STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT “Il-kanċer jibqa’ fost l-akbar sfidi li trid tirbaħ il-mediċina” – il-President George Vella
Il-President ta' Malta George Vella qal li l-pazjent tal-kanċer mhux waħdu u jeħtieġ li nħarsu lejh fl-isfond tal-familja u tas-soċjetà, bil-għan li s-servizzi anċillari joffru terapija kompluta li tieħu inkonsiderazzjoni lill-familja u n-nies qrib tiegħu.
Waqt li kien qed jindirizza konferenza organizzata min-National Cancer Platform b'rabta mal-Jum Dinji tal-Kanċer, bit-tema 'Getting through Cancer together', il-President qal li l-kanċer jibqa' fost l-akbar sfidi li trid tirbaħ il-mediċina.
Minkejja l-iżviluppi f'dan il-qasam, il-President stqarr li fadal ħafna xi jsir u li għad hemm bżonn tal-għaqdiet li jaħdmu b'tant dedikazzjoni f'aspetti differenti tal-kanċer. “In-National Cancer Platform qed tagħti s-saħħa fl-għaqda. Qegħdin numru ta' organizzazzjonijiet li għandkom interessi totalment differenti, ħafna drabi, però flimkien tingħaqdu u tgħinu lil xulxin għax tkunu qed tħarsu mil-lat olistiku lejn din l-isfida," irrimarka l-President.
Fid-diskors tal-ftuħ, il-President Vella qal li jeħtieġ li l-organizzazzjonijiet jiffukaw fuq l-edukazzjoni u l-għarfien dwar x'inhu l-kanċer, dwar il-perikli tiegħu u kif jista' jiġi evitat fejn hu possibbli. Irrimarka li minkejja l-għarfien li hawn, xorta waħda għad hawn min jinjora twissijiet li jsiru kontra t-tipjip u x-xorb eċċessiv, fost oħrajn, u x'effett jista' jkollhom fuq saħħitna sustanzi bħad-droga.
In-National Cancer Platform, taħt il-patroċinju tal-President ta' Malta, tiġbor flimkien disa' għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu jew huma interessati f'xi aspett relatat mal-pazjenti morda bil-kanċer f'Malta: Action for Breast Cancer Foundation, Alive Charity Foundation, Aurora Support Services, Europa Donna Malta, Hospice Movement, Karl Vella Foundation, The Malta Community Chest Fund, Malta Colorectal Cancer Awareness Group u Puttinu Cares.
Il-President Vella rringrazzja lil kull min huwa parti min-National Cancer Platform, li twaqqfet fl-2015, u li saret organizzazzjoni volontarja fl-2019 bil-għan li ssaħħaħ ix-xogħol siewi li twettaq fis-settur tal-kanċer.
Fil-ftuħ tal-konferenza fil-Palazz Verdala, Dr Noel Buttigieg Scicluna, Chairman tan-National Cancer Platform, irringrazzja lill-President u s-Sinjura Vella għas-sehem attiv tagħhom bħala patruni tan-National Cancer Platform.
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932