STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Imniedi l-programm ta’ attivitajiet marbutin ma’ Jum San Valentinu f’Għawdex
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri nieda l-programm ta' attivitajiet marbutin ma' Jum San Valentinu li din is-sena se jkun mifrux fuq ħamest ijiem mill-14 sat-18 ta' Frar 2024.
Jum San Valentinu jifforma parti integrali mill-kalendarju kulturali Għawdxi u minkejja li din is-sena qed jiġi ċċelebrat l-għada tal-Karnival, xorta waħda ġew organizzati numru t'attivitajiet mifruxin fuq ħamest ijiem. Għawdex stabbilixxa ruħu bħala destinazzjoni għal matul is-sena kollha u dan jixhduh l-eluf ta' viżitaturi, kemm lokali kif ukoll internazzjonali, li qed jagħżlu lil Għawdex għall-btajjel tagħhom.
“Permezz tal-kalendarju kulturali vast qed nassiguraw li Għawdex jibqa' jkun destinazzjoni turistika mfittxija, f'settur daqstant kompetittiv. Ir-riċerka qed turi li llum il-ġurnata, il-profil tat-turist inbidel minn dak li tradizzjonalment konna drajna għaliex qed ifittex destinazzjonijiet li joffru valur miżjud għal dak li qed iħallas. Hu għalhekk li bħala Ministeru investejna u qed inkomplu ninvestu fl-aspett kulturali li joffri pajjiżna, li apparti l-ġmiel naturali, hu mogħni wkoll b'ħafna talent," sostna l-Ministru Camilleri.
Il-Ministru temm jgħid li konvint li bl-impenn tal-istakeholders kollha, għal darb'oħra Għawdex ser ikollu sena oħra produttiva fis-settur turistiku. Dan filwaqt li tenna l-impenn tal-Ministeru li flimkien mal-operaturi f'dan il-qasam daqstant importanti għal Għawdex joħolqu esperjenza pożittiva għall-viżitaturi.
Għal aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet wieħed jista' jidħol fuq is-sit https://eventsingozo.com/valentines-in-gozo-2024/ jew jaċċessa l-programm minn din il-ħolqa; https://issuu.com/visitgozo/docs/valentine_s_in_gozo_2024.
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932