Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija

PR261933
Date Icon 16/11/2026

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri inawgura Auberge du Chocolat, kunċett ġdid fi ħdan Savina Artisan Centre, li qed jintroduċi dimensjoni ġdida fil-produzzjoni u l-esperjenza taċ-ċikkulata artiġjanali f’Għawdex.

 

Din l-inizjattiva qed tittella’ fl-okkażjoni tal-20 anniversarju ta’ Savina u tirrappreżenta pass ieħor fl-iżvilupp tal-kumpanija, bil-għan li tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-suq Malti tal-prodotti premium, filwaqt li toffri esperjenza differenti kemm lir-residenti kif ukoll lit-turisti li jżuru l-gżira.

 

Il-Ministru Clint Camilleri enfasizza l-importanza ta’ inizjattivi li jgħaqqdu l-investiment, il-kreattività u t-talent lokali, filwaqt li joħolqu opportunitajiet ġodda għall-ekonomija Għawdxija. “Auberge du Chocolat huwa eżempju ta’ kif in-negozji Għawdxin jistgħu jkomplu jevolvu u jinvestu f’kunċetti innovattivi li jagħtu valur miżjud lill-prodotti tagħhom. Għawdex għandu tradizzjoni rikka ta’ artiġjanat, gastronomija u prodotti ta’ kwalità, u inizjattivi bħal din jgħinu biex inkomplu nibnu fuq din l-identità. Irridu nkomplu noħolqu esperjenzi li mhux biss jattiraw lill-viżitaturi, iżda wkoll jagħtu opportunitajiet lin-negozji u lill-ħaddiema Għawdxin. Fis-sena li fiha Għawdex qed jiċċelebra t-titlu ta’ Reġjun Ewropew tal-Gastronomija 2026, proġetti bħal dawn jikkontribwixxu biex nuru l-kreattività, l-innovazzjoni u l-eċċellenza li għandha x’toffri l-gżira tagħna.”

 

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv ta’ Magro Brothers, Chris Magro qal li dan il-proġett huwa espressjoni ta’ bżulija, kreattività u ħila minn bosta ħaddiema u diriġenti fi ħdan il-grupp tagħhom.

 

Auberge du Chocolat tgħaqqad l-arti tal-produzzjoni taċ-ċikkulata ma’ kunċett innovattiv u esperjenza interattiva għall-klijenti. Il-proġett jintroduċi sezzjoni ddedikata għall-produzzjoni artiġjanali taċ-ċikkulata, flimkien ma’ għażla ta’ ġewż ta’ kwalità għolja li jiġi mixwi fuq il-post. Permezz ta’ dan il-kunċett, il-klijenti jistgħu jagħżlu l-varjetajiet taċ-ċikkulata u ġewż li jippreferu, li mbagħad jinbiegħu bl-użin.

 

Il-proġett jinkludi wkoll l-introduzzjoni ta’ prodotti ġodda li jgħaqqdu t-togħmiet tal-Mediterran mat-tradizzjoni Maltija. Dan permezz ta’ tamal tal-aqwa kwalità, miksub minn diversi lokalitajiet fil-Mediterran, mimli b’għażla ta’ mili b’elementi tradizzjonali Maltin u mgħotti b’ċikkulata ta’ kwalità għolja.

 

Din l-esperjenza hija maħsuba biex il-viżitaturi jkunu jistgħu mhux biss jixtru prodotti ta’ kwalità, iżda wkoll japprezzaw il-proċess kreattiv u l-arti li hemm wara l-produzzjoni taċ-ċikkulata. Lil hinn mill-esperjenza offruta lill-klijenti, il-proġett għandu wkoll impatt ekonomiku u soċjali. Huwa se joħloq opportunitajiet ta’ xogħol għall-ħaddiema involuti direttament fil-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti ġodda, filwaqt li jipprovdi opportunitajiet kummerċjali għal kumpaniji Għawdxin oħra li jipprovdu l-materja prima u s-soluzzjonijiet għall-ippakkjar meħtieġa.

 

Il-proġett irċieva l-appoġġ ta’ Malta Enterprise, filwaqt li Savina qed tippjana aktar inizjattivi fix-xhur li ġejjin, bil-għan li tkompli tespandi l-offerta premium tagħha u ssaħħaħ il-profil tal-kumpanija fost il-komunità lokali u t-turisti li jżuru s-Savina Artisan Centre.

 

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-ftuħ ta’ Auberge du Chocolat ikompli jikkonferma l-potenzjal ta’ Għawdex li jkompli jiżviluppa offerta turistika bbażata fuq l-identità, il-kwalità u l-awtentiċità.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

More Press Releases Right arrow