Din il-kisba tirrifletti l-impenn tal-Ministeru, tal-Malta Union of Teachers u l-Institute for Education li b'dedikazzjoni indirizzaw il-ħtiġijiet u t-tħassib tal-partijiet kollha involuti. Dan l-impenn kostruttiv jenfasizza l-viżjoni tal-Ministeru li qed irawwem kultura ta' komunikazzjoni u djalogu miftuħ fost il-partijiet interessati li jwassal għall-inklussività u kooperazzjoni għal ekosistema edukattiva aktar magħquda," temm jgħid is-Sur Vella.

Il-ftehim jirrappreżenta wkoll it-trasformazzjoni fl-edukazzjoni li qed igawdi minnha pajjiżna, li jinkorpora l-valuri ta' kollaborazzjoni, rispett, u fehim reċiproku li huma essenzjali f'din il-bidla pożittiva.

Joanne Grima, il-Kap Eżekuttiv tal-Istitut għall-Edukazzjoni saħqet li dan il-ftehim huwa xhieda tal-impenn lejn kultura ta' kollaborazzjoni, rispett reċiproku u ġustizzja fi ħdan l-istituzzjoni. “Il-ftehim jirrifletti d-dedikazzjoni kemm tal-maniġment kif ukoll tal-impjegati biex jaħdmu flimkien lejn l-għanijiet komuni tagħna fl-edukazzjoni, ir-riċerka u s-servizz lill-komunità li nagħtu," qalet is-Sinjura Grima.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Inwettqu Flimkien: Iffirmat l-ewwel Ftehim Kollettiv għall-Istitut għall-Edukazzjoni
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Inwettqu Flimkien: Iffirmat l-ewwel Ftehim Kollettiv għall-Istitut għall-Edukazzjoni
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Malta Miegħek: Jiżdiedu l-għotjiet għat-tagħlim tal-mużika fil-każini tal-banda u għall-għaqdiet volontarji li jaħdmu fost iż-żgħażagħ

PR261930

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI T...

More Press Releases Right arrow