STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Aktar studenti se jibbenefikaw mill-istipendju supplimentari
Waqt żjara li l-Ministru Clifton Grima għamel fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, fejn anke ltaqa’ mal-istudenti u sema’ dak li kellhom xi jgħidu dwar l-andament tas-sena edukattiva tagħhom, huwa ħabbar li se jitwessgħu l-means testing bands biex aktar studenti jkunu eliġibbli għal stipendju supplimentari.
Permezz ta’ din il-miżura elettorali se titwessa’ l-eliġibilità għal din l-għotja addizzjonali biex jintlaħqu aktar studenti li jkunu ġejjin minn familji bi dħul baxx. Se jkun hemm kunsiderazzjoni wkoll għan-numru ta’ studenti fil-familja, li jkunu għaddejjin bl-istudju tagħhom.
Minn din il-miżura li tapplika mis-sena akkademika preżenti se jibbenefikaw għall-ewwel darba aktar minn 300 student. L-aġġustamenti huma konsiderevoli b’żidiet fil-faxex li jvarjaw minn €2,550 għal €3,200.
“Qed inkomplu nikkonfermaw li dan il-Gvern iwettaq dak li jwiegħed u nikkonfermaw ukoll ir-ruħ soċjali li għandu dan il-Gvern. L-għan tagħna huwa li nkomplu nibnu sistema li tgħin aħjar lill-istudenti f’kull livell soċjali, anki b’appoġġ finanzjarju, għaliex irridu verament li nkunu ġusti ma’ kulħadd. F’mument importanti fl-istadju tal-istudju tagħhom, qed naraw li kulħadd ikun f’pożizzjoni li jilħaq l-aspirazzjonijiet kollha tiegħu,” temm jgħid il-Ministru Grima.
Waqt iż-żjara l-Ministru Grima kien akkumpanjat mill-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST il-Professur James Joachim Calleja.
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932