STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Ikompli l-investiment fis-sigurtà fil-qalba tal-komunitajiet
Minn proġett pilota f'lokalità waħda għal proġett mifrux ma' 85% tal-pajjiż, il-kunċett ta' community policing mhux biss qarreb lill-pulizija aktar lejn in-nies iżda qed iwassal għal aktar ħidma ta' prevenzjoni fil-kriminalità. Fosthom, fis-Siġġiewi, fejn il-komunità ilha tingħata s-servizzi tal-pulizija tal-komunità għal din l-aħħar sena, liema servizz qiegħed jissaħħaħ b'kollaborazzjoni mal-kunsill lokali.
Spjega dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, hekk kif il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi investa f'żewġ e-bikes u electric scooter biex ikompli jsaħħaħ is-servizz tal-pulizija tal-komunità f'din il-lokalità. Servizz li qiegħed ifisser li r-residenti qegħdin jaraw aktar preżenza tal-pulizija fit-toroq tar-raħal filwaqt li huma wkoll punt ta' referenza għalihom. Dan hekk kif jafu min hu l-pulizija assenjat f'dik il-lokalità, jistgħu jagħmlu kuntatt miegħu, filwaqt li qegħdin jiltaqgħu u jitkellmu miegħu regolarment. B'dan kollu jissarraf f'aktar fiduċja.
Il-Ministru Byron Camilleri sostna li l-kunsilli lokali għandhom sehem importanti fit-tħaddim ta' dan il-kunċett u tenna li fit-twettiq tal-wegħda li ser tara dan is-servizz jinfirex mal-pajjiż kollu, l-istess kunsilli lokali se jibqgħu sħab ewlenin fis-sigurtà fil-qalba tal-komunitajiet. Dan filwaqt li l-għan ewlieni jibqa' li s-sigurtà tal-pajjiż tibqa' tinġieb bl-istrateġija proattiva. Għal dan l-għan, din is-sena se jiġu introdotti wkoll il-Patrol and Community Support Officers, bħala parti minn miżuri mħabbra fil-baġit għal iżjed tisħiħ tas-sigurtà fost is-soċjetà.
Ma' dan kollu, fid-diskussjoni bejn il-partijiet preżenti fil-bini taċ-Ċentru Ċiviku tas-Siġġiewi, kien spjegat ukoll li l-parteċipazzjoni tal-pubbliku tibqa' kruċjali u sieħeb ewlieni tal-uffiċjali tal-pulizija biex il-pajjiż jinżamm sigur. Bil-kunċett ta' community policing jixhed ukoll dan għaliex huwa mod kif il-Korp qiegħed jidentifika l-isfidi li jwasslu għall-kriminalità u jindirizzahom. Eżempju ta' dan hi s-sinerġija li teżisti fis-Siġġiewi u kif l-istess kunsill lokali qiegħed jagħraf dejjem aktar l-importanza tal-pulizija tal-komunità u kif qed jinvesti f'dan is-servizz, bl-għan aħħari ta' aktar sigurtà u serħan il-moħħ għar-residenti.
Is-Sindku tal-Kunsill tas-Siġġiewi, Dominic Grech, kellu kliem ta' tifħir għall-ħidma li l-pulizija tal-komunità qiegħda twettaq fis-Siġġiewi u tenna l-impenn tal-kunsill li anke jkompli jaħdem id f'id għal lokalità dejjem aktar sigura. Fisser dan l-investiment bħala xhieda ta' koperazzjoni b'saħħitha bejn il-Kunsill u l-Pulizija għall-ġid tar-residenti.
Preżenti wkoll għal dan il-ftehim ta' kollaborazzjoni kien hemm il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, membri tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, flimkien ma' uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija u oħrajn li jservu fis-servizz tal-Community Policing.
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932