STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL Ħruġ Ġdid ta’ Stock tal-Gvern ta’ Malta b’Rata ta’ Mgħax Fissa – Frar 2024
PR240202
09/02/2024
L-Accountant General qiegħed iħabbar il-ħruġ ta' Stock tal-Gvern ta' Malta ta' mitejn u sebgħin miljun Ewro (€270,000,000) f'xi wieħed jew aktar miż-żewġ stocks imsemmija aktar 'l isfel:-
- 3.15% Stock tal-Gvern ta' Malta 2027 (VII); u
- 3.35% Stock tal-Gvern ta' Malta 2029 (V).
Is-somma li għandha tinġabar tista' tiżdied b'ammont sa massimu ta' €130,000,000 oħra f'każ li d-domanda tkun aktar mill-ammont offrut.
Membri tal-pubbliku li huma nteressati li jinvestu, jistgħu japplikaw għall-ammont sa massimu ta' erba' mija disgħa u disgħin elf u disa' mitt Ewro (€499,900) kull persuna f'xi wieħed jew f'kull wieħed miż-żewġ stocks. L-applikazzjonijiet jistgħu jsiru minn persuna waħda jew flimkien ma' persuna jew persuni oħra. L-applikazzjonijiet għall-membri tal-pubbliku jintlaqgħu minn nhar it-Tnejn, id-19 ta' Frar 2024 fit-8.30 a.m. u jagħlqu fis-2.30 p.m. tal-Erbgħa, il-21 ta' Frar 2024 jew aktar kmieni, fid-diskrezzjoni tal-Accountant General.
Applikazzjonijiet mingħand investituri wholesale magħmulin f'offerti b'irkant jiftħu il-Ġimgħa, it-23 ta' Frar 2024 fit-8.30 a.m. u jagħlqu 12.00 pm (f'nofsinhar) (CET) tal-istess ġurnata, jew aktar kmieni fid-diskrezzjoni tal-Accountant General.
L-Accountant General ser ikun qed iħabbar il-prezz ta' kull stock li qegħdin jiġu offruti għas-sottoskrizzjoni lill-membri tal-pubbliku nhar il-Ħamis, il-15 ta' Frar 2024. Dawn il-prezzijiet ser jiġu ppubblikati permezz ta' stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI).
Ir-riżultat tal-allokazzjoni ta' kull stock li jiġi allokat lill-applikanti li l-applikazzjoni tagħhom kienet magħmula f'offerti b'irkant, jiġi mgħarraf sagħtejn wara l-ħin tal-għeluq tal-irkant.
Il-formoli tal-applikazzjonijiet jistgħu jinkisbu minn u jiġu ddepożitati għand il-membri kollha tal-Borża ta' Malta u fornituri oħra awtorizzati ta' servizzi ta' investiment. Formoli tal-applikazzjonijiet jistgħu jitniżżlu wkoll minn fuq is-sit elettroniku tat-Teżor www.treasury.gov.mt minn nhar il-Ġimgħa, is-16 ta' Frar 2024.
Aktar tagħrif dwar dawn l-istocksjinsab fiċ-Ċirkolari tal-Offerta li tista' titniżżel minn fuq is-sit elettroniku tat-Teżor minn nhar il-Ġimgħa, id-9 ta' Frar 2024.
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932