STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Malta tipparteċipa f’riċerka li tqajjem aktar għarfien dwar il-litteriżmu finanzjarju
Malta ħadet sehem fir-riċerka internazzjonali tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku (OECD) fejn sar stħarriġ dwar il-litteriżmu finanzjarju. Dan sabiex ikun hemm aktar għarfien dwar is-suġġett, u jidħlu fis-seħħ miżuri u rakkomandazzjonijiet.
F'konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon ħabbar ir-riżultati li ħarġu minn dan l-istħarriġ.
F'din ir-riċerka ħadu sehem aktar minn 1000 parteċipant, fl-etajiet bejn 18 u 79 sena li kienu jinkludu kemm Maltin, kif ukoll residenti barranin. Id-data ta' kull pajjiż li ħa sehem ġiet miġbura f'pubblikazzjoni tal-OECD. Din ir-riċerka ġiet ukoll mqabbla ma' dik tal-2018 biex hekk seta' jiġi analizzat il-bidla fil-qasam finanzjarju lokali u l-mod kif iċ-ċittadini jħarsu lejn l-immaniġġjar tal-flus.
Dan l-istudju sab illi aktar persuni qed ikomplu jinvestu fil-karrieri tagħhom, billi jtejbu l-impjieg u l-paga tagħhom, u dan qed iwassal sabiex aktar residenti Maltin ikunu komdi meta jaslu fl-età tal-irtirar.
L-istudju sab ukoll illi 12% biss ta' dawk li pparteċipaw ma kellhomx pjan għall-irtirar tagħhom, dan b'kuntrast mal-45% li kien hemm fis-sena 2018.
Il-Ministru Michael Falzon qal li l-Gvern ħa nota ta' dawn ir-riżultati, li se jwasslu ukoll għal miżuri iktar tanġibbli u ffukati, li ser iservu bħala bażi għall-Istrateġija għall-Kapaċità Finanzjarja li jmiss.
Il-ministru tkellem ukoll dwar kemm hu importanti l-għarfien u l-ippjanar fit-tul għall-irtirar anki permezz tal-pensjonijiet privati u semma li preżentement għaddejjin diskussjonijiet ma' kumpaniji ta' assigurazzjoni u partijiet oħra interessati dwar dan.
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932