STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Inwettqu Flimkien: Imnedija għall-konsultazzjoni pubblika l-Istrateġija għall-Edukazzjoni Diġitali 2024 – 2030
Fl-isfond tax-xenarju li dejjem qed jevolvi tad-dinja diġitali, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni llum nieda l-Istrateġija għall-Edukazzjoni Diġitali 2024 – 2030 għall-konsultazzjoni pubblika.
It-tnedija saret mill-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima, li spjega l-viżjoni ta' din l-istrateġija kif ukoll ir-rabta tagħha mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2023-2030 il-ġdida. F'konferenza tal-aħbarijiet li saret illum fil-librerija tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, ingħataw dettalji wkoll ta' Eskola.
“Din l-'strateġija mhijiex biss dokument imma hija impenn li jiggwidana lejn futur fejn il-kompetenzi diġitali mhumiex biss imħeġġa imma inkorporati fl-istess qafas tas-sistema edukattiva tagħna. Aħna nagħrfu li l-pedament għal soċjetà inklussiva u parteċipattiva b'mod diġitali tibda fil-klassijiet tal-lum. Hija r-responsabbiltà kollettiva tagħna li niżguraw li kull individwu, irrispettivament mill-isfond jew mill-istatus soċjoekonomiku, ikollu aċċess ugwali għall-edukazzjoni diġitali ta' kwalità għolja," qal il-Ministru Grima.
L-istrateġija tenfasizza l-urġenza li kemm l-edukaturi kif ukoll l-istudenti jkomplu jitħejjew biex jamministraw il-kumplessitajiet tal-era diġitali b'mod responsabbli. Dan mhuwiex biss dwar il-kisba ta' ħiliet tekniċi iżda t-tnissil ta' mentalità li trawwem l-addattabilità, il-ħsieb kritiku, u t-teħid ta' deċiżjonijiet b'mod etiku.
L-istrateġija għandha erba' pilastri: l-ewwel pilastru: Inrawmu Ċittadini Diġitali Globali; it-tieni: Insaħħu lill-Edukaturi għas-Seklu 21; it-tielet pilastru: Impenn u Kollaborazzjoni tal-Komunità u r-raba': Intejbu r-Riżorsi Diġitali.
Permezz ta' dawn l-erba' pilastri, l-għan huwa li s-sistema edukattiva ta' Malta tingħata s-setgħa li trawwem individwi li huma diġitalment litterati, adattabbli u lesti biex jilqgħu l-isfidi tal-futur. L-Istrateġija għall-Edukazzjoni Diġitali hija pjan direzzjonali għal sistema edukattiva aktar dinamika, inklużiva, u diġitalment avvanzata għall-istudenti.
Fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2023-2030 il-ġdida hemm ċar il-ħidma li għandha ssir, dik li jkun provdut il-qafas neċessarju għal adozzjoni ta' ħiliet diġitali tas-seklu 21, speċjalment dawk ta' tħejjija diġitali, benesseri diġitali u ċittadinanza diġitali. Dawn huma trattati f'din l-istrateġija li tnediet illum għall-konsultazzjoni.
“Il-viżjoni tagħna fis-settur edukattiv hija dik li nkomplu nibnu fuq il-kisbiet tagħna, intejbuhom u naġġornawhom għaż-żminijiet tal-lum," qal il-Ministru Grima meta tkellem dwar it-trasformazzjoni ta' dik li s'issa hija magħrufa bħala Teleskola u issa se ssir magħrufa bħala Eskola. It-trasformazzjoni ta' Teleskola għal Eskola hija immirata lejn l-aġġornament u t-tiġdid tal-istruttura ta' Teleskola biex tirrifletti aktar mill-qrib il-funzjonijiet ta' skola tradizzjonali. Eskola tista' tiġi aċċessata fis-sit eskola.edu.mt.
Id-dokument tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni Diġitali 2024-2030 għall-konsultazzjoni pubblika jista' jiġi aċċessat fis-sit https://www.gov.mt/mt/publicconsultation/Pages/2024/NL-0008-2024.aspx. Din il-konsultazzjoni pubblika hija miftuħa sat-28 ta' Ġunju 2024.
Other Press Releases:
PR261930en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...
PR261930