STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-INDAFA PUBBLIKA: Investiment f’dawl ġdid għall-faċċata tal-Kolleġġjata Bażilika ta’ Sant’ Elena f’Birkirkara
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ser tkun qiegħda tinvesti ’l fuq minn €400,000 f’sistema ta’ dawl ġdid iżjed effiċjenti u sostenibbli fuq il-faċċata tal-Kolleġġjata Bażilika ta’ Sant’Elena f’Birkirkara. Il-ħsieb huwa li dan id-dawl ġdid jikkumplimenta l-arkitettura ta’ din il-knisja bi storja kulturali u reliġjuża li tmur lura għas-seklu tmintax.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia fil-preżenza tal-Prepostu, Monsinjur Dun Louis Suban, u l-President tas-soċjetà Dun Filippu Borgia, Joe Debono Grech.
Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka kif dan huwa proġett li jingħaqad ma’ numru ta’ proġetti simili li saru fuq knejjes oħrajn fis-snin riċenti. “Malta hija żona turistika waħda. It-tradizzjonijiet u l-wirt kulturali li ħallew missirijietna huma rakkont li jista’ jixxandar ma’ kull min iżur il-Gżejjer Maltin. Għalhekk proġetti ta’ din l-għamla jagħtu valur miżjud fl-esperjenza turistika matul is-sena kollha,” tenna l-Ministru Clayton Bartolo.
Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia qal li dan l-investiment għandu l-potenzjal li jkompli jtejjeb il-prodott turistiku li kapaċi joffri pajjiżna. “Raħal kbir bħal Birkirkara għandu storja kbira speċjalment fil-kultura u r-reliġjon. Qed ninvestu f'dawn it-tip ta' proġetti biex inkomplu nsaħħu t-turiżmu reliġjuż u nkomplu naraw iżjed viżitaturi li jgawdu l-esperjenza unika fl-ibliet u l-irħula lokali,” saħaq iċ-Chairman Gavin Gulia.
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932