STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Imnedija l-iskema Post-Doctoral Fellowship 2024
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti ħabbar li qed terġa' tiġi mnedija l-iskema Post-Doctoral Fellowship Scheme.
Wara s-suċċess tal-iskema li ħarġet għall-ewwel darba fl-2022, b'kollaborazzjoni bejn l-Università ta' Malta u l-Kamra tal-Kummerċ, reġgħu infetħu l-applikazzjonijiet għal din is-sena. Permezz ta' din l-iskema, studenti ggradwati bid-dottorat se jingħataw l-opportunità sabiex jingħaqdu ma' negozji lokali għal skop ta' riċerka. Għaldaqstant, dawn l-istudenti se jkollhom iċ-ċans iwettqu dak li tgħallmu fil-prattika bil-għan li jgħinu l-industrija lokali filwaqt li jiksbu l-esperjenza meħtieġa.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq fuq l-importanza ta' kollaborazzjonijiet ta' dan it-tip. “L-investiment fl-edukazzjoni qiegħed iħalli l-frott meħtieġ u qed nerġgħu niftħu l-applikazzjonijiet għal din l-iskema, għaliex hija ta' benefiċċju kemm għall-istudenti li kisbu d-dottorat tagħhom u anki għas-suq lokali," stqarr is-segretarju parlamentari.
Huwa sostna wkoll li permezz tal-implimentazzjoni ta' din l-iskema, il-Gvern qiegħed jagħti wkoll inċentiv lill-industrija lokali sabiex, flimkien ma' riċerkaturi lokali, jespandu l-prodotti u s-servizzi tagħhom, biex b'hekk ikabbru n-negozju u jkunu kompetittivi mhux biss fis-suq lokali, iżda anki fis-suq internazzjonali.
Dr Marthese Portelli, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, sostniet li l-akkademiċi għandhom jirrikonoxxu li l-industrija lokali tipprovdi prospetti tajbin għar-riċerka li tgħin lill-ekonomija tagħna tikber aktar, u n-negozju għandu jagħraf il-potenzjal tar-riċerkaturi lokali u jikkollabora magħhom biex itejjeb il-prodotti u s-servizzi tiegħu. “Matul dawn l-aħħar snin, il-Kamra tal-Kummerċ dejjem saħqet dwar l-importanza tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni," qalet Dr Portelli.
Min-naħa tiegħu, ir-Rettur tal-Università ta' Malta, Prof. Alfred Vella, tkellem dwar l-importanza tar-riċerka bħala mezz li jgħin l-intrapriżi ekonomiċi jkomplu jissaħħu. Huwa semma li din il-ġimgħa stess, mill-Università se jiggradwaw 66 student b'dottorat li uħud minnhom ikunu jistgħu jipparteċipaw f'din l-iskema bħala 'post-docs' u b'hekk jawgura suċċess lil din il-kollaborazzjoni lejn l-Università u l-industrija għall-ġid komuni.
L-iskema Post-Doctoral Fellowship Scheme hija miftuħa għal studenti li għadhom kif ġabu d-dottorat u jixtiequ jikkollaboraw ma' negozji lokali, kif ukoll għal dawk in-negozji li diġà jimpjegaw riċerkaturi lokali u li jixtiequ jwettqu proġett ta' riċerka. Kull proġett magħżul se jkun iffinanzjat b'massimu ta' €68,000 fis-sena għal sentejn għal kull riċerkatur, li jista' jiġi estiż għal sena oħra.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jidħol fis-sit https://www.maltachamber.org.mt/post-doctoral-fellowship-scheme-2024/ jew jibgħat email fuq postdocfellowship@um.edu.mt. L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu mniżżla mill-istess sit u huma miftuħa sa 12pm tat-30 ta' April 2024.
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932